"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 7 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Rati tal-VAT

Il-ministri qablu dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-aġġornamenti għal-leġiżlazzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-istati membri jiġu ttrattati b'mod ugwali u jagħtuhom aktar flessibbiltà biex japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa u żero. Ir-regoli għandhom l-għan ukoll li jeliminaw gradwalment it-trattamenti preferenzjali għal oġġetti li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Andrej Šircelj, Ministru għall-Finanzi tas-Slovenja
Illum, qbilna dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Dan il-fajl ilu jiġi diskuss fil-Kunsill għal żmien twil, u ninsab kuntent li sibna mod kif nikkonkluduh.
Andrej Šircelj, Ministru għall-Finanzi tas-Slovenja
Andrej Šircelj, Ministru għall-Finanzi tas-Slovenja

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali tal-istati membri u l-objettivi ta' politika attwali tal-UE, li nbidlu b'mod konsiderevoli minn meta kienu ġew stabbiliti r-regoli l-antiki.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta' progress tal-presidenza dwar il-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Fl-1 ta' Diċembru 2021 l-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar mandat biex jinnegozjaw mal-Parlament Ewropew dwar waħda mill-proposti tal-pakkett, dwar aġġornament tar-regoli eżistenti dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi. L-aġġornament għandu l-għan li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli għal ċerti kriptoassi.

Il-proposti l-oħra tal-pakkett għadhom qed jiġu kkunsidrati fil-Kunsill.

Pakkett dwar il-finanzi diġitali

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-pakkett dwar il-finanzi diġitali. Fl-24 ta' Novembru 2021, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCA) u proposta għal Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA). Dan il-ftehim jifforma l-mandat ta' negozjar tal-Kunsill għan-negozjati tat-trilogu mal-Parlament Ewropew.

Fl-24 ta' Novembru 2021, il-presidenza u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju fil-livell politiku dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażat fuq teknoloġija ta' reġistru distribwit (DLT). Id-dettalji tal-ftehim ser jiġu rranġati fil-livell tekniku u wara dan l-ambaxxaturi tal-istati membri għall-UE ser japprovaw il-ftehim, qabel ma titnieda l-proċedura formali ta' adozzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Tisħiħ tal-Unjoni Bankarja

Il-ministri evalwaw il-progress fit-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja abbażi ta' rapport tal-presidenza li jkopri d-diskussjonijiet li saru fil-grupp ta' ħidma ad hoc tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja matul it-tieni semestru tal-2021.

Unjoni tas-swieq kapitali

Il-ministri kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) ippreżentati mill-Kummissjoni fil-25 ta' Novembru.

Il-pakkett tas-CMU, magħmul minn komunikazzjoni biex tevalwa l-pjan ta' azzjoni u seba' leġiżlazzjonijiet settorjali li jistgħu jinġabru f'erba' blokok leġiżlattivi differenti: AIFMD; ELTIF; ESAP; MiFID/MiFIR. L-għan tal-pakkett leġiżlattiv huwa li l-kumpaniji tal-UE jiġu konnessi aħjar mal-investituri u jitjieb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, kif ukoll jitwessgħu l-opportunitajiet ta' investiment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u jiġu integrati aħjar is-swieq kapitali.

Irkupru ekonomiku fl-Ewropa

Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

L-implimentazzjoni tal-Faċilità qed timxi sew. Ġew approvati 22 pjan ta' rkupru mill-Kunsill. B'mod ġenerali, il-pjanijiet approvati s'issa jirrappreżentaw €291 biljun f'finanzjament mhux ripagabbli u €154 biljun f'self. 18-il stat membru diġà rċevew il-flus tal-prefinanzjament b'valur totali ta' aktar minn €54.2 biljun biex jappoġġaw l-ekonomiji tagħhom abbażi tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali. Andrej Šircelj, Ministru għall-Finanzi tas-Slovenja

L-istati membri kollha minbarra n-Netherlands ippreżentaw il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) tagħhom.

Il-Kunsill adotta 22 deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li japprovaw il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-RRPs u diġà żborża aktar minn €50 biljun ta' prefinanzjament biex jagħti spinta għall-bidu tal-investimenti u r-riformi.

Grafika: Il-fond għall-irkupru tal-UE jappoġġa l-istati membri biex jagħti spinta lill-ekonomija u jibni Ewropa aktar reżiljenti, ambjentali u diġitali.

Fond għall-irkupru: l-UE tagħti riżultati (Infografika)

Semestru Ewropew

Il-ministri ddiskutew iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2022, inkluż stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli tal-2022, rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija tal-2022 u rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, bħala parti mill-pakkett tal-ħarifa ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta' Novembru 2021.

Bord Fiskali Ewropew

Il-President tal-Bord Fiskali Ewropew ippreżenta r-rapport annwali tal-2021 tal-Bord Fiskali Ewropew dwar l-iżviluppi reċenti fil-politika fiskali fl-UE.

Fl-10 ta' Novembru 2021, il-Bord Fiskali Ewropew ippubblika l-ħames rapport annwali tiegħu. Ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-UE matul l-ewwel sena tal-pandemija tal-COVID-19 u jfakkar fil-proposti tiegħu għat-titjib tal-governanza fiskali fl-isfond tat-tnedija mill-ġdid tar-rieżami tal-governanza ekonomika mill-Kummissjoni.

Baġit ġenerali tal-UE 2022

Il-ministri qablu li jżidu dikjarazzjoni mal-minuti tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-persunal tal-Parlament Ewropew fil-baġit għall-2022.

Fit-23 ta' Novembru, il-Kunsill adotta l-baġit ġenerali tal-UE għall-2022 wara qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fis-16 ta' Novembru 2021. Il-baġit tas-sena d-dieħla jistabbilixxi l-impenji totali għal €169.5 biljun u l-pagamenti għal €170.6 biljun.

Rapport lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' taxxa

Minn Ġunju 2012, il-Kunsill beda jħejji rapporti biannwali lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' taxxa. Dawn ir-rapporti huma maqbula fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, u b'mod aktar speċifiku fil-grupp ta' ħidma dwar kwistjonijiet ta' taxxa.

Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%"

Il-ministri ħadu nota mingħajr diskussjonijiet tar-rapport tal-presidenza dwar il-progress li ntlaħaq fil-proposti dwar il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", b'attenzjoni partikolari għall-proposti għal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri u rieżami tad-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija.

Grupp dwar il-kodiċi tal-kondotta (tassazzjoni tal-intrapriżi)

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-progress miksub mill-grupp dwar il-kodiċi tal-kondotta (tassazzjoni tal-intrapriżi) matul il-Presidenza Slovena.

Il-ministri approvaw ukoll rapport tal-grupp dwar il-kodiċi tal-kondotta lill-Kunsill.

President tal-IMFC

Wara r-riżenja ta' Magdalena Andersson mill-pożizzjoni ta' President tal-IMFC, il-ministri għall-finanzi u l-ekonomija appoġġaw lil Nadia Calviño, Viċi Prim Ministru ta' Spanja bħala l-kandidat il-ġdid tal-UE għall-pożizzjoni ta' President tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC) tal-FMI. Nadia Calviño issa ser tapplika għall-pożizzjoni permezz tal-proċeduri applikabbli fl-FMI.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025