Skip to content

Ir-restawr tan-natura

In-natura hija vitali għalina, madankollu qed tiddeterjora. Il-liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura tistabbilixxi l-ewwel miri vinkolanti għar-restawr tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispeċijiet.

F'liema stat tinsab in-natura llum?

In-natura fl-UE sejra lura b'mod serju ħafna. Il-popolazzjonijiet tal-ispeċi u ż-żoni naturali fejn jgħixu qed jiċkienu u jiddegradaw, u dan iġib konsegwenzi serji għall-bnedmin u għall-pjaneta.

L-UE ilha għexieren ta' snin tipproteġi n-natura bid-direttivi dwar l-għasafar u dwar il-ħabitats, li jħarsu aktar minn 1 200 speċi rari u mhedda u aktar minn 27 000 żona naturali.

Iżda minkejja dawn l-isforzi u xi titjib limitat, ħarġet xena allarmanti mill-valutazzjoni tal-2025 tal-istat tal-ambjent tal-UE li saret mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Għadd ta' fatturi qed jagħmlu pressjoni fuq l-ekosistemi u l-popolazzjonijiet tal-ispeċi, u dawn jinkludu:

  • il-telf tal-ħabitat
  • l-isfruttar eċċessiv tar-riżorsi naturali
  • it-tibdil fil-klima
  • it-tniġġis
  • l-ispeċi invażivi
L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.
F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

Għaliex ir-restawr tan-natura huwa essenzjali?

In-natura tiddependi mir-relazzjonijiet essenzjali bejn l-ispeċi u l-ħabitat tagħhom. Huwa bilanċ delikat li jiżgura ambjent naturali san li jiffunzjona tajjeb.

Meta n-natura titlef il-bilanċ, l-ekosistemi jiddegradaw u ma jibqgħux kapaċi jipprovdu servizzi vitali meħtieġa għall-ħajja tal-bniedem, fosthom:

  • jagħtu ikel nutrittiv
  • jipproduċu l-ossiġenu
  • jipprovdu riżorsi naturali
  • jassorbu s-CO2 u jtaffu t-tibdil fil-klima

In-natura tipprovdilna, b'xejn

ikel għall-bnedmin u għall-annimali

ħamrija fertili

materja prima

benefiċċji għas-saħħa mentali

ilma ħelu

mediċini

In-natura hija l-pedament tal-ekonomija tad-dinja. Aktar minn nofs il-PDG dinji jiddependi minn materjali u servizzi pprovduti mill-ekosistemi. Pereżempju, il-materja prima hija essenzjali għall-industrija u l-kostruzzjoni, u r-riżorsi ġenetiċi huma meħtieġa fil-biedja u l-mediċina.

Ir-restawr tan-natura jfisser is-sostenn tal-irkupru tal-ekosistemi degradati jew meqruda billi jittejbu l-istruttura u l-funzjonijiet tagħhom, bl-għan ġenerali li jitjiebu r-reżiljenza u l-bijodiversità fin-natura.

Ekosistemi sani jistgħu jiżguraw, fost affarijiet oħra:

  • produzzjoni agrikola akbar
  • aktar reżiljenza għat-tibdil fil-klima
  • titjib tal-bijodiversità
  • inqas riskju ta' għargħar, nixfiet u mewġiet ta' sħana

Kif ser jirrestawraw in-natura l-pajjiżi tal-UE?

Il-pajjiżi tal-UE fil-Kunsill adottaw liġi dwar ir-restawr tan-natura, li għandha l-għan li treġġa' lura n-natura u l-ekosistemi għal kundizzjoni tajba ta' konservazzjoni.

Dawn ir-regoli huma l-ewwel li qatt iffukaw speċifikament fuq l-irkupru tan-natura fl-istati membri tal-UE.

Ir-regoli għandhom l-għan li jiffissaw mira obbligatorja fil-livell tal-UE, li tirrikjedi li l-istati membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi ta' restawr biex ikopru mill-inqas 20% tal-art u tal-ibħra tal-UE sal-2030. Sal-2050 għandhom ikunu fis-seħħ miżuri għall-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr.

Il-mira tibni fuq l-impenn internazzjonali li ntrabtu bih l-UE u l-pajjiżi tagħha bħala parti għall-konvenzjoni dinjija dwar id-diversità bijoloġika. Fis-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bijodiversità, f'Diċembru 2022, intlaħaq ftehim storiku biex l-ekosistemi tal-art u tal-baħar jiġu rrestawrati sal-2030.

Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura tikkonċerna:

  • ħabitat degradat tal-art u tal-baħar
  • pollinaturi
  • ekosistemi agrikoli
  • żoni urbani
  • xmajjar u pjanuri tal-għargħar
  • foresti

Xi eżenzjonijiet japplikaw għar-regoli tar-restawr għal żoni użati għall-finijiet ta' difiża nazzjonali u għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli.

