"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Laqgħa tal-mexxejja UE-Amerka Latina u Karibew permezz ta' vidjokonferenza, 2 ta' Diċembru 2021, 2 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Il-mexxejja tal-UE u ta' seba' pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew (ALK) iltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza fit-2 ta' Diċembru 2021.

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, ippresieda l-laqgħa. President Michel u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ukoll ħa sehem fil-laqgħa.

Il-laqgħa tal-mexxejja tal-lum hija pass importanti għat-tnedija mill-ġdid tad-djalogu bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew fl-ogħla livell. Nittamaw li dan ikun ukoll pass 'il quddiem lejn summit bireġjonali sħiħ hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Is-sħab tal-Amerka Latina u l-Karibew kienu rrappreżentati mill-mexxejja tal-istat jew tal-gvern tal-pajjiżi tal-ALK li għandhom il-presidenzi ta' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fl-2021: il-Brażil, il-Kolombja, il-Costa Rica, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Messiku u s-Suriname.

It-tema ġenerali tal-laqgħa kienet "Jingħaqdu l-forzi għal irkupru sostenibbli wara l-COVID".

Ir-rispons u l-irkupru għall-COVID-19

Il-mexxejja tal-UE tennew li huma lesti jżidu l-kooperazzjoni biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.

B'ħidma bħala Tim Ewropa flimkien mal-istati membri, l-UE diġà pprovdiet €3 biljun f'appoġġ immedjat għas-saħħa lill-ALK. L-UE esportat aktar minn 130 miljun doża ta' tilqim lejn il-pajjiżi tal-ALK. Hija wasslet aktar minn 50 miljun doża fir-reġjun u għalhekk hija kontributur ewlieni għall-COVAX. L-istati membri tal-UE taw 10 miljun doża oħra lil kważi nofs il-pajjiżi kollha tal-ALK.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ser jipprovdi self lill-Arġentina ta' madwar €85 miljun għall-finanzjament ta' inizjattivi ta' reżiljenza u ta' tħejjija għall-pandemiji kif ukoll b'appoġġ għax-xiri tat-tilqim.

L-UE hija lesta wkoll li tesplora l-possibbiltajiet għall-appoġġ tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini fir-reġjun.

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Aktar minn qatt qabel, l-assoċjazzjoni strateġika tagħna hija waħda ta' rilevanza ġeopolitika: flimkien, l-UE u l-ALK jirrappreżentaw kważi terz tas-sħubija tan-NU u seba' membri tal-G20. Għalhekk aħna jista' jkollna rwol deċiżiv fit-tfassil tal-aġenda multilaterali u fl-indirizzar tal-isfidi globali ewlenin bħall-COVID-19, l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Tħejjija għas-saħħa

L-UE hija lesta li tappoġġa inizjattivi reġjonali bħall-pjan ECLAC tan-NU għall-awtosuffiċjenza fi kwistjonijiet tas-saħħa fl-ALK u l-isforzi li għaddejjin tal-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa.

Filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta' rispons multilaterali, il-mexxejja tal-UE stiednu lis-sħab tal-ALK biex jappoġġaw il-ħidma fuq strument internazzjonali ġdid dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.

Żvilupp sostenibbli

Il-mexxejja tal-UE ħabbru li taħt l-NDICI-Ewropa Globali (2021-2027) ser ikunu disponibbli €3.4 biljun għall-ALK b'appoġġ għal irkupru sostenibbli fit-tul mill-pandemija.

Barra minn hekk, l-UE għandha l-għan li timmobilizza aktar minn €12 biljun ta' investiment pubbliku u privat fir-reġjun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+).

Mill-inqas €800 miljun ser ikunu riżervati biex jappoġġaw lill-Karibew u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' wara Cotonou.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità

Il-mexxejja tal-UE ħabbru inizjattiva ġdida ta' Tim Ewropa li ser tappoġġa l-isforzi biex titwaqqaf id-deforestazzjoni fl-Amazon. Huma enfasizzaw ukoll il-kontribuzzjoni tal-UE ta' €1 biljun għall-Impenn Globali għall-Finanzjament tal-Foresti mħabbar fil-COP26 fi Glasgow.

