"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Georgia

Il-Georgia applikat għas-sħubija fl-UE f'Marzu 2022 u ngħatat l-istatus ta' kandidat f'Diċembru 2023. Il-proċess ta' adeżjoni waqaf de facto fl-2024. L-UE u l-Georgia jikkooperaw ukoll fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant.

Il-Georgia u l-UE

Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE

Fit-3 ta' Marzu 2022, il-Georgia applikat għal sħubija fl-UE.

Fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni Ewropea tat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Georgia għas-sħubija fl-UE.

Fit-23 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-applikazzjoni tal-Georgia għas-sħubija fl-UE. Il-Kunsill Ewropew iddikjara li lest jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Georgia ladarba jkunu ġew indirizzati l-prijoritajiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Georgia.

Fit-8 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Georgia tingħata status ta' kandidat, bil-fehim li jittieħdu għadd ta' passi.

Il-Georgia ngħatat l-istatus ta' kandidat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2023, bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti stipulati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2023.

Fid-dawl tal-linja ta' azzjoni tal-gvern tal-Georgia, li tmur kontra l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE, il-proċess ta' adeżjoni tal-Georgiawaqaf de facto fl-2024. Matul l-2024, il-mexxejja tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Georgia f'diversi okkażjonijiet, b'mod partikolari fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju, Ottubru u Diċembru. Għal dan l-għan, il-mexxejja tal-UE esprimew tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Georgia, ikkundannaw bil-qawwa l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi, politiċi u rappreżentanti tal-media, u esprimew id-dispjaċir tagħhom għad-deċiżjoni tal-gvern Georgjan li jissospendi l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż mal-UE sal-2028.

L-UE tinsab lesta li tappoġġa l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Georgia u l-perkors tal-pajjiż lejn l-adeżjoni, jekk l-awtoritajiet tal-Georgia jiddeċiedu li jreġġgħu lura l-linja ta' azzjoni attwali tagħhom.

Rieżami annwali tal-progress

Kull sena, il-Kunsill jevalwa l-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż il-Georgia, fil-perkors Ewropew tagħhom.

Fis-16 ta' Diċembru 2025, il-presidenza Daniża tal-Kunsill ħarġet konklużjonijiet li kienu appoġġati politikament minn 26 stat membru tal-UE.

Rigress u repressjoni tad-demokrazija

F'Mejju 2024, l-awtoritajiet tal-Georgia adottaw liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija, li tirrappreżenta pass lura mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta' kandidat tal-Georgia u wasslet biex jitwaqqaf il-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż. Fil-laqgħat sussegwenti tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju, Ottubru u Diċembru 2024, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-awtoritajiet tal-Georgia biex:

  • jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħhom billi jreġġgħu lura l-linja ta' azzjoni attwali
  • jadottaw riformi demokratiċi, komprensivi u sostenibbli
  • joqogħdu lura milli jużaw il-forza u jtemmu l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi, politiċi u rappreżentanti tal-media
  • jirrispettaw id-dritt għal-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni

Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Ottubru 2024, il-mexxejja tal-UE appellaw ukoll lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-elezzjonijiet ikunu ħielsa u ġusti f'konformità mal-istandards internazzjonali, u ħeġġew monitoraġġ sostanzjali tal-elezzjonijiet fuq terminu qasir u twil mis-sħab.

Sħubija tal-Lvant

Minbarra l-proċess tat-tkabbir, l-UE u l-Georgia jikkooperaw ukoll biex isaħħu r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat u d-dimensjoni reġjonali tal-Lvant tagħha, is-Sħubija tal-Lvant.

Ftehim ta' Assoċjazzjoni

L-UE u l-Georgia ffirmaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-27 ta' Ġunju 2014 u dan ilu fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2016.

