"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-UE

Il-VAT hija kruċjali għad-dħul tal-istati membri tal-UE u għall-baġit tal-UE, iżda t-telf tal-VAT għadu sinifikanti. L-UE qed taħdem biex tiżgura sistema armonizzata filwaqt li tindirizza l-frodi u timmodernizza l-VAT permezz tad-diġitalizzazzjoni.

X'inhi l-VAT?

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija taxxa fuq il-konsum li tapplika għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti u s-servizzi.

Hija kklassifikata bħala taxxa indiretta, li jfisser li filwaqt li titħallas mill-konsumaturi, din tinġabar u tingħadda lill-awtoritajiet tat-taxxa min-negozji. Pereżempju, meta konsumatur jixtri ktieb f'ħanut tal-kotba, il-ħanut tal-kotba jinkludi l-VAT fil-prezz imħallas, u sussegwentement jgħaddi din it-taxxa lill-gvern.

In-negozji wkoll iħallsu din it-taxxa fuq dak li jixtru, iżda jistgħu jnaqqsuha mill-VAT li jridu jħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa.

Għaliex il-VAT hija importanti

Sors ta' dħul

Il-VAT hija waħda mill-aktar sorsi importanti ta' dħul għall-istati membri, u tikkontribwixxi għall-finanzjament tas-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-libreriji u t-trasport pubbliku.

Kull sena, l-istati membri tal-UE jiġbru aktar minn €1 000 biljun fi dħul mill-VAT. Fl-2024, il-VAT kienet tirrappreżenta 7.1% tal-PDG tal-UE, u kienet tammonta għal 15.5% tad-dħul totali tal-gvern mit-taxxa.

Finanzjament tal-baġit tal-UE

Il-VAT mhijiex biss sors ta' dħul essenzjali għall-istati membri iżda taqdi wkoll rwol kruċjali fil-finanzjament tal-inizjattivi tal-UE.

Porzjon mid-dħul mill-VAT ta' kull stat membru jifforma parti mir-"riżorsi proprji" tal-UE – wieħed mis-sorsi ta' finanzjament għall-baġit tal-UE. B'mod speċifiku, tiġi applikata rata standard ta' 0.3% għall-bażi tal-VAT ta' kull stat membru. Biex tiġi żgurata l-ġustizzja, din il-kontribuzzjoni hija limitata għal 50% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-pajjiż.

Id-dħul mill-VAT jirrappreżenta madwar 10% tad-dħul mir-riżorsi proprji tal-UE.

Il-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar tal-VAT

Minħabba l-impatt negattiv tat-telf tal-VAT fuq il-kapaċità tal-gvernijiet li jiffinanzjaw beni u servizzi pubbliċi essenzjali, dan jibqa' sfida sinifikanti fl-UE.

Fl-2023, l-istati membri tal-UE tilfu madwar €128 biljun fi dħul mill-VAT, u dan ikkontribwixxa għad-diskrepanza tal-VAT — id-differenza bejn il-ġbir tal-VAT mistenni u dak reali.

Is-sorsi ta' din id-diskrepanza huma primarjament marbuta mal-frodi, l-evażjoni u l-evitar, iżda jinkludu wkoll l-insolvenza korporattiva, il-falliment u żbalji amministrattivi.

Il-qafas legali tal-UE għall-VAT

L-UE ma timponix taxxi; it-taxxi jiġu imposti minn kull stat membru. Madankollu, l-UE ħolqot sistema armonizzata fl-istati membri kollha biex tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku.

Il-qafas legali għall-VAT fl-UE jinkludi:

  • l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE
  • id-direttiva tal-VAT, li tkopri s-sistema kollha tal-VAT tal-UE
  • ir-regolament tal-VAT, li jkopri l-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi
  • il-pakkett dwar il-VAT fl-era diġitali

l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

Il-bażi legali għall-armonizzazzjoni tat-taxxi indiretti bħall-VAT madwar l-UE hija stabbilita fl-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Dan jirrikjedi qbil unanimu tal-istati membri kollha u konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew biex jiġu adottati regoli ġodda.

