Finanzjament tat-tranżizzjoni klimatika
L-UE hija impenjata li tikseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli. Flimkien mal-istati membri tagħha, l-UE hija l-akbar fornitur ta' finanzjament għall-klima fid-dinja.
L-integrazzjoni tal-klima fin-nefqa tal-UE
L-UE tappoġġa bis-sħiħ it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli. Din hija parti mill-isforzi tal-UE biex tilħaq l-għanijiet tagħha dwar il-klima u l-enerġija skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) għall-2030.
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali, huma meħtieġa investimenti privati u pubbliċi kbar.
Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal sfidi iebsin mil-lat ta' saħħa u minn dak finanzjarju u ekonomiku, l-irkupru mill-pandemija offra l-opportunità li nerġgħu nibnu aħjar u b'mod aktar sostenibbli billi nsaħħu politiki pubbliċi li jiffavorixxu l-azzjoni klimatika bħal:
- ipprezzar tal-karbonju
- skoraġġiment ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u li mhumiex effiċjenti mil-lat ekonomiku
- bidla lejn investimenti sostenibbli
Fil-pjan ta' rkupru tal-UE, Next Generation EU (NGEU), 37% mis-€672.5 biljun tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza qed jintefqu fuq objettivi relatati mal-klima. Mira klimatika globali ta' 30% tapplika għall-ammont totali tan-nefqa mill-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027.
L-UE kif qed tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika? (Infografika)
Il-politika tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli
Nattiraw l-investiment privat
Is-suċċess fit-tranżizzjoni ekoloġika jitlob li l-investiment privat jiġi dirett, bħala komplement għall-finanzi pubbliċi.
Minn mindu l-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta' azzjoni tagħha ta' 10 punti għall-iżvilupp sostenibbli f'Marzu 2018, l-UE stabbiliet is-sisien tal-politika finanzjarja sostenibbli tagħha.
F'Ottubru 2019, l-UE u l-istati membri tagħha ngħaqdu ma' pajjiżi terzi fit-tnedija ta' pjattaforma internazzjonali ġdida dwar il-finanzi sostenibbli. L-għan ta' din il-pjattaforma huwa li żżid il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat lejn investimenti ambjentalment sostenibbli.
Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew tagħha, ippreżentat f'Diċembru 2019, il-Kummissjoni ħabbret li ser tressaq strateġija mġedda ta' finanzjament sostenibbli. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija l-ġdida biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima filwaqt li jiżdied l-investiment f'ekonomija aktar sostenibbli.
- Patt Ekoloġiku Ewropew (informazzjoni ġenerali)
- Pjattaforma internazzjonali dwar il-finanzi sostenibbli (Kummissjoni Ewropea)
- Pjan ta' azzjoni dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli (Kummissjoni Ewropea)
- Strateġija għall-Finanzi Sostenibbli (Kummissjoni Ewropea)
Implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-finanzi sostenibbli
Fl-2019 u fl-2020, il-Kunsill adotta leġiżlazzjoni li tidderieġi l-kapital privat lejn investimenti aktar sostenibbli fis-suq tal-kapital permezz ta':
- it-titjib tal-obbligi ta' trasparenza għall-intermedjarji finanzjarji f'termini biex jinkorporaw il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) fil-proċessi tagħhom tal-valutazzjoni tar-riskju
- il-ħolqien ta' kategorija ġdida ta' parametri referenzjarji għal investimenti sostenibbli biex tgħin lill-investituri jqabblu l-marka tal-karbonju tal-investimenti tagħhom
- l-istabbiliment ta' sistema ta' klassifikazzjoni unifikata tal-UE ("tassonomija") ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli
- Finanzi sostenibbli: il-Presidenza u l-Parlament Ewropew jilħqu qbil politiku dwar parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju (stqarrija għall-istampa, 25 ta' Frar 2019)
- Finanzi sostenibbli: il-Presidenza u l-Parlament jilħqu qbil politiku dwar ir-regoli ta' trasparenza (stqarrija għall-istampa, 7 ta' Marzu 2019)
- Finanzi sostenibbli: il-Kunsill jadotta sistema ta' klassifikazzjoni unifikata tal-UE (stqarrija għall-istampa, 15 ta' April 2020)
F'Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll linji gwida mhux vinkolanti biex tgħin lill-kumpaniji jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja rilevanti b'mod aktar konsistenti u komparabbli.
Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE
F'April 2020, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi sistema ta' klassifikazzjoni fl-UE kollha, jew ''tassonomija'', li ser tipprovdi lin-negozji u lill-investituri lingwaġġ komuni biex jidentifikaw dawk l-attivitajiet ekonomiċi li huma meqjusa ambjentalment sostenibbli.
Minn dakinhar 'l hawn, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ atti delegati fil-qafas tar-regolament dwar it-tassonomija tal-UE. Fost oħrajn, dan ir-regolament stabbilixxa kriterji tekniċi ta' skrinjar:
- għad-determinazzjoni ta' jekk attività ekonomika tikkontribwix b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima
- għall-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" li jiżgura li attività ekonomika partikolari ma jkollha l-ebda impatt ambjentali negattiv sinifikanti
Regolament dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej
F'Ottubru 2023, il-Kunsill adotta regolament li joħloq standard Ewropew għall-bonds ekoloġiċi.
Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-emittenti tal-bonds li jixtiequ jużaw l-isem "bond ekoloġiku Ewropew" jew "EuGB" għal bonds li jiddikjaraw li huma ambjentalment sostenibbli.
Huwa jistabbilixxi sistema għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tal-entitajiet li jaġixxu bħala rieżaminaturi esterni għall-bonds ekoloġiċi Ewropej u biex tirregola s-superviżjoni tal-emittenti tal-bonds ekoloġiċi Ewropej.
Ir-rikavati kollha mill-bonds ekoloġiċi Ewropej iridu jiġu investiti f'attivitajiet ekonomiċi li huma allinjati mat-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli. Għal dawk is-setturi li għadhom mhumiex koperti mit-tassonomija tal-UE u għal ċerti attivitajiet speċifiċi ħafna, ser ikun hemm marġni ta' flessibbiltà ta' 15%.
Bonds ekoloġiċi Ewropej (Infografika)
Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-finanzjament għall-klima
L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributuri tal-finanzjament pubbliku għall-klima fid-dinja.
Fl-2024, l-Unjoni Ewropea u s-27 stat membru tagħha kkontribwew €31.7 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta' €11 biljun f'finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Nofs il-finanzjament pubbliku għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ġie ddedikat għall-adattament għat-tibdil fil-klima jew għal azzjonijiet trażversali (li jinvolvu inizjattivi kemm ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' adattament għat-tibdil fil-klima) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Il-kontribuzzjoni għall-finanzjament għall-klima hija parti importanti mill-Ftehim ta' Pariġi tal-2015. Il-ftehim stabbilixxa mira li jiġu mobiliżżati $100 biljun fis-sena bħala kontribuzzjoni tal-pajjiżi żviluppati għall-finanzjament internazzjonali għall-klima sal-2025.
Il-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima (f'biljuni ta' euro) (Infografika)
L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ottubru 2025