Skip to content

Tassazzjoni diġitali

Ir-regoli tat-taxxa għall-ekonomija diġitali li huma bbażati fuq il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa jistgħu jgħinu biex jippromwovu t-tkabbir u, fost benefiċċji oħra, iwettqu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

Għaliex hemm bżonn ta' tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali?

L-ekonomija diġitali ġabet magħha ħafna benefiċċji għaċ-ċittadini u l-kumpaniji. Fl-istess waqt, iż-żieda ta' ċerti attivitajiet diġitali u mudelli ta' negozju ġodda saret sfida dejjem tikber għas-sistemi ta' tassazzjoni eżistenti. Huwa importanti li s-setturi kollha tal-ekonomiji tagħna jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna.

Ir-regoli attwali li jirregolaw kwistjonijiet internazzjonali ta' tassazzjoni tfasslu biex jiġu applikati għal negozji bi preżenza fiżika f'pajjiż. Id-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomiji tippreżenta sfidi tat-taxxa, bħat-tnaqqis tad-dħul mit-taxxa minħabba l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa abbużivi. Ir-regoli tat-taxxa għalhekk jeħtieġ li jiġu aġġornati b'mod adegwat.

Biż-żieda ta' teknoloġiji u mudelli ta' negozju ġodda, ħafna negozji diġitali:

  • għandhom utenti u klijenti f'pajjiż fejn ma għandhom l-ebda preżenza fiżika ta' negozju
  • jiġġeneraw profitt mill-interazzjoni mal-utenti u l-klijenti, bl-użu tad-data u l-kontribuzzjonijiet tagħhom

Peress li r-regoli tat-taxxa għadhom jassumu preżenza fiżika, il-profitti mill-attivitajiet diġitali spiss ma jiġux intaxxati f'ġuriżdizzjoni tas-suq (jiġifieri l-pajjiż fejn jinsabu l-utenti u l-konsumaturi).

L-UE timxi lejn sistema ġusta ta' tassazzjoni diġitali

Riforma globali tar-regoli internazzjonali dwar it-tassazzjoni korporattiva (kummerċjali)

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-regoli tat-taxxa korporattiva hija marbuta mill-qrib mal-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet globali u hija xprunata minnhom. Il-G20 u l-OECD qed imexxu n-negozjati dwar it-tassazzjoni diġitali internazzjonali bil-ħsieb li jintlaħaq kunsens dwar soluzzjoni globali fit-tul.

Il-ħidma qed titwettaq prinċipalment mill-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). L-inizjattiva diġà ġabret flimkien madwar 140 pajjiż u ġuriżdizzjoni.

Fit-8 ta' Ottubru 2021, il-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS laħaq ftehim dwar l-aspetti ewlenin ta' riforma tar-regoli internazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-profitti ta' intrapriżi multinazzjonali. Dan il-ftehim jinsab fid-dikjarazzjoni dwar soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, magħrufa wkoll bħala d-"Dikjarazzjoni ta' Ottubru 2021 tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS".

L-istati membri kollha tal-UE esprimew l-appoġġ tagħhom għal din id-dikjarazzjoni, kemm bħala membri tal-Qafas Inklużiv kif ukoll fil-Kunsill Ecofin u l-Kunsill Ewropew.

Id-Dikjarazzjoni ta' Ottubru 2021 tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS tipprevedi soluzzjoni b'żewġ pilastri.

L-ewwel pilastru jikkonsisti f'regoli u arranġamenti li jippermettu r-riallokazzjoni tad-drittijiet ta' intaxxar fost il-ġuriżdizzjonijiet fejn l-akbar gruppi multinazzjonali u dawk li jagħmlu l-iżjed profitti jkollhom is-sehem tagħhom mis-suq u jaqilgħu profitt.

It-tieni pilastru essenzjalment jinkludi regoli dwar tassazzjoni effettiva minima tal-akbar gruppi multinazzjonali, bl-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti. Għandu wkoll l-għan li jiżgura li r-rata minima globali miftiehma tat-taxxa korporattiva – 15% – titħallas.

