"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 13 ta' Mejju 2025

Riżultati ewlenin

SAFE

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-istrument propost ta' Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE). Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tiġi appoġġata l-industrija tad-difiża Ewropea u ddiskutew l-aspetti baġitarji u ekonomiċi tal-assistenza finanzjarja pprovduta mill-istrument SAFE.

Andrzej Domanski, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja

Jeħtieġ li nirrilaxxaw €150 biljun f'self attraenti għall-investiment fid-difiża bħala kwistjoni ta' prijorità. Il-presidenza Pollakka għandha l-għan li tadotta r-regolament SAFE malajr kemm jista' jkun. Is-sigurtà ma tistax tinxtara, trid tinbena!

Andrzej Domanski, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja

Andrzej Domanski, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja

SAFE huwa strument finanzjarju ġdid li jgħin lill-istati membri jżidu n-nefqa fuq l-akkwist komuni fil-qasam tad-difiża permezz ta' assistenza finanzjarja ta' mhux iktar minn €150 biljun f'self lill-istati membri.

Dan l-approċċ għall-akkwist komuni ser ikun ta' benefiċċju kemm għall-istati membri kif ukoll għall-industrija, peress li ser jgħin biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala, jitnaqqsu l-ispejjeż u tissaħħaħ l-interoperabbiltà tas-sistemi u l-komponenti.

Il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-korpi preparatorji tal-Kunsill. Il-presidenza għandha l-għan li l-proposta tiġi adottata malajr kemm jista' jkun.

Regoli tal-VAT

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar id-direttiva dwar ir-regoli tal-VAT għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni. Il-Kunsill issa ser jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar it-test qabel ma jadottah formalment.

Ir-regoli l-ġodda ser itejbu l-ġbir tal-VAT fuq oġġetti importati billi jagħmlu lill-fornituri responsabbli għall-VAT imħallsa fuq l-importazzjoni. Dan ser jagħtihom inċentiv ieħor biex jużaw il-punt uniku ta' servizz għall-importazzjonijiet (IOSS) tal-VAT għall-obbligi kollha tal-VAT.

Il-portal tal-IOSS iservi bħala punt ta' kuntatt għall-importazzjoni ta' oġġetti minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jissimplifika d-dikjarazzjoni u l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta jiġu importati oġġetti fl-UE.

Kompetittività

Il-ministri ddiskutew il-kompetittività u s-simplifikazzjoni regolatorja u kif jista' jittejjeb l-ambjent tan-negozju tal-Ewropa. Il-fokus ta' dan il-punt tal-aġenda kien fuq l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti (SIU). Il-Kummissjoni adottat l-istrateġija għall-SIU fid-19 ta' Marzu 2025. L-istrateġija hija parti mill-isforzi tal-UE biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha u trawwem it-tkabbir ekonomiku billi timmobilizza l-kapital privat.

Fil-laqgħa tal-lum il-Kummissjoni ppreżentat l-SIU lill-ministri li kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija. Il-ministri qablu mal-objettiv tal-SIU li jiġi mobilizzat il-kapital privat. L-importanza tat-tlestija tas-suq uniku għall-kapital ġiet enfasizzata bħala rekwiżit biex dawn is-sorsi ta' finanzjament privat jiġu sfruttati u diretti lejn investimenti produttivi fl-UE.

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan huwa punt rikorrenti fuq l-aġenda tal-ministri għall-finanzi u l-affarijiet ekonomiċi. Il-fokus tal-iskambju, ibbażat fuq preżentazzjoni tas-Stockholm Institute of Transition Economics, kien fuq is-sitwazzjoni reali tal-ekonomija tar-Russja.

Il-Kummissjoni tat ukoll aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna. Faċilità ddedikata għall-Ukrajna toffri sa €50 biljun f'appoġġ finanzjarju stabbli u prevedibbli mill-2024 sal-2027. L-UE tipprovdi wkoll self ta' €18.1 biljun f'Assistenza Makrofinanzjarja (AMF) bħala parti minn inizjattiva tal-UE u tal-G7 ta' €45 biljun, li hu mistenni li jitħallas lura mid-dħul li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni tar-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja fl-UE.

Laqgħat internazzjonali - G20

Il-presidenza u l-Kummissjoni għarrfu lill-Kunsill dwar l-eżiti ewlenin tal-laqgħa tal-Ministri għall-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20, li saret fit-23 u l-24 ta' April, u l-laqgħat tar-rebbiegħa tal-FMI/Grupp tal-Bank Dinji.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw emendi mmirati ppreżentati min-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) tagħhom. Dawn il-pjanijiet jippermettu lill-istati membri jibbenefikaw mill-RRF - il-programm tal-UE ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira b'rispons għall-isfidi li ħolqot il-pandemija tal-COVID-19 għall-ekonomija Ewropea.

Sal-lum, l-UE żborżat aktar minn €311 biljun mill-faċilità lill-istati membri.

Affarijiet oħra

Il-presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Djalogu ekonomiku u finanzjarju

Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill sar djalogu ekonomiku u finanzjarju annwali mas-sħab reġjonali.

Il-presidenza attwali u t-tnejn li jmiss (il-Polonja, id-Danimarka u Ċipru) kif ukoll il-Kummissjoni, il-BĊE, is-sħab tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-Moldova u l-Ukrajna bħala osservatur iddiskutew l-iżviluppi ekonomiċi, l-isfidi u l-pjanijiet ta' politika.

Il-parteċipanti tad-djalogu adottaw konklużjonijiet konġunti bi gwida politika mmirata għal kull sieħeb parteċipanti.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 2 ta' Lulju 2025