F'liema stat tinsab in-natura fl-UE?
L-UE ilha li għarfet il-ħtieġa li jiġu ppreservati n-natura u l-bijodiversità, bl-ewwel liġi adottata lura fl-1979 – id-Direttiva dwar l-Għasafar – u diversi liġijiet u programmi ta' finanzjament oħra warajha. Minkejja dawn l-isforzi, l-istat tan-natura fl-UE sejjer serjament għall-agħar.
Il-Kunsill adotta l-liġi dwar ir-restawr tan-natura biex in-natura u l-ispeċijiet jinġiebu lura f'kundizzjoni tajba. Il-liġi tistabbilixxi miri li jorbtu dwar ekosistemi kruċjali, il-ħabitats u l-ispeċijiet li jgħixu fihom.
Prospettiva inkwetanti għan-natura
L-aktar valutazzjoni reċenti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent mill-2025 tagħti stampa allarmanti tan-natura fl-UE, b'mod partikolari l-ħabitats li fihom jgħixu kull xorta ta' annimali u pjanti.
It-torbieri u l-għaram tar-ramel huma l-aktar milquta
Bar chart orizzontali b'saffi li turi l-perċentwali ta' ħames ħabitats differenti li kienu f'qagħda ħażina jew degradata fis-snin 2013 sa 2018: torbiera (mistagħdra, fangazzu u moxa mistagħdra), għaram, ħabitats kostali, foresti u artijiet bil-ħaxix. Dawn il-ħabitats jiġu mmonitorjati skont id-direttiva tal-UE dwar il-ħabitats.
Għall-ħames ħabitats kollha, aktar minn 80% tal-wiċċ tagħhom jinsab f'qagħda ħażina jew degradata:
- torbieri: 52% ħażina, 36% degradata
- għaram tar-ramel: 52% ħażina, 34% degradata
- ħabitats kostali: 42% ħażina, 44% degradata
- foresti: 31% ħażina, 54% degradata
- artijiet bil-ħaxix: 49% ħażina, 33% degradata
Minħabba d-degradazzjoni tal-ħabitats – fejn jgħixu kull xorta ta' annimali u pjanti – u b'riżultat ta' elementi u theddidiet oħra wkoll, anki l-għadd ta' speċijiet qed jonqos.
38 % tal-popolazzjonijiet tal-ħut jinsabu f'kundizzjoni ħażina
Bar chart orizzontali b'saffi li turi l-perċentwal ta' ħames gruppi differenti ta' annimali u pjanti li kienu f'qagħda ħażina jew degradata fis-snin 2013 sa 2018. Dawn l-annimali u l-pjanti jiġu mmonitorjati skont id-direttiva tal-UE dwar il-ħabitats. L-agħar milquta huma l-ħut, b'aktar minn 80% f'kundizzjoni ħażina jew degradata.
Il-perċentwali huma kif ġej:
- ħut: ħażina 38%, degradata 44%
- muski u pjanti oħra mhux vaskulari: ħażina 22%, degradata 52%
- gandoffli, bebbux u molluski oħra: ħażina 30%, degradata 34%
- insetti u artropodi oħra: ħażina 24%, degradata 39%
- żrinġijiet u anfibji oħra: ħażina 21%, degradata 40%
Is-sitwazzjoni sejra għall-agħar. Mill-ħabitats u l-ispeċijiet tal-UE f'qagħda degradata jew ħażina, aktar minn terz qed ikompli jiddeterjora. Huma biss 9 % tal-ħabitats u 6 % tal-ispeċijiet f'qagħda degradata jew ħażina li qed juru titjib.
Fost l-ispeċijiet fil-periklu u mhedda fl-UE hemm:
is-salamun tad-Danubju
il-fekruna dahar il-ġilda
il-hamster Rumen
Theddida għas-sigurtà tal-ikel
In-natura hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel. Kważi €5 biljun mill-produzzjoni agrikola annwali tal-UE tista' tiġi attribwita direttament lill-insetti dakkara. Madankollu, madwar 50 % taż-żoni fejn jikbru għelejjel dipendenti mid-dakkara, bħas-siġar tal-frott, ma jipprovdux kundizzjonijiet xierqa għad-dakkara bħal siti tat-tibjit.
B'konsegwenza ta' dan in-naħal u l-friefet, li huma fost l-aktar dakkara komuni, jinsabu f'kundizzjoni degradata ħafna fl-UE.
Aktar minn 50 % tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix intilfu mill-1991 sa issa
Il-grafika turi l-indiċi tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix, li huwa wieħed mill-indikaturi tal-istatus tal-bijodiversità fl-Ewropa. Hija bbażata fuq il-popolazzjoni ta' 17-il speċi ta' friefet immonitorjati madwar l-UE li huma karatteristiċi għall-artijiet bil-ħaxix Ewropej.
Grafika bil-linji li turi l-indiċi tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix bejn l-1991 u l-2023, bis-sena 2000 mogħtija 100 punt. L-indiċi juri tnaqqis ta' 50.4% fil-popolazzjonijiet tal-friefet bejn l-1991 (indiċi ta' 114.86) u l-2023 (indiċi ta' 56.95). Il-biċċa l-kbira ta' dan it-tnaqqis seħħ fil-perjodu sal-2007 (indiċi ta' 73.51), filwaqt li l-indiċi naqas b'pass aktar kajman minn dak iż-żmien 'l hawn.
Tnaqqis ta' 42 % fl-għasafar tar-raba' mill-1990
L-għasafar ukoll huma dakkara. Peress li huma sensittivi għat-tibdil ambjentali, huma indikaturi tajbin tas-saħħa tal-ekosistema. Il-popolazzjoni tal-għasafar tar-raba' komuni fl-UE naqset drammatikament bejn l-1990 u l-2023.
Illustrazzjoni ta' għasafar u slider, li jista' jiġi mċaqlaq fuq l-għasafar. Meta s-slider jitmexxa lejn ix-xellug, l-għadd ta' għasafar jonqos u l-forom tagħhom biss ikunu għadhom jidhru. Fl-istess ħin, l-illustrazzjoni turi vleġġa 'l isfel u n-numru "42%", li huwa t-tnaqqis fl-għasafar tar-raba' mill-1990.
Fost dawk l-għasafar tar-raba' li l-popolazzjoni tagħhom qed tonqos hemm:
il-pitarra
il-girwiel prim
il-gamiema Ewropea
Ara wkoll
Ir-restawr tan-natura
Bijodiversità
Protezzjoni tan-natura
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Lulju 2026