L-ewwel pilastru: riallokazzjoni tad-drittijiet ta' tassazzjoni

Ir-riżultat ewlieni mistenni tal-ewwel pilastru huwa konvenzjoni multilaterali li ser tippermetti lill-partijiet jeżerċitaw (jew "jirriallokaw") dritt ġdid ta' intaxxar ("ammont A").

It-test ser ikopri qasam wiesa' ta' regoli li jikkonċernaw

  • il-kamp ta' applikazzjoni, ir-rabta taxxabbli, il-bażi għat-taxxa
  • l-akkwist tad-dħul wara l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja
  • il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' tilwim
  • it-tneħħija u l-istatus quo tal-miżuri unilaterali (bħat-taxxi diġitali nazzjonali)
  • id-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni

L-"Ammont B" tal-ewwel pilastru ser jipprovdi aktar ċertezza tat-taxxa billi joħloq parametri referenzjarji standardizzati tal-ipprezzar tat-trasferimenti għal tipi komuni ta' tranżazzjonijiet.

It-tieni pilastru: tassazzjoni minima effettiva

Il-ħidma fuq it-tieni pilastru mxiet 'il quddiem aktar malajr milli fuq l-ewwel pilastru. Il-qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS approva r-regoli mudell tal-OECD "L-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija – regoli mudell globali kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa (it-tieni pilastru)" fl-14 ta' Diċembru 2021. L-istati membri kollha ntrabtu b'dawn ir-regoli.

It-tassazzjoni minima effettiva, li tikkostitwixxi l-essenza tat-tieni pilastru, hija bbażata fuq żewġ regoli ewlenin, magħrufa wkoll bħala regoli mudell globali kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa ("regoli GloBE"):

  • ir-regola ta' inklużjoni tal-introjtu (IIR)
  • ir-regola dwar il-pagamenti sottontaxxati (UTPR)

Dawn ir-regoli huma maħsuba biex jiżguraw li l-profitti magħmula minn gruppi multinazzjonali b'fatturat ta' mill-inqas €750 miljun jiġu ntaxxati b'rata effettiva ta' mill-inqas 15%.

Ir-regoli tat-tieni pilastru ġew trasposti fid-dritt tal-UE permezz ta' direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-UE.

Finalizzazzjoni taż-żewġ pilastri

Fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta' Lulju 2023, il-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD dwar il-BEPS għamel aktar progress fuq l-elementi li fadal tal-proġett b'żewġ pilastri. Bħala wieħed mill-punti ewlenin, ġie kkonfermat li l-ftehim finali dwar il-konvenzjoni multilaterali u l-iffirmar tagħha huma mistennija li jseħħu sa tmiem l-2023.

Politika tat-tassazzjoni tal-UE għall-ekonomija diġitali

L-UE qed taħdem f'diversi oqsma biex tiżgura li r-regoli attwali tat-tassazzjoni jkunu adatti għall-era diġitali. Dawn il-kwistjonijiet ilhom fost il-prijoritajiet ewlenin tagħha mill-2017.

F'Marzu 2018, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda biex tiżgura tassazzjoni ġusta tal-attivitajiet diġitali fl-UE li tippromwovi wkoll it-tkabbir. Il-proposti tal-Kummissjoni issa huma sospiżi, fid-dawl tal-fatt li n-negozjati fil-Qafas Inklużiv tal-G20/OECD mexjin 'il quddiem. Jekk tintlaħaq soluzzjoni globali u jintlaħaq ftehim f'dawn in-negozjati u jiġu implimentati b'mod effettiv, il-proposti jsiru obsoleti.

