"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 20 ta' Ġunju 2025
Riżultati ewlenin
Riforma doganali tal-UE
Il-Presidenza ppreżentat lill-ministri ħarsa ġenerali lejn il-progress miksub fil-pakkett ta' riforma doganali. Il-preżentazzjoni kienet segwita minn skambju ta' fehmiet dwar is-suġġett. Matul id-diskussjoni, il-ministri esprimew appoġġ wiesa' għal qbil f'waqtu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-qafas il-ġdid.
Ir-riforma tad-dwana hija neċessità strateġika għall-UE jekk irridu nwieġbu kif xieraq għall-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom f'dinja dejjem aktar kumplessa. Dawn il-proposti jistabbilixxu Unjoni Doganali moderna u stabbli għall-futur li tipproteġi s-Suq Uniku tagħna kif ukoll is-sigurtà ekonomika tagħna. Kollettivament, għamilna progress kostanti u konsiderevoli f'dan il-fajl u jidher li jista' jintlaħaq qbil dwar pożizzjoni finali tal-Kunsill.
Andrzej Domanski, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja
Id-dwana tal-UE bħalissa topera taħt pressjoni minħabba żieda enormi fil-volumi tal-kummerċ, speċjalment fil-kummerċ elettroniku, għadd li qed jikber b'rata mgħaġġla ta' standards tal-UE li jridu jiġu vverifikati fil-fruntiera u r-realtajiet u l-kriżijiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu. Fis-17 ta' Mejju 2023, il-Kummissjoni ressqet proposti għal riforma komprensiva bl-għan li timmodernizza l-unjoni doganali tal-UE, u mbagħad tgħinha tindirizza dawk l-isfidi.
Ir-riforma tipprova tagħti lill-UE l-mezzi adegwati biex twaqqaf oġġetti mhux konformi milli jidħlu fl-UE, tiġbor id-dazji doganali b'mod aktar effiċjenti u tagħmel kontrolli adegwati mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq l-awtoritajiet u n-negozjanti.
Il-ħidma għal qbil dwar mandat għan-negozjati ser tkompli taħt il-presidenza Pollakka.
Il-ministri kellhom skambju inizjali ta' fehmiet dwar il-pakkett imressaq mill-Kummissjoni fl-4 ta' Ġunju 2025. Il-Kunsill approva wkoll nota orizzontali dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) tal-2025 li ser tintbagħat lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali bil-ħsieb tal-Kunsill Ewropew.
Il-Kunsill mistieden jadotta s-CSRs fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta' Lulju 2025.
Illum il-Kunsill approva l-perkorsi tan-nefqa fiskali għall-Belġju u l-Bulgarija, kif stipulat fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' dawk il-pajjiżi.
Il-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju huma sisien tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-UE, li fih it-trajettorja fiskali tal-istati membri, flimkien mar-riformi u l-investimenti previsti.
Il-Kunsill approva wkoll deċiżjoni rigward ir-Rumanija u rakkomandazzjoni lill-Belġju skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE).
Il-Kunsill iddiskuta l-kompetittività u t-titjib tal-ambjent tan-negozju tal-Ewropa. Il-punt tal-aġenda ffoka b'mod partikolari fuq il-prezzijiet tal-enerġija u modi possibbli kif dawn jitnaqqsu, minħabba l-konsegwenzi li għandhom fuq it-tkabbir ekonomiku, l-inflazzjoni u l-kompetittività esterna tal-UE.
Matul id-diskussjoni, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar id-diversi għodod ta' politika biex jgħinu jnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, jagħtu spinta lill-investiment fis-settur tal-enerġija u jiżguraw il-funzjonament tas-Suq Uniku.
Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija u approva ittra lill-Kunsill Ewropew dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro, għal diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju.
F'Lulju, il-Kunsill mistenni japprova formalment l-atti legali li fadal għall-adeżjoni tal-Bulgarija maż-żona tal-euro sa Jannar 2026.
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan huwa punt rikorrenti fuq l-aġenda tal-ministri għall-finanzi u l-affarijiet ekonomiċi.
Il-Kunsill approva r-rapport ta' kull sitt xhur dwar kwistjonijiet ta' taxxa li jagħti ħarsa ġenerali tal-progress miksub fil-Kunsill matul il-mandat tal-presidenza Pollakka, kif ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-aktar punti importanti li qed jiġu nnegozjati fil-qasam tat-tassazzjoni.
Il-Kunsill approva wkoll il-konklużjonijiet dwar il-progress miksub mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi) matul l-istess perjodu.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Il-presidenza tat ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, fosthom dawk dwar:
qbil dwar il-mandat tal-Kunsill għan-negozjati dwar il-pakkett tas-servizzi ta' pagament (PSD3/PSR)
finalizzazzjoni tal-ħidma fuq ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) biex ċerti regoli dwar tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli b'terminu qasir (SFTs) miżmuma mill-banek fil-kuntest tal-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett (NSFR) isiru permanenti
qbil dwar l-aġġornamenti għar-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR), bl-għan li jitqassar iċ-ċiklu tas-saldu tat-tranżazzjonijiet tal-borża minn jumejn ta' negozju għal jum wieħed (T+1).
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.