"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 18 ta' Diċembru 2023

Riżultati ewlenin

L-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

Il-ministri għall-ambjent tal-UE laħqu qbil ("approċċ ġenerali") dwar proposta għal regolament dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.

Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika
Fl-2021 ġew iġġenerati 190kg ta' skart mill-imballaġġ minn kull Ewropew. U din iċ-ċifra ser tikber bi kważi 20% fl-2030, jekk l-affarijiet jibqgħu l-istess. Ma nistgħux inħallu li dan iseħħ. L-approċċ ġenerali tal-lum iwassal messaġġ qawwi li l-UE hija impenjata li tnaqqas u tipprevjeni l-iskart mill-imballaġġ mis-sorsi kollha. Dan ir-regolament huwa kruċjali fit-triq tagħna lejn ekonomija ċirkolari u Ewropa newtrali għall-klima.
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika

L-għan tar-regolament propost huwa li jindirizza ż-żieda fl-iskart mill-imballaġġ iġġenerat fl-UE, filwaqt li jarmonizza s-suq intern għall-imballaġġ u jagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti biex jiżgura li l-imballaġġ ikun sikur u sostenibbli, billi jirrikjedi li l-imballaġġ kollu jkun riċiklabbli u li l-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib tiġi minimizzata. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta' tikkettar biex tittejjeb l-informazzjoni għall-konsumatur.

F'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, il-ministri qablu dwar regoli biex jimminimizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ billi jistabbilixxu miri vinkolanti għall-użu mill-ġdid, jillimitaw ċerti tipi ta' imballaġġ li jintuża darba biss u jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jimminimizzaw l-imballaġġ użat.

Liġi dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni fuq proposta għall-ewwel liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-ħamrija li qatt inħarġet. Il-proposta tistabbilixxi l-objettiv fit-tul li l-ekosistemi kollha tal-ħamrija fl-UE jkunu f'kundizzjoni tajba sal-2050, skont l-istrateġija tal-UE dwar il-ħamrija għall-2030.

Tispeċifika rekwiżiti li jorbtu għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-saħħa tal-ħamrija biex jiġi stabbilit qafas ta' monitoraġġ komprensiv għall-ħamrija kollha fl-UE. Ir-regoli l-ġodda ser jindirizzaw ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija u r-restawr tas-siti kontaminati.

Il-ministri laqgħu l-proposta u qablu mal-importanza li jkun hemm leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE ffukata fuq il-monitoraġġ u r-reżiljenza tal-ħamrija. Huma qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif il-qafas ta' monitoraġġ tal-ħamrija propost jista' jgħin biex tittejjeb is-saħħa tal-ħamrija fil-perjodu ta' żmien previst u dwar il-livell ta' ambizzjoni fl-indirizzar tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija.

Qafas għall-monitoraġġ tal-foresti tal-UE

Il-ministri għall-ambjent tal-UE ddiskutew ukoll proposta tal-Kummissjoni biex tisstabbilixxi sistema integrata għall-monitoraġġ tal-foresti fl-UE kollha.

Il-qafas għall-monitoraġġ ser jiżgura data armonizzata dwar il-kundizzjoni u l-ġestjoni tal-foresti tal-UE u ser ikopri l-foresti u l-artijiet bis-siġar l-oħra kollha fl-UE. Ir-regolament propost għandu l-għan ukoll li jappoġġa lill-istati membri fl-istabbiliment u l-aġġornament tal-pjanijiet integrati volontarji fuq medda twila ta' żmien għall-foresti.

Il-ministri ffukaw l-interventi tagħhom fuq jekk iqisux il-qafas ta' monitoraġġ tal-foresti propost bħala adegwat u effettiv, l-aktar aspetti rilevanti biex jitnaqqsu n-nuqqasijiet eżistenti fl-għarfien, u kif ir-regolament futur jista' jiġi implimentat b'mod kosteffettiv.

Affarijiet oħra

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-Prof. Ottmar Edenhofer, president tal-bord konsultattiv xjentifiku Ewropew dwar it-tibdil fil-klima, ingħaqad mal-ministri biex jiddiskutu l-mira klimatika għall-2040. Il-ministri semgħu mill-Prof. Edenhofer dwar ir-riżultati ewlenin tal-parir tal-bord dwar il-mira għall-2040 u mill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet tagħha għax-xhur li ġejjin.

Taħt "affarijiet oħra", il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-progress li għaddej fuq żewġ proposti leġiżlattivi: ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-kwalità tal-arja u r-regolament dwar qafas ta' ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju.

Il-Kummissjoni u l-presidenza rrappurtaw ukoll dwar il-laqgħat internazzjonali reċenti ewlenin:

  • ir-raba' laqgħa tal-proċess intersessjonarju li tikkunsidra l-Approċċ Strateġiku u l-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u l-iskart wara l-2020 (3) u l-ħames sessjoni tal-konferenza internazzjonali dwar il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi (ICCM5) (Bonn, il-Ġermanja, 23 – 29 ta' Settembru 2023)
  • COP 5 — il-ħames konvenzjoni ta' Minamata dwar il-merkurju (Ġinevra, l-Iżvizzera, 30 ta' Ottubru — 3 ta' Novembru 2023)
  • it-tielet sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar (INC-3) biex jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis mill-plastik (Nairobi, il-Kenja, 13 - 19 ta' Novembru 2023)
  • COP28 (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, 30 ta' Novembru – 12 ta' Diċembru 2023)

Il-Kummissjoni ppreżentat il-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) u l-Missjonijiet tal-UE ta' Orizzont Ewropa bħala għodda għall-azzjoni klimatika lokali.

In-Netherlands u Franza infurmaw lill-ministri dwar il-Greater North Sea Basin Initiative, li ġiet stabbilita f'Novembru 2023.

Id-delegazzjoni Bulgara infurmat lill-ministri dwar l-avveniment ta' livell għoli għaż-Żgħażagħ u l-Azzjoni Klimatika li sar fit-8 ta' Diċembru fil-marġini tal-COP28.

Id-delegazzjoni Belġjana infurmat lill-ministri dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025