Ħabitat degradat tal-art u tal-baħar

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jirrestawraw il-ħabitats fil-pajjiżi tal-UE li jinsabu f'kundizzjoni ħażina. Dan jikkonċerna l-ekosistemi f'ħabitats tal-art, tal-kosta, tal-baħar u tal-ilma ħelu.

L-għan hu li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' restawr għal mill-inqas 30% ta' dawn il-ħabitats fl-UE kollha sal-2030. Għandhom jitkomplew l-isforzi biex jiġu koperti 60% tal-ħabitats sal-2040 u 90% sal-2050.

Il-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti u implimentati mill-istati membri għandhom jiffavorixxu l-konnettività bejn il-ħabitats, jiġifieri li kemm jista' jkun il-ħabitats jibqgħu aċċessibbli minn wieħed għall-ieħor, li jippermetti lill-ħajja selvaġġa timraħ bejniethom.

Pollinaturi

In-naħal selvaġġ huwa l-aktar pollinatur magħruf. Madankollu, speċi oħrajn ta' insetti wkoll jikkontribwixxu biex idakkru l-fjuri, li huwa kruċjali biex l-għelejjel ikunu jistgħu jikbru. Kważi €5 biljun tal-produzzjoni agrikola annwali tal-UE hija attribwita b'mod dirett għall-insetti pollinaturi.

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jreġġgħu lura t-tnaqqis tal-pollinaturi u jżidu l-popolazzjonijiet tagħhom sal-2030.

Il-pollinaturi fl-Ewropa jinkludu l-friefet, il-ħanfus, in-naħal, id-dubbien żunżani, il-baħrija u ż-żunżan.

Stampi ta' farfett, ħanfusa, naħla, dubbiena żunżanija, baħrija u żunżan.

Ekosistemi agrikoli

Bħal fil-każ tal-pollinaturi, il-produttività agrikola tiddependi minn ekosistemi sani.

Ħamrija ta' kwalità fqira u ekosistemi agrikoli degradati huma aktar limitati fil-kapaċità li jipproduċu l-ikel. Illum, sa 73% tal-art agrikola ġġarrab degradazzjoni tal-ħamrija.

Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura għandha l-għan li ssaħħaħ il-bijodiversità fl-ekosistemi agrikoli. B'mod partikolari, l-għan hu li jiġu rrestawrati u jiżdiedu l-popolazzjonijiet ta':

  • friefet tal-artijiet bil-ħaxix
  • għasafar tar-raba' tal-biedja

Aktar minn 50% tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix intilfu mill-1991 sa issa.

Verżjoni testwali

Grafika li turi l-indiċi tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix bejn l-1991 u l-2020, bis-sena 2000 mogħtija 100 punt. L-indiċi juri tnaqqis moderat fil-popolazzjoni tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix bejn l-1991 (indiċi ta' 108 punti) u l-2002 (indiċi ta' 98 punt), segwit minn żieda sa 114-il punt sal-2011 u minn hemm tnaqqis qawwi għal 76 punt biss fl-2020.

Barra minn hekk, l-istati membri tal-UE jridu jieħdu miżuri biex:

  • jirrestawraw 30% tat-torbieri skulati taħt użu agrikolu sal-2030, u 50% sal-2050 (jista' japplika perċentwal aktar baxx għal pajjiżi li huma affettwati ħafna)
  • itejbu l-ħażna tal-karbonju fil-ħamrija minerali
  • iżidu elementi tal-pajsaġġ b'diversità kbira fuq l-art agrikola (pereżempju ringieli ta' sġajriet, strixxi ta' fjuri, raba' mistrieħa, għadajjar u siġar tal-frott)

Il-miżuri ta' restawr huma essenzjali kontra t-theddid għas-sigurtà tal-ikel. Huwa fundamentali li tissaħħaħ il-bijodiversità u tiżdied is-sostenibbiltà fl-agrikoltura biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel fuq medda ta' żmien medja u twila. Pereżempju, l-użu tal-kontroll naturali tal-pesti u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq fertilizzanti kimiċi jżidu r-rikkezza tan-nutrijenti tal-ħamrija u jtejbu s-saħħa tal-ekosistemi.

Żoni urbani

L-ekosistemi urbani jirrappreżentaw 22% ta' wiċċ l-art tal-UE. Il-parks, il-ġonna, is-siġar u l-mergħat huma ħabitats importanti għall-pjanti, l-għasafar u l-insetti.

Bir-regoli l-ġodda, l-UE għandha l-għan li żżid l-ispazji l-ħodor fl-ibliet, l-irħula u s-subborgi. Il-miri jiżguraw:

  • ebda telf nett ta' spazju aħdar sal-2030, meta mqabbel mas-sena meta jidħlu fis-seħħ ir-regoli dwar ir-restawr tan-natura (ħlief jekk l-ambjent urban diġà jkollu 45% ta' spazju aħdar)
  • żieda fl-ammont ta' kopertura bis-siġar fl-ibliet

Xmajjar u pjanuri tal-għargħar

Ix-xmajjar tal-Ewropa fihom aktar minn miljun ostaklu magħmul mill-bniedem, bħal digi, ilqugħ u rampi.