L-UE ser tappoġġa finanzjarjament lis-sħab tal-ALK fit-twettiq tal-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi. Il-mexxejja tal-UE offrew ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni biex jappoġġaw l-adattament għall-klima.

Aġenda diġitali

Il-mexxejja stennew b'interess it-tnedija ta' Alleanza Diġitali UE-ALK fl-2022 biex b'mod konġunt tavvanza d-diġitalizzazzjoni ċċentrata fuq il-bniedem. L-alleanza ser tibni fuq l-użu reċenti ta' kejbil fibrottiku transatlantiku (EllaLink) li jgħaqqad iż-żewġ reġjuni permezz tal-Portugall u l-Brażil. Il-kejbil dalwaqt għandu jiġi estiż għal pajjiżi oħra tal-ALK.

Wara t-tnedija fl-1 ta' Diċembru 2021 tal-Portal Globali, l-istrateġija ta' konnettività tal-UE, l-UE ser timpenja ruħha mal-pajjiżi tal-ALK biex b'mod konġunt tidentifika proġetti vijabbli oħra, bħall-iżvilupp tal-potenzjal tal-idroġenu ekoloġiku u l-ħolqien ta' ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima mar-reġjun tal-ALK.

Ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni

Il-mexxejja tal-UE ħeġġew li jsir użu sħiħ min-network vast ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni bħala mutur għall-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-opportunitajiet ta' negozju u investiment fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi

Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kien essenzjali għal irkupru dejjiemi, b'attenzjoni partikolari li għandha tingħata lil gruppi vulnerabbli u l-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet. Inizjattiva reġjonali ġdida tat-Tim Ewropa dwar is-sigurtà u l-ġustizzja ser tappoġġa l-kooperazzjoni bireġjonali dwar is-sigurtà taċ-ċittadini, il-kriminalità organizzata u l-istat tad-dritt.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll il-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali. Inizjattiva ta' Tim Ewropa fl-2022 ser tiffoka fuq l-indirizzar ta' sfidi strutturali relatati, bħal pereżempju billi jinbnew sistemi ta' protezzjoni soċjali reżiljenti, it-tfassil mill-ġdid ta' politiki fiskali u l-promozzjoni ta' tfassil ta' politika pubblika inklużiva.

Ġabra ta' ritratti tal-mexxejja tal-UE u tal-ALK matul il-vidjokonferenza
Il-mexxejja tal-UE u tal-ALK impenjaw ruħhom li jingħaqdu flimkien għal irkupru sostenibbli mill-pandemija tal-COVID-19

Sfond

Tħejjijiet għal-laqgħat

Is-suġġetti diskussi fil-laqgħa tal-mexxejja ġew identifikati waqt laqgħa ministerjali informali UE-ALK fl-14 ta' Diċembru 2020, li ġiet ospitata virtwalment f'Berlin mill-presidenza Ġermaniża ta' dak iż-żmien tal-Kunsill tal-UE.

Bi tħejjija għal-laqgħa tal-mexxejja UE-ALK, il-President Michel ħa sehem fis-sitt summit tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) fid-19 ta' Settembru 2021.

Relazzjonijiet UE-ALK

Marbuta mill-qrib f'termini ta' storja, kultura, popli u valuri, l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew (ALK) huma fost l-aktar reġjuni li jaħsbuha l-istess. Flimkien, dawn jiffurmaw terz tas-sħubija tan-NU u jirrappreżentaw seba' membri tal-G20.

Il-konnettività diġitali UE-ALK żdiedet b'mod sostanzjali permezz tal-kejbil fibrottiku sottomarin transatlantiku BELLA (Building the Europe Link with Latin America), li jgħaqqad il-Portugall mal-Brażil. Il-bini tiegħu ġie ffinalizzat f'Marzu 2021 u ġie uffiċjalment inawgurat fl-1 ta' Ġunju matul l-Assemblea Diġitali tal-2021, organizzata b'mod konġunt mill-presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

Summit preċedenti

L-aħħar summit bireġjonali bejn l-UE u l-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) sar fl-2015.

Sħubija UE-ALK

Is-sħubija bejn iż-żewġ reġjuni tinkludi network ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni, kummerċ, politika u kooperazzjoni bejn l-UE u 27 mit-33 pajjiż fl-Amerka Latina u l-Karibew.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Lulju 2026