Skip to content

Kif l-UE twieġeb għall-kriżijiet u tibni r-reżiljenza

L-UE qed taħdem fuq diversi fronti biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tirrispondi għall-kriżijiet u biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għall-isfidi futuri.

L-indirizzar ta' emerġenzi futuri

L-Unjoni Ewropea ffaċċat bosta kriżijiet matul l-istorja tagħha u gradwalment implimentat bidliet politiċi u istituzzjonali biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tindirizza emerġenzi futuri.

Kif muri mill-pandemija tal-COVID-19, il-kriżijiet qed isiru dejjem aktar kumplessi u ma jiqfux fil-fruntieri. L-UE u l-istati membri tagħha diġà ħolqu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u solidarjetà transfruntieri biex jimmaniġġaw il-kriżijiet u jipproteġu lin-nies b'mod effettiv.

Iżda r-rispons tal-UE għall-kriżijiet jeħtieġ li jevolvi. Fil-ġejjieni, l-UE trid tkun lesta tiffaċċa kriżijiet akuti ta' natura differenti, li jistgħu jkunu multidimensjonali jew ibridi, ikollhom effetti kaskata jew iseħħu simultanjament.

Biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għall-isfidi futuri, l-UE ser ikollha ttejjeb il-maniġġar transsettorjali u transfruntier tal-kriżijiet. Barra minn hekk, ser ikollha ttejjeb il-komunikazzjoni dwar il-kriżijiet u ssaħħaħ il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Ir-reżiljenza hija l-kapaċità li wieħed mhux biss jirreżisti u jkampa mal-isfidi iżda jwettaq ukoll tranżizzjonijiet b'mod sostenibbli, ġust u demokratiku.

F'Novembru 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tat-tħejjija, il-kapaċità ta' rispons u r-reżiljenza għal kriżijiet futuri. Fis-16 ta' Diċembru 2021, il-mexxejja tal-UE laqgħu l-konklużjonijiet u appellaw biex ir-rispons tal-UE għall-kriżijiet jissaħħaħ f'approċċ li jkopri l-perikli kollha u biex tinbena u tiġi mmonitorjata r-reżiljenza.

Minħabba r-rwol indispensabbli tas-suq uniku għall-UE, il-Kunsill jenfasizza li l-miżuri relatati mal-kriżi għandhom ikunu temporanji, proporzjonati u kkoordinati bis-sħiħ, bil-għan li jerġa' jibda malajr kemm jista' jkun il-funzjonament normali tas-suq uniku, inkluż il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital kif previst fit-Trattati. Konklużjonijiet tal-Kunsill, Novembru 2021

Mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet fl-UE

Meta sseħħ kriżi jew diżastru, sew jekk naturali u sew jekk ikkawżati mill-bniedem, l-UE tista' tuża diversi mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet biex tipprovdi l-għajnuna u ssolvi s-sitwazzjoni.

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili

Il-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili jikkoordina r-rispons għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE. Għandu l-għan li:

  • irawwem kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili
  • iżid l-għarfien tal-pubbliku dwar id-diżastri u l-livell ta' tħejjija tal-pubbliku għalihom
  • jippermetti li tingħata assistenza rapida, effettiva u kkoordinata lill-pajjiżi milqutin

Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni tar-reazzjoni f'każ ta' emerġenza (ERCC) hu l-qalba operattiva tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili: huwa attiv 24/7 u jikkoordina l-isforzi tal-UE ta' rispons għal diżastri.

Il-mekkaniżmu jinkludi wkoll Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Din tikkonsisti fi grupp volontarju ta' mezzi riżervati minn qabel mill-istati membri għal użu immedjat ġewwa jew barra mill-UE.