Il-ftehim introduċa reġim kummerċjali preferenzjali – iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva - li:

  • tistabbilixxi rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn il-Georgia u l-UE bbażati fuq riformi f'oqsma relatati mal-kummerċ
  • tneħħi d-dazji tal-importazzjoni kollha fuq l-oġġetti u tipprevedi aċċess reċiproku wiesa' għall-kummerċ fis-servizzi
  • hija mezz biex il-leġiżlazzjoni tal-Georgia relatata mal-kummerċ tkompli tiġi allinjata ma' aspetti magħżula tal-qafas legali tal-UE

Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa l-ogħla istituzzjoni formali stabbilita skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia, u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim.

It-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia, li saret fl-20 ta' Frar 2024, iffokat fuq il-perkors tal-adeżjoni tal-Georgia mal-UE, id-djalogu politiku u r-riformi, il-kooperazzjoni ekonomika u settorjali, il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti.

Liberalizzazzjoni tal-viża

Il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni mal-Georgia daħlu fis-seħħ fl-2011.

Fis-27 ta' Frar 2017, il-Kunsill adotta regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Georgia li jivvjaġġaw lejn l-UE għal perjodu ta' soġġorn ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

L-Irlanda hija eżentata mill-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet f'konformità mal-protokolli mehmużin mat-trattati tal-UE. Ir-regolament daħal fis-seħħ fit-28 ta' Marzu 2017.

Fis-27 ta' Jannar 2025, il-Kunsill iddeċieda li jissospendi partijiet mill-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Georgia. Dan jista' jwassal biex id-diplomatiċi u l-uffiċjali Georgjani jkollhom japplikaw għal viża meta jivvjaġġaw lejn l-UE. Iċ-ċittadini Georgjani huma eżentati mir-rekwiżit dwar il-viża.

L-integrità territorjali u r-riżoluzzjoni tal-konflitti

L-UE tappoġġa bis-sħiħ l-integrità territorjali tal-Georgia u r-riżoluzzjoni tal-konflitti fir-reġjuni separatisti okkupati tagħha tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar.

L-UE hija involuta permezz:

  • tal-kopresidenza tad-diskussjonijiet internazzjonali ta' Ġinevra mir-rappreżentant speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia
  • tal-iskjerament tal-missjoni ta' monitoraġġ tal-UE fil-Georgia (EUMM)

Assistenza finanzjarja lill-Georgia

L-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Georgia, kif ukoll l-akbar sieħeb kummerċjali tagħha. L-UE tappoġġa l-iżvilupp soċjoekonomiku u r-riformi fil-Georgia permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni (NDICI).

L-appoġġ tal-UE lill-Georgia għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Georgia permezz ta' għotja annwali ta' assistenza ta' madwar €85 miljun, li twassal għal riżultati tanġibbli u viżibbli.

L-assistenza tal-UE hija bbażata fuq kundizzjonalità stretta, u hija marbuta ma' progress sodisfaċenti fir-riformi u r-rispett għall-istat tad-dritt, mekkaniżmi demokratiċi effettivi u drittijiet tal-bniedem.

L-UE tappoġġa wkoll lill-Georgia b'investimenti konkreti permezz tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP), f'konformità mal-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE. Taħt l-EIP, l-UE ingranat €2.1 biljun f'investimenti pubbliċi u privati, fosthom għal sitt inizjattivi ewlenin, li huma:

  • il-konnettività tal-Baħar l-Iswed
  • it-trasport li jaqsam il-Baħar l-Iswed
  • l-irkupru ekonomiku
  • il-konnettività diġitali għaċ-ċittadini
  • kwalità tal-arja mtejba
  • l-effiċjenza fl-enerġija f'binjiet pubbliċi

Appoġġ għall-forzi tad-difiża tal-Georgia

Bejn l-2021 u l-2023, l-UE allokat kważi €63 miljun permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-forzi tad-difiża tal-Georgia.

Il-miżuri ta' assistenza fis-seħħ isaħħu l-kapaċitajiet tal-forzi tad-difiża tal-Georgia, fosthom il-kapaċità li jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-popolazzjoni ċivili f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' emerġenza.

B'mod partikolari, jipprovdu tagħmir, provvisti u servizzi mhux letali.

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Novembru 2026