Il-pakkett dwar it-tassazzjoni diġitali tal-2018 kien jikkonsisti f'żewġ proposti leġiżlattivi:

  • għar-riforma tar-regoli tat-taxxa korporattiva sabiex il-profitti jiġu ntaxxati fejn il-kumpaniji jkollhom preżenza diġitali sinifikanti
  • għall-iżvilupp ta' taxxa interim għad-dħul mis-servizzi diġitali (taxxa fuq is-servizzi diġitali)

Kooperazzjoni amministrattiva dwar l-iskambju ta' informazzjoni relatata mat-taxxa

Wieħed mill-elementi kostitwenti ewlenin tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE huwa l-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta' informazzjoni relatata mat-taxxa bejn l-istati membri. Dan jgħin biex jiġi żgurat ġbir effettiv tad-dħul.

Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tippreżenta sfidi partikolari peress li ċerti tipi ta' informazzjoni dwar id-dħul jew l-introjtu minn attivitajiet ekonomiċi diġitali jistgħu ma jkunux aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa.

Sabiex tingħeleb din il-problema, u f'konformità mal-istandards maqbula globalment, l-UE qed twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva permezz ta' emendi mmirati għad-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC).

F'Marzu 2021, il-Kunsill adotta regoli ġodda (DAC7) li skonthom, mill-2023 'il quddiem, l-awtoritajiet tat-taxxa tal-istati membri skambjaw awtomatikament informazzjoni dwar l-introjtu ggwadanjat mill-bejjiegħa fuq pjattaformi diġitali. Dan jgħin:

  • fil-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fir-rigward ta' attivitajiet fuq tali pjattaformi
  • fit-titjib tal-ġustizzja fiskali
  • it-trawwim ta' kundizzjonijiet ekwi kemm għall-pjattaformi kif ukoll għall-bejjiegħa

Fis-17 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta direttiva li tinkludi sett ġdid ta' emendi għar-regoli tad-DAC (DAC8). Il-bidliet ikkonċernaw l-aktar:

  • ir-rappurtar u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-dħul minn tranżazzjonijiet fil-kriptoassi
  • l-iskambju ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem għall-individwi l-aktar sinjuri (b'valur nett għoli)

L-għan kien li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u li jitwessa' l-ambitu tal-obbligi ta' reġistrazzjoni u rappurtar.

Ir-regoli ta' DAC8 ikopru kategoriji addizzjonali ta' assi u introjtu, bħall-kriptoassi. L-awtoritajiet tat-taxxa għandhom bżonn jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni pprovduta permezz tar-rappurtar mill-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi. S'issa, kien diffiċli li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-istati membri jiżguraw il-konformità fiskali f'dan il-qasam speċifiku. Peress li l-kriptoassi huma deċentralizzati u nnegozjati faċilment bejn il-fruntieri, hija meħtieġa kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali b'saħħitha biex jiġi żgurat li t-taxxi jinġabru b'mod effettiv.

Fl-14 ta' April 2025, il-Kunsill adotta regoli ġodda (DAC9) biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar tassazzjoni korporattiva effettiva minima.

Ir-regoli l-ġodda ser:

  • joħolqu formola standard unifikata li biha gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira jkunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligi ta' preżentazzjoni tagħhom skont id-direttiva tal-Pilastru 2, li timplimenta l-ftehim globali G20/OECD
  • isaħħu l-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet tat-taxxa
  • inaqqsu l-piż amministrattiv għall-korporazzjonijiet

Id-DAC9 trid tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali mill-istati membri kollha sal-31 ta' Diċembru 2025.

Il-pakkett dwar il-VAT fl-era diġitali

L-UE qed taħdem ukoll fuq miżuri ġodda biex tirriforma s-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE biex tkun adatta għall-era diġitali.

Il-VAT hija waħda mill-aktar sorsi importanti ta' dħul għall-awtoritajiet tal-istati membri, u tikkontribwixxi għas-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-libreriji u t-trasport pubbliku. Kull sena, l-istati membri tal-UE jiġbru madwar €1000 biljun fi dħul mill-VAT fl-UE.