Ix-xmajjar ġierja jippermettu ċ-ċaqliq tal-ilma, is-sediment, il-ħut u organiżmi oħra, u huma kruċjali għat-titjib tal-kundizzjoni tal-ilmijiet tal-UE u għat-tisħiħ tal-bijodiversità.

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jneħħu ħafna mill-ostakli li hemm fix-xmajjar tal-UE, u jiżguraw kontinwità akbar fin-networks tax-xmajjar.

Peress li d-data dwar l-ostakli fix-xmajjar għadha skarsa, wieħed mill-għanijiet tar-regoli l-ġodda huwa l-iżvilupp ta' inventarju tal-ostakli li jinsabu madwar l-UE.

L-enfasi tal-isforzi ta' tneħħija tinsab fuq l-ostakli obsoleti u mhux użati.

Foresti

Il-foresti, li jkopru kważi 40% tat-territorju tal-UE, huma essenzjali biex jittaffa t-tibdil fil-klima, peress li jaġixxu bħala bjar li jassorbu l-karbonju u jospitaw ukoll ħafna mill-bijodiversità tal-Ewropa.

Ir-regoli l-ġodda dwar ir-restawr għandhom l-għan li jtejbu l-bijodiversità fil-foresti.

Għal dan l-għan, il-pajjiżi tal-UE jridu jtejbu l-istat tal-foresti permezz ta' indikaturi speċifiċi li jgħinu biex titkejjel is-saħħa tal-ekosistema tal-foresti. Dan jinkludi l-kejl ta':

  • l-ammont ta' injam mejjet, li jipprovdi ħabitat lil bosta organiżmi tal-foresti u jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-ħamrija
  • l-għadd ta' speċi ta' għasafar

Barra minn hekk, l-istati membri jridu jikkontribwixxu għat-tħawwil ta' mill-inqas tliet biljun siġra sal-2030 fil-livell tal-UE.

Ir-regoli tar-restawr fil-prattika

Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali tar-restawr. Dawn il-pjanijiet għandhom jiddefinixxu l-miżuri ta' restawr meħtieġa biex jintlaħqu l-miri obbligatorji stabbiliti fil-liġi u jispeċifikaw il-medda totali li ser tiġi restawrata, kif ukoll skeda ta' żmien.

Il-pjanijiet tar-restawr għandhom ikopru l-perjodu sal-2050. Il-miżuri għandhom jiġu allinjati ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, pereżempju regoli dwar il-protezzjoni tan-natura, l-enerġija rinnovabbli u l-agrikoltura.

Eżempji ta' miżuri ta' restawr jinkludu:

  • tneħħija ta' pjanti mhux indiġeni minn artijiet bil-ħaxix, artijiet mistagħdra u foresti
  • tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati
  • titjib tal-aċċess bejn il-ħabitats
  • twaqqif jew tnaqqis tal-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti kimiċi
  • promozzjoni tal-preservazzjoni tan-natura selvaġġa

Ir-regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina u tivvaluta l-applikazzjoni tar-regoli u l-impatti tagħhom fuq is-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-forestrija, kif ukoll l-effetti soċjoekonomiċi usa' tiegħu fl-2033.

Il-Kunsill adotta l-liġi dwar ir-restawr tan-natura f'Ġunju 2024, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew fi Frar tal-istess sena.

Għaliex is-salamandri huma importanti għalik: 30 sena ta' protezzjoni tan-natura fl-Ewropa

L-iċken ħlejjaq, saħansitra iċken minn salamandra, iġorru responsabbiltà kbira għas-sostenn tax-xibka affaxxinanti tal-ħajja.

Bid-direttiva dwar il-ħabitats, l-UE ilha tissalvagwardja s-salamandri, flimkien ma' mijiet ta' speċijiet oħra ta' annimali, kif ukoll pjanti u żoni naturali. Mill-Finlandja sa Malta, mir-Rumanija sal-Portugall, il-liġi tal-UE għenet biex jiġu ppreservati l-ħabitats u l-ispeċijiet ħajjin li jgħixu fihom.

Salamandra fl-ambjent naturali tagħha

Ara wkoll

Żewġt idejn miftuħin għat-tond jiċċirkondaw b'ġentilezza xena msaġġra żgħira b'ċerva u għasafar itiru, li jissimbolizzaw lill-bnedmin iħarsu n-natura u l-ħajja selvaġġa.
Protezzjoni tan-natura

Protezzjoni tan-natura

Bijodiversità

Bijodiversità

Illustrazzjoni stilizzata taċ-ċirku ta' stilel tal-UE mdawra b'simboli tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom turbina eolika, pannelli solari, siġar, fawna selvaġġa, għelejjel u tractor.
Patt Ekoloġiku Ewropew

Patt Ekoloġiku Ewropew

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Settembru 2025