Id-direttiva tal-VAT

L-UE stabbiliet qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva biex tgħin lill-istati membri jindirizzaw il-frodi transfruntiera tal-VAT u jiżguraw infurzar effettiv tat-taxxa.

Dan il-qafas jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa jaqsmu informazzjoni, iwettqu awditi konġunti u jappoġġaw lil xulxin fl-infurzar tar-regoli tal-VAT. Billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, dan jgħin biex jiġu identifikati u evitati skemi ta' frodi bħal frodi intra-komunitarja b'negozjant nieqes (magħrufa wkoll bħala frodi karusell), li jisfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali.

Strument ewlieni f'dan il-qasam huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, li jistipula r-regoli għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istati membri.

Fil-livell tal-UE, il-korpi speċjalizzati jikkomplementaw dawn l-isforzi:

  • l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jinvestiga l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE
  • l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iħarrek każijiet transfruntieri serji ta' frodi tal-VAT
  • in-network tal-Eurofisc jippermetti l-kondiviżjoni rapida tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar attivitajiet suspettużi

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda f'Novembru 2025 biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istati membri, l-awtoritajiet nazzjonali, l-UPPE u l-OLAF, biex b'hekk jiżdiedu l-isforzi biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.

Fil-5 ta' Mejju 2026, il-Kunsill laħaq qbil proviżorju dwar dan il-qafas. Dawn il-miżuri l-ġodda għandhom l-għan li jipprovdu aċċess aktar dirett għal data ewlenija dwar il-VAT fil-livell tal-UE, itejbu l-koordinazzjoni, iħaffu l-investigazzjonijiet u jsaħħu l-kapaċità tal-UE li tidentifika u tiġġieled il-frodi. Il-frodi karusell waħedha hija stmata li tiswa bejn €12.5 biljun u €32.8 biljun fis-sena, spiss bl-involviment ta' gruppi ta' kriminalità organizzata.

F'termini prattiċi, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser temenda r-regoli eżistenti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, filwaqt li ssaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni mal-UE kollha. Flimkien, dawn il-miżuri jgħinu biex jipproteġu d-dħul pubbliku, jissalvagwardaw il-baġit tal-UE u jiżguraw tassazzjoni ġusta fis-suq uniku kollu.

Ir-regolament tal-VAT

Ir-regolament tal-VAT jagħti lill-istati membri l-għodod xierqa biex jikkooperaw u jaqsmu informazzjoni relatata mal-VAT, u b'hekk l-amministrazzjoni transfruntiera tal-VAT issir aktar effiċjenti.

Il-pakkett dwar il-VAT fl-era diġitali

Fil-11 ta' Marzu 2025, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu dwar sensiela ta' miżuri biex is-sistema tal-VAT tiġi mmodernizzata, ssimplifikata u msaħħa permezz tad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġu miġġielda wkoll il-frodi u l-evitar tal-VAT.

Ir-regoli l-ġodda ser jaġġornaw is-sistema tal-VAT billi jintroduċu:

  • sistema ta' rappurtar diġitali f'ħin reali, għalkollox diġitali sal-2033, biex jiġi żgurat ġbir f'waqtu u preċiż tad-data dwar il-VAT
  • regoli aktar stretti għall-operaturi tal-ekonomija tal-pjattaformi li joffru kirjiet ta' akkomodazzjoni u servizzi tat-trasport tal-passiġġieri online, sabiex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta kemm tas-servizzi tradizzjonali kif ukoll ta' dawk online
  • estensjoni tal-ambitu ta' "punti uniċi ta' servizz" sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess ta' reġistrazzjoni tal-VAT għan-negozji li joperaw f'kull stat membru

Tassazzjoni diġitali

Ara wkoll

Kif taħdem il-politika tat-tassazzjoni tal-UE

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Mejju 2026