L-infografika ''Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili f'ċifri'' turi l-għadd ta' attivazzjonijiet għal kull pajjiż fl-2021, l-għadd totali ta' attivazzjonijiet bejn l-2007 u l-2021, u l-għadd ta' attivazzjonijiet skont it-tip ta' periklu bejn l-2007 u l-2021.
Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili f'ċifri (Infografika)

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili f'ċifri (Infografika)

F'Marzu 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ħidma tal-protezzjoni ċivili fl-UE fid-dawl tat-tibdil fil-klima. Hekk kif l-avvenimenti ta' temp estrem qed isiru aktar frekwenti u intensi, il-ministri appellaw għall-adattament tas-sistemi tal-protezzjoni ċivili għal avvenimenti bħal dawn, sabiex l-UE tkun aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Fost l-azzjonijiet sottolinjati fil-konklużjonijiet hemm:

  • l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni
  • il-ħidma fuq azzjonijiet adegwati ta' prevenzjoni u tħejjija
  • l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili
  • it-titjib tat-tħejjija taċ-ċittadini permezz ta' aktar informazzjoni
  • it-tħeġġiġ taċ-ċittadini u l-voluntiera biex jipparteċipaw f'inizjattivi ta' protezzjoni ċivili

Koordinazzjoni tal-kriżijiet fil-Kunsill

L-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) jappoġġaw teħid ta' deċiżjonijiet rapidu u kkoordinat fil-livell politiku tal-UE għal kriżijiet kbar u kumplessi, inkluż atti ta' terroriżmu.

Permezz ta' dan il-mekkaniżmu, il-presidenza tal-Kunsill tikkoordina r-rispons politiku għall-kriżi billi tlaqqa' l-istituzzjonijiet tal-UE, l-istati membri milqutin u atturi ewlenin oħrajn.

Il-mekkaniżmu tal-IPCR bħalissa huwa attivat biex jikkoordina l-miżuri tal-UE b'rispons għall-kriżi tal-migrazzjoni u għat-tifqigħa tal-COVID-19. Il-mekkaniżmu tal-Kunsill ta' koordinazzjoni għall-kriżijiet jista' jiġi attivat jew mill-presidenza jew wara li tiġi invokata l-klawżola ta' solidarjetà minn stat membru.

Spjegazzjoni dwar kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR
Kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR (Infografika)

Kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR (Infografika)

Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) ġie stabbilit fl-2002 biex jirreaġixxi għal diżastri naturali kbar u jesprimi s-solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta mid-diżastri fl-Ewropa. L-istati membri jistgħu jitolbu fondi tal-FSUE biex ilaħħqu ma' ġrajjiet katastrofiċi, inkluż għargħar, nirien fil-foresti, terremoti, maltempati u nixfa.

F'April 2020, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, l-ambitu tal-fond ta' solidarjetà ġie estiż biex ikopri emerġenzi kbar tas-saħħa pubblika.

Sa mill-ħolqien tiegħu, il-Fond intuża biex jirreaġixxi għal 118-il diżastru naturali u 20 emerġenza tas-saħħa pubblika.

Livell ta' tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa futuri

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' azzjoni koordinata tal-UE biex tirrispondi għall-kriżijiet tas-saħħa fil-ħin u b'mod effiċjenti.

Filwaqt li qieset it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, l-UE adottat erba' regolamenti taħt il-pakkett tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa biex ittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni, tidentifika u tirrispondi malajr għal emerġenzi tas-saħħa transfruntieri:

  • regolament ġdid dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa
  • mandati riveduti għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
  • qafas ta' emerġenza fir-rigward ta' kontromiżuri mediċi

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) f'Settembru 2021. Il-HERA twaqqfet biex tiżgura l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist u d-distribuzzjoni ekwa ta' kontromiżuri mediċi ewlenin fl-UE.

Pjan għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel

Il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 żvela l-vulnerabbiltà tal-katina alimentari tal-Ewropa għal sfidi kbar fil-provvista. F'Novembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tiddeskrivi pjan ta' kontinġenza biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa matul il-kriżijiet.

Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jgħinu lill-UE tiffaċċa l-isfidi inkluż avvenimenti estremi tat-temp, kwistjonijiet tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u n-nuqqas ta' kontributi ewlenin bħall-fertilizzanti, l-enerġija u x-xogħol. Dawn jinkludu l-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (EFSCM) u l-istabbiliment ta' grupp ta' esperti magħmul minn speċjalisti tal-istati membri, partijiet ikkonċernati rilevanti u rappreżentanti ta' pajjiżi mhux tal-UE li ser jiltaqgħu perjodikament biex jiżguraw li l-UE tkun ippreparata bis-sħiħ għal sfidi potenzjali tal-provvista tal-ikel.

Matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Diċembru, il-ministri tal-UE approvaw konklużjonijiet dwar il-pjan, filwaqt li rrikonoxxew il-ħtieġa li s-sistema tal-ikel tal-Ewropa tibqa' valida fil-futur kontra riskji u kriżijiet potenzjali. Il-ministri qablu li t-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 għandhom jinfurmaw l-approċċ tal-UE għal diżastri futuri minn hawn 'il quddiem.

Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE kellhom vidjokonferenza f'Marzu 2022 biex jiddiskutu r-riskju ta' impatt sinifikanti fuq is-settur agroalimentari, wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Fost il-miżuri diskussi, il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar il-pjan tagħha li tattiva l-mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (EFSCM) biex timmonitorja s-sitwazzjoni tas-suq.

Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern

F'Settembru 2024, il-Kunsill adotta l-att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern (IMERA).

L-objettiv tal-IMERA huwa li jantiċipa, iħejji u jirreaġixxi għall-impatt ta' kriżijiet futuri bl-użu tas-saħħa tas-suq intern.

Filwaqt li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda minn emerġenzi bħall-COVID-19, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-provvista tal-enerġija, il-mekkaniżmu l-ġdid ser isaħħaħ is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi billi:

  • jiffaċilita l-moviment ta' oġġetti, servizzi u persuni
  • jimmonitorja l-ktajjen tal-provvista
  • jiżgura l-aċċess għal oġġetti kritiċi
Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern

Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern

Liċenzjar obbligatorju

L-UE żviluppat regoli ġodda għal liċenzjar obbligatorju applikabbli fl-Unjoni kollha f'każ ta' kriżi.

Il-liċenzjar obbligatorju jħalli li gvern jippermetti lil parti terza tuża privattiva mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tal-privattiva.

F'sitwazzjonijiet ta' kriżi, il-liċenzjar obbligatorju jista' jgħin biex jipprovdi aċċess għal prodotti u teknoloġiji ewlenin, pereżempju jekk id-detentur ta' privattiva ma jkollux il-kapaċità li jipproduċi l-ammonti meħtieġa ta' prodott ewlieni, u jekk ftehim volontarju la jkun disponibbli u lanqas fattibbli.

Il-liċenzjar obbligatorju għandu jingħata biss wara l-attivazzjoni ta' modalità ta' emerġenza jew ta' kriżi fil-livell tal-UE.

Fis-27 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill approva r-regolament il-ġdid li:

  • jenfasizza n-natura tal-aħħar għażla tal-liċenzjar obbligatorju
  • iħalli l-gass, iċ-ċipep u l-prodotti tad-difiża barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament
  • jiżgura li ma jkun hemm l-ebda obbligu li jiġu żvelati sigrieti kummerċjali

Ir-reżiljenza kontra r-riskji fiżiċi u diġitali

Fil-laqgħa tiegħu fl-20 u l-21 ta' Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa atti ta' sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika, inkluż il-pipelines Nord Stream, u ddikjara li l-UE ser tilqa' kwalunkwe tfixkil intenzjonat tal-infrastruttura kritika jew azzjonijiet ibridi oħra b'rispons magħqud u determinat.

Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-istati membri tal-UE biex:

  • jieħdu miżuri urġenti u effettivi
  • jikkooperaw ma' xulxin, mal-Kummissjoni Ewropea u ma' atturi rilevanti oħra

Bħalissa l-UE qed taħdem fuq regoli ġodda biex l-entitajiet kritiċi fiżiċi u diġitali jsiru aktar reżiljenti.

