"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 11 ta' Marzu 2025
Riżultati ewlenin
Finanzjament għad-difiża
Il-laqgħa tal-Kunsill kienet preċeduta minn diskussjoni ministerjali informali dwar in-nefqa għad-difiża u t-trattament tagħha fil-qafas tal-governanza ekonomika.
Il-ministri huma determinati li jiksbu finanzjament li jaqbel mal-ħtiġijiet tad-difiża tal-Ewropa. Qed niddiskutu soluzzjonijiet li ser iżidu b'mod sinifikanti s-saħħa finanzjarja tal-UE.
Andrzej Domański, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja
Kompetittività, simplifikazzjoni u titjib tal-ambjent tan-negozju tal-UE
Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel żewġ "pakketti Omnibus", adottati fis-26 ta' Frar 2025, dwar is-simplifikazzjoni tas-sostenibbiltà u tal-investiment.
Il-ministri komplew bl-iskambju ta' fehmiet tagħhom dwar il-kompetittività, is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-ambjent tan-negozju fl-Ewropa.
Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC9)
Il-Kunsill laħaq qbil politiku rigward l-emendar tad-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC9).
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-tassazzjoni korporattiva effettiva minima biex jiġu ssodisfati aħjar l-obbligi ta' preżentazzjoni li l-gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u l-gruppi domestiċi fuq skala kbira għandhom skont id-Direttiva tal-Pilastru 2 li ttrasponiet fil-liġi tal-UE l-parti korrispondenti tal-ftehim globali tal-G20/OECD. Dan il-ftehim intlaħaq biex jitnaqqsu r-riskji tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti u biex dawn jiġu evitati, filwaqt li jiġi żgurat li l-korporazzjonijiet il-kbar iħallsu tassazzjoni effettiva minima.
Qed nagħmlu l-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tar-regoli dwar it-tassazzjoni effettiva minima tal-akbar kumpaniji multinazzjonali. Il-kumpaniji kkonċernati ser ikollhom format uniku għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni rilevanti, u l-awtoritajiet tat-taxxa tal-istati membri ser jikkooperaw mill-qrib dwar l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti. Dan ser jissimplifika b'mod sinifikanti l-proċess tal-preżentazzjoni u jnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-kumpaniji kkonċernati.
Andrzej Domański, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi u s-sanzjonijiet tal-UE b'enfasi partikolari fuq l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika fil-qasam tad-dwana.
Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-Kunsill dwar l-eżiti ewlenin tal-laqgħa tal-Ministri għall-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 tas-26 u s-27 ta' Frar 2025.
Il-Kunsill inkariga wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju biex iħejji t-termini ta' referenza tal-UE għall-G20 u d-dikjarazzjoni tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC), bil-ħsieb tal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 fit-23 u l-24 ta' April u l-laqgħat tar-rebbiegħa tal-FMI.
Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw pjanijiet modifikati għall-irkupru u r-reżiljenza, ippreżentati mill-Irlanda u mill-Belġju.
Taħt il-punti A, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-iżbarazzar u s-simplifikazzjoni fil-qasam tat-taxxa, u adotta formalment il-pakkett dwar il-VAT fl-Era Diġitali (ViDA), li ntlaħaq qbil dwaru f'Novembru li għadda.
Djalogu makroekonomiku fil-livell politiku (MEDPOL)
Fl-10 ta' Marzu, il-presidenza attwali u t-tnejn li jmiss (il-Polonja, id-Danimarka u Ċipru) laqqgħu flimkien is-sħab soċjali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissjoni għad-djalogu makroekonomiku ta' darbtejn fis-sena fil-livell politiku.
Il-laqgħa offriet l-opportunità li s-sħab soċjali jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar:
l-iżviluppi reċenti tas-sitwazzjoni ekonomika
l-ostakli regolatorji ewlenin li jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq uniku għas-servizz.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.