Skip to content
  • Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 20 ta' Ġunju 2023

Riżultati ewlenin

Liġi dwar ir-restawr tan-natura

Il-ministri għall-ambjent tal-UE laħqu approċċ ġenerali dwar proposta għal regolament dwar ir-restawr tan-natura.

Illum huwa jum pożittiv għan-natura. Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għal-liġi dwar ir-restawr tan-natura. Huwa evidenti li l-presidenza ilha taħdem qatigħ biex issib il-bilanċ it-tajjeb u semgħet b'attenzjoni lill-istati membri kollha li kellhom tħassib u kummenti differenti dwar il-proposti. Ninsab kuntenta li sibna mod kif inwasslu dan il-fajl għal approċċ ġenerali. Dan it-test huwa bażi soda għal negozjati mal-Parlament Ewropew. Nittamaw li l-liġi finali dwar ir-restawr tan-natura ser tippermettilna nerġgħu nibnu livell b'saħħtu ta' bijodiversità, niġġieldu t-tibdil fil-klima u nilħqu l-impenji internazzjonali tagħna skont il-ftehim Kunming-Montreal. Romina Pourmokhtari, ministru għall-klima u l-ambjent tal-Iżvezja

Il-proposta għandha l-għan li tirrestawra l-ekosistemi, il-ħabitats u l-ispeċijiet fiż-żoni tal-art u tal-baħar kollha tal-UE. Hija titlob lill-istati membri jistabbilixxu miżuri ta' restawr li jkopru mill-inqas 20% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030, u fl-aħħar mill-aħħar l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.

L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.
F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

Il-miri tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi heavy-duty ġodda

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta għal regolament dwar l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi heavy-duty ġodda.

Il-proposta għandha l-għan li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport bit-triq f'konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE billi ssaħħaħ il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u billi tistabbilixxi miri ġodda għall-2035 u l-2040. Barra minn hekk, ser jiġu inklużi aktar kategoriji ta' vetturi fil-miri, b'mod partikolari x-xarabanks.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-livelli fil-mira proposti kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni u l-flessibbiltajiet proposti.

Kwalità tal-arja

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta għal direttiva dwar il-kwalità tal-arja. Il-proposta tirrevedi u tgħaqqad iż-żewġ direttivi eżistenti dwar il-kwalità tal-arja u tfittex li tallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE aktar mill-qrib mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Hija għandha l-għan li tistabbilixxi standards tal-kwalità tal-arja li għandhom jinkisbu fl-2030 u tqiegħed lill-UE fi trajettorja biex jinkiseb tniġġis żero għall-arja sal-2050. L-istandards jiġu riveduti regolarment sal-2050, biex jiġi eżaminat jekk hemmx bżonn li jiġu adattati jew jekk hemmx bżonn li jiġu koperti sustanzi niġġiesa oħra. Il-proposta għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ il-monitoraġġ, l-immudellar u l-pjanijiet tal-kwalità tal-arja.

Barra minn hekk, il-proposta toħloq dritt biex in-nies jiġu kkumpensati fejn tkun seħħet ħsara lil saħħithom bħala riżultat ta' ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Il-proposta ttejjeb l-informazzjoni pubblika dwar il-kwalità tal-arja u l-aċċess għall-ġustizzja.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-livell ta' ambizzjoni tal-istandards tal-kwalità tal-arja proposti għat-tniġġis tal-arja ambjentali u dwar l-għodod proposti biex dawn jinkisbu.

Affarijiet oħra

Il-ministru għall-protezzjoni tal-ambjent u r-riżorsi naturali tal-Ukrajna Ruslan Strilets għamel intervent permezz ta' konnessjoni bil-vidjo dwar is-suġġett tal-effetti ambjentali tal-isplużjoni tad-diga ta' Kakhovka.

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza u l-Kummissjoni aġġornaw lill-ministri dwar il-laqgħat internazzjonali reċenti ewlenin:

- Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC 80) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) (virtwali, 3 - 7 ta' Lulju 2023)

- It-tieni sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar biex Jiġi Żviluppat Strument Internazzjonali Legalment Vinkolanti dwar it-Tniġġis mill-Plastik (Pariġi, 29 ta' Mejju - 2 ta' Ġunju 2023)

- Eżitu tal-Konferenza tan-NU tal-2023 dwar l-Ilma (New York, 22 - 24 ta' Marzu 2023)

- Eżitu tal-Konferenza Tripla tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basel (COP 16), il-Konvenzjoni ta' Rotterdam (COP 11) u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma (COP 11) (Ġinevra, 1 - 12 ta' Mejju 2023)

Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar nota kunċettwali għall-implimentazzjoni tal-irkanti fil-qafas tal-bank Ewropew tal-idroġenu bħala servizz għall-istati membri.

Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar ir-rapporti ta' twissija bikrija maħruġa lil pajjiżi speċifiċi skont il-liġi tal-UE dwar l-iskart.

Iċ-Ċekja pprovdiet informazzjoni dwar l-użu ta' rati tal-VAT aktar baxxi għal prodotti riċiklati bħala għodda ekonomika biex tappoġġa l-ekonomija ċirkolari.

L-Italja infurmat lill-ministri dwar il-kandidatura ta' Ruma biex tospita l-EXPO 2030.

Franza u Spanja infurmaw lill-ministri dwar it-tisħiħ tal-politiki ta' adattament għat-tibdil fil-klima.

Spanja ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha bħala l-Presidenza li jmiss.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025