Protezzjoni tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni

Fl-2016, l-UE adottat id-direttiva dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS), l-ewwel miżura leġiżlattiva li qatt ittieħdet għall-UE kollha bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE dwar il-kwistjoni vitali taċ-ċibersigurtà.

Id-direttiva stipulat obbligi ta' sigurtà għall-operaturi ta' servizzi essenzjali f'setturi kritiċi, bħal sptarijiet, grilji tal-enerġija, ferroviji, ċentri tad-data, amministrazzjonijiet pubbliċi, laboratorji tar-riċerka u fabbriki li jimmanifatturaw apparat mediku u mediċini kritiċi. Irrappreżentat ukoll pass kruċjali lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika fl-UE.

Bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet direttiva NIS riveduta (NIS2). Il-proposta l-ġdida twieġeb għax-xenarju ta' theddid li qed jevolvi u tqis it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà tagħna, li ġiet aċċellerata mill-kriżi tal-COVID-19.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar il-miżuri l-ġodda li ser:

  • jiżguraw ġestjoni u kooperazzjoni aktar b'saħħithom tar-riskju u tal-inċidenti
  • jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli

Il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika

F'Diċembru 2022, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jiżgura li setturi kritiċi bħall-enerġija, l-ilma, it-trasport u s-saħħa jkunu kapaċi jipprevjenu, jipproteġu kontra, jirreaġixxu għal, ilaħħqu ma' u jirkupraw minn:

  • attakki ibridi
  • diżastri naturali
  • theddid terroristiku
  • emerġenzi għas-saħħa pubblika

Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jsaħħu r-reżiljenza fiżika tal-entitajiet kritiċi.

L-entitajiet kritiċi huma entitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali li huma kruċjali għaż-żamma tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, l-attivitajiet ekonomiċi, is-saħħa u s-sigurtà pubblika, u l-ambjent. Wieħed mill-komponenti ewlenin ta' entità kritika huwa l-infrastruttura tagħha. Din tista' tinkludi assi, faċilità, tagħmir, network jew sistema meħtieġa għall-għoti ta' servizz essenzjali.

Skont ir-regoli l-ġodda, l-entitajiet kritiċi ser ikollhom bżonn:

  • jidentifikaw kwalunkwe riskju rilevanti li jista' jxekkel b'mod sinifikanti l-għoti ta' servizzi essenzjali
  • jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw ir-reżiljenza tagħhom
  • jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar inċidenti ta' tfixkil

Il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika f'Diċembru 2022 biex iwieġeb għall-atti ta' sabotaġġ kontra l-pipeline Nord Stream.

Ir-rakkomandazzjoni żżid il-kapaċità tal-UE li tipproteġi l-infrastruttura kritika tagħha u tkopri tliet oqsma ta' prijorità: it-tħejjija, ir-rispons u l-kooperazzjoni internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea adottat regoli ġodda biex l-infrastrutturi kritiċi jsiru aktar reżiljenti, reżistenti u jifilħu għax-xokkijiet.

Is-sigurtà tal-IT tas-settur finanzjarju

Fit-28 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta l-att dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali (DORA), bil-għan li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-IT tal-entitajiet finanzjarji.

DORA jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni ta':

  • kumpaniji u organizzazzjonijiet li joperaw fis-settur finanzjarju
  • partijiet terzi kritiċi li jipprovdulhom servizzi relatati mal-ICT

L-att joħloq qafas regolatorju dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali li permezz tagħha d-ditti kollha jeħtieġu jiżguraw li jkunu jistgħu jifilħu, jirrispondu u jirkupraw minn kull tip ta' tfixkil u theddid relatati mal-ICT.

Ir-regoli l-ġodda jikkostitwixxu qafas robust ħafna li jagħti spinta lis-sigurtà tal-IT tas-settur finanzjarju, filwaqt li jipprevjenu u jimmitigaw it-theddid ċibernetiku.

Finanzi diġitali

Finanzi diġitali

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Mejju 2025