Sehem mill-VAT imur ukoll għall-baġit tal-UE bħala "riżorsa proprja". Dan ammonta għal kontribuzzjoni ta' madwar €20 biljun għall-baġit tal-UE fl-2022.

Madankollu, ammonti sinifikanti ta' dħul mill-VAT għadhom ma nġabrux u ntilfu minħabba frodi, amministrazzjoni ħażina, fallimenti, insolvenzi u fatturi oħra.

Fil-11 ta' Marzu 2025, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu dwar il-pakkett dwar il-VAT fl-era diġitali, li għandu l-għan li jgħin biex jiġi indirizzat il-frodi tal-VAT, jappoġġa lin-negozji u jippromwovi d-diġitalizzazzjoni.

Ir-regoli l-ġodda ser:

  • itejbu l-punt uniku ta' servizz għas-sistema ta' reġistrazzjoni tal-VAT online
  • jeħtieġu li l-pjattaformi online jħallsu l-VAT fuq it-trasport tal-passiġġieri u l-kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir, meta l-fornituri individwali ta' servizzi jkunu eżenti
  • jagħmlu l-obbligi ta' rappurtar diġitali bbażati fuq il-fatturazzjoni elettronika għan-negozji li joperaw bejn il-fruntieri fl-UE kompletament diġitali sal-2030

Punt uniku ta' servizz għar-reġistrazzjoni għall-VAT

Il-"punti uniċi ta' servizz" iħallu lin-negozji jużaw amministrazzjoni ta' stat membru wieħed u lingwa waħda biex jiddikjaraw u jgħaddu l-VAT dovuta fuq il-bejgħ tagħhom ta' prodotti u servizzi lil konsumaturi f'pajjiżi oħra tal-UE.

Madankollu, meta kumpanija tipprova tbigħ prodotti u servizzi lil konsumaturi fi stati membri li ma jkunux tagħha stess (minn stabbiliment li tkun topera f'dak l-istat membru), din trid tirreġistra għall-VAT f'dawk l-istati membri addizzjonali. L-istess problema taffettwa lin-negozjanti li sempliċiment ikunu jixtiequ jittrasferixxu l-istokk lejn stat membru ieħor biex jinħażen.

Biex jiġi indirizzat dan, ir-regoli l-ġodda ser jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tal-"punti uniċi ta' servizz" eżistenti biex jiġi inkluż il-bejgħ ta' ċerti prodotti min-negozji lill-konsumaturi, bħall-elettriku jew il-gass, li jsir fi stat membru li ma jkunx tagħhom stess ‒ u mhux biss provvisti transfruntieri.

Din il-bidla ser tippermetti lil aktar negozji jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-VAT tagħhom permezz ta' portal online wieħed, b'lingwa waħda.

Din il-miżura mistennija tiffranka lin-negozji ‒ u b'mod partikolari lill-SMEs ‒ madwar €8.8 biljun fi spejjeż ta' reġistrazzjoni u amministrattivi fuq medda ta' għaxar snin.

Fit-13 ta' Mejju 2025, il-Kunsill qabel dwar direttiva ġdida dwar ir-regoli tal-VAT għall-bejgħ mill-bogħod ta' merkanzija importata u għall-VAT fuq l-importazzjonijiet. Skont ir-regoli l-ġodda, negozjanti jew pjattaformi barranin ser jinżammu responsabbli għall-VATfuql-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-bogħod ta' merkanzija importata fl-istat membru tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija. Dan ser jinkoraġġixxi l-użu tal-Punt Uniku ta' Servizz għall-Importazzjonijiet (IOSS), peress li n-negozjanti jew il-pjattaformi barranin li ma jużawhx ser ikollhom jiġu rreġistrati f'kull stat membru.

VAT għall-ekonomija tal-pjattaformi

F'dawn l-aħħar snin, l-ekonomija tal-pjattaformi kibret b'mod sinifikanti, bi pjattaformi online li jgħaqqdu lil ċerti fornituri ta' servizzi u l-konsumaturi.

