Skip to content

Summit dwar it-tibdil fil-klima COP26

Jintemm fi Glasgow il-COP26: sar progress tajjeb iżda jeħtieġ isir aktar

Mill-31 ta' Ottubru sat-13 ta' Novembru, il-mexxejja dinjija ltaqgħu fi Glasgow, ir-Renju Unit, fis-summit dwar it-tibdil fil-klima - COP26. Iżda xi tfisser COP26 u għaliex iltaqgħu l-mexxejja?

X'tittratta l-COP26?

Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima - COP26 hija avveniment ewlieni li jlaqqa' flimkien il-mexxejja mill-pajjiżi kollha tad-dinja biex jaqblu dwar kif għandhom iżidu l-azzjoni globali biex isolvu l-kriżi klimatika.

Kważi 30 sena ilu, il-mexxejja dinjija ngħaqdu flimkien biex kollettivament jindirizzaw it-tibdil fil-klima għall-ewwel darba. In-Nazzjonijiet Uniti stiednu lill-pajjiżi biex jiffirmaw konvenzjoni dwar il-klima li torbot lil kull wieħed minnhom biex inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

Minn dakinhar, il-pajjiżi li ffirmaw il-konvenzjoni – formalment imsejħa ''partijiet'' – iltaqgħu kull sena biex jiddiskutu l-progress u l-isfidi (minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ma saret l-ebda laqgħa fl-2020).

COP tfisser il-''konferenza tal-partijiet'' għall-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima (UNFCCC). Il-COP26 hija s-26 laqgħa tal-partijiet għall-konvenzjoni u ġiet ospitata mir-Renju Unit fi sħubija mal-Italja.

Fil-laqgħa, il-partijiet irrieżaminaw il-progress fl-impenji tagħhom skont l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi li t-tisħin globali jinżamm ferm taħt iż-2 C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jkomplu bl-isforzi biex jillimitawh għal 1.5°C.

Philippe Lefebure, l-espert tal-politika tagħna dwar il-klima, jispjega x'jittratta s-summit dwar il-klima COP26.

Għaliex kien importanti l-COP26?

Skont ix-xjenzati, iż-żamma tat-tisħin globali taħt il-1.5°C hija l-aħjar mod biex il-pjaneta tiġi salvata mill-effetti perikolużi tat-tibdil fil-klima. Madankollu bħalissa d-dinja mhix fit-triq it-tajba biex tagħmel dan, hekk kif qed jiżdiedu t-temperaturi globali.

Skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tisħin globali qed jikkawża bidliet akbar, u f'xi każijiet irriversibbli, fix-xejriet tax-xita, fl-oċeani u fl-irjieħ fir-reġjuni kollha tad-dinja. Fl-UE u madwar id-dinja qed iseħħu avvenimenti ta' temp estrem aktar frekwenti u intensi, bħal mewġiet ta' sħana, għargħar u nirien fil-foresti.

Huwa estremament urġenti li tittieħed azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Il-COP26 laqqa' l-mexxejja dinjija biex jaġixxu flimkien biex jillimitaw iż-żieda fit-temperaturi u t-tibdil fil-klima.

L-objettivi ewlenin tal-laqgħa tal-COP26 kienu:

  • impenn għal miri aktar ambizzjużi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2030
  • jiddiskutu miżuri biex jadattaw għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima
  • iżidu l-finanzjament għall-azzjoni dwar il-klima, b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Philippe Lefebure jispjega għaliex il-COP26 hija opportunità ewlenija biex naġixxu għall-klima.

X'kien il-messaġġ tal-UE għall-COP26?

L-UE trid tmexxi bl-eżempju billi tkun fuq quddiem nett tal-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Matul is-snin, adottat leġiżlazzjoni ambjentali fost l-aktar avvanzata fid-dinja u laħqet l-għanijiet passati tagħha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Din is-sena, l-UE ġeddet l-ambizzjoni klimatika tagħha f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, billi ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-inqas 55% sal-2030 u għamlet din il-mira obbligu legali permezz tal-liġi Ewropea dwar il-klima.

Špela Horjak, kelliem tal-presidenza tal-Kunsill tal-UE, tispjega l-għanijiet tal-COP26.

Madankollu, it-tibdil fil-klima huwa theddida globali u l-UE ma tistax taġixxi waħedha.

Fil-COP26, l-UE ħeġġet lill-oħrajn biex iżidu l-impenji u l-azzjonijiet tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet u jżidu l-isforzi ta' adattament biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi.

Bħala l-akbar kontributur għall-finanzjament internazzjonali għall-klima, l-UE qed tonora l-impenn tagħha li tipprovdi finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tgħinhom jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima. U ser tkompli tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv globali li jiġu mobilizzati USD 100 biljun fis-sena sal-2025. L-UE tistieden lil pajjiżi żviluppati oħra biex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom stess biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Min irrappreżenta lill-UE fil-COP26?

Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea rrappreżentaw lill-UE fil-laqgħa tal-COP. Id-delegazzjoni tal-UE kienet magħmula minn grupp ta' uffiċjali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, immexxija mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tas-Slovenja Janez Janša, bħala l-president attwali tal-Kunsill tal-UE.

Għall-Kunsill, is-Slovenja attendiet il-laqgħa u ħadet sehem fid-diskussjonijiet f'isem is-27 stat membru tal-UE. Il-pożizzjoni li l-UE kollha kemm hi ħadet matul in-negozjati - li kellha l-għan li twasslu għal impenn imġedded mill-pajjiżi - ġiet maqbula qabel il-laqgħa matul l-aħħar Kunsill Ambjent.

Il-Kunsill jaqdi rwol importanti fil-ftehimiet internazzjonali kemm ma' pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Ir-rwol tiegħu huwa li japprova direttivi ta' negozjati u japprova l-konklużjoni ta' ftehimiet.

Špela Horjak tispjega min jirrappreżenta lill-UE fil-COP26.
Illustrazzjoni tan-newtralità klimatika

5 fatti dwar l-għan tal-UE għan-newtralità klimatika

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija essenzjali għall-futur tal-Ewropa u tad-dinja. Fl-2019, il-mexxejja tal-UE approvaw l-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050. Dan segwa l-impenji li saru mill-UE u l-istati membri tagħha meta ffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi fl-2015. Xi tfisser in-newtralità klimatika u l-UE kif ser tikseb dan l-għan filwaqt li tippromwovi l-benesseri taċ-ċittadini tagħha?