Skont ir-regoli attwali tal-VAT, ħafna fornituri ta' servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni u ta' trasport tal-passiġġieri permezz ta' pjattaformi online ma jħallsux VAT. Ħafna minn dawk il-fornituri – kemm jekk persuna individwali kif ukoll jekk negozju żgħir – normalment ma jkunux meħtieġa jirreġistraw għall-finijiet ta' VAT, jew sempliċiment ma jkunux jafu li jistgħu jkunu obbligati jħallsu l-VAT fuq is-servizzi li joffru.

Fis-setturi tal-akkomodazzjoni u tat-trasport tal-passiġġieri, il-fornituri jinsabu f'kompetizzjoni diretta mal-fornituri tradizzjonali rreġistrati għall-VAT, bħal-lukandi u l-kumpaniji privati tat-trasport. Pereżempju, il-lukandi fi bliet Ewropej ewlenin jikkompetu ma' pjattaformi online li joffru eluf ta' opzjonijiet fl-istess bliet. Ħafna minn dawn l-opzjonijiet mhumiex soġġetti għat-tassazzjoni.

Skont ir-regoli l-ġodda, dawk il-pjattaformi ser isiru responsabbli għall-ġbir u r-remissjoni tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa meta l-fornituri ta' servizzi tagħhom ma jagħmlux dan.

Dan ser jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi bejn il-pjattaformi online, minn naħa waħda, u l-fornituri tradizzjonali ta' servizzi ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir u ta' trasport min-naħa l-oħra.

Dan ser itaffi l-piż tal-fehim tar-regolamenti tal-VAT u l-adeżjoni magħhom għall-SMEs, speċjalment fi stati membri differenti, filwaqt li jiġġenera dħul addizzjonali sinifikanti mill-VAT.

Rappurtar diġitali tal-VAT

Bħalissa, in-negozji li jbigħu madwar l-istati membri tal-UE jippreżentaw "dikjarazzjoni rikapitolattiva" lill-awtorità tat-taxxa nazzjonali tagħhom kull ftit ġimgħat, li tagħti stampa ġenerali tal-bejgħ tagħhom lil negozji fi stati membri oħra tal-UE.

Id-dewmien fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-VAT joħloq opportunità li tista' tiġi sfruttata mill-frodaturi, li jagħmilha diffiċli li l-awtoritajiet jidentifikaw malajr kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża jew frodulenti.

Ir-regoli l-ġodda ser jistabbilixxu sistema ta' rappurtar diġitali f'ħin reali għall-VAT permezz ta' fatturi elettroniċi abbażi tal-istandard Ewropew eżistenti għall-fatturazzjoni elettronika.

In-negozji ser joħorġu fatturi elettroniċi għat-tranżazzjonijiet transfruntieri, li awtomatikament jirrappurtaw data lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li mbagħad jaqsmuha permezz ta' sistema ġdida tal-IT għall-identifikazzjoni ta' kwalunkwe attività suspettuża.

Il-mira hija li s-sistema tal-UE tidħol fis-seħħ fl-2030, b'interoperabbiltà sħiħa fost is-sistemi nazzjonali sal-2035.

Is-sistema tal-fatturazzjoni elettronika ser:

  • tnaqqas il-frodi tal-VAT sa €11-il biljun fis-sena
  • tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u ta' konformità għan-negozjanti tal-UE b'aktar minn €4.1 biljun fis-sena matul l-għaxar snin li ġejjin
  • tiżgura l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali eżistenti madwar l-UE

Ara wkoll

Kif taħdem il-politika tat-tassazzjoni tal-UE

Kif taħdem il-politika tat-tassazzjoni tal-UE

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE

Negozjanta miexja tul vleġġa tiddi magħmula minn linji simili għal ċirkwit, li tissimbolizza l-progress u t-trasformazzjoni diġitali.
Tranżizzjoni diġitali: insawru l-futur diġitali tal-UE

Tranżizzjoni diġitali: insawru l-futur diġitali tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' April 2026