Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 4 u 5 ta' Marzu 2024

Riżultati ewlenin

Ġustizzja

Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata

Il-presidenza Belġjana pprovdiet aġġornament dwar waħda mill-prijoritajiet tal-mandat tagħha ta' 6 xhur: il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata. B'mod partikolari, enfasizzat żewġ elementi:

  • it-twaqqif ta' network ta' prosekuturi speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-presidenza spjegat l-ambitu u l-kompiti ta' dan in-network u r-rabta tiegħu mal-Eurojust, l-aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali
  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi. Hawnhekk, il-presidenza ffukat fuq il-koordinazzjoni u l-ġbir flimkien tar-riżorsi tal-istati membri f'pajjiżi terzi u fuq modi kif issir pressjoni fuq il-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx (pajjiżi ta' rifuġju sikur)
Fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, il-kooperazzjoni hija essenzjali. Nirrakkomanda t-twaqqif ta' network ta' prosekuturi speċjalizzati biex il-ġudikaturi tagħna jsibuha aktar faċli li jaħdmu flimkien. Tajjeb ukoll li nsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi u niżguraw li l-pajjiżi ma jsirux rifuġji sikuri għall-kriminali. Paul Van Tigchelt, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ġustizzja u l-Baħar tat-Tramuntana tal-Belġju

It-twaqqif ta' network ta' prosekuturi speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata diġà ġie diskuss fid-dettall fil-laqgħa informali tal-ministri għall-ġustizzja fis-26 ta' Jannar 2024. Iż-żewġ linji ta' ħidma li l-presidenza aġġornat lill-ministri dwarhom jiffurmaw ukoll parti mill-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata li l-Kummissjoni ppreżentat fit-18 ta' Ottubru 2023.

Punti leġiżlattivi

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar direttiva proposta dwar regoli minimi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u soġġorn mhux awtorizzati fl-UE. Bħalissa l-abbozz ta' liġi qed jiġi diskuss mill-esperti tal-istati membri fil-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-ministri taw gwida politika biex tiġi ffinalizzata l-pożizzjoni tal-Kunsill. L-għan tad-direttiva huwa li tagħmel il-prosekuzzjoni tan-networks tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin aktar effettiva billi tiċċara d-definizzjoni tar-reat tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u li tarmonizza l-pieni. Tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-għodod investigattivi, it-taħriġ u l-ġbir ta' data.

B'mod partikolari, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar jekk ir-reat tal-UE tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti għandux ikollu bħala wieħed mill-elementi kostituttivi tiegħu l-eżistenza ta' benefiċċju finanzjarju jew materjali, jew jekk l-UE għandhiex tikkriminalizza l-faċilitazzjoni ta' dħul jew soġġorn mhux awtorizzat anke jekk il-persuna li tipprovdi appoġġ lill-migrant ma tikseb ebda benefiċċju materjali jew finanzjarju minnu.

Esprimew ukoll l-opinjonijiet tagħhom dwar jekk id-direttiva għandhiex tinkludi klawżola umanitarja, jiġifieri dispożizzjoni li ma jkunx reat kriminali meta l-assistenza tiġi offruta għal raġunijiet primarjament umanitarji.

Skont id-data tal-Frontex, il-qsim irregolari tal-fruntieri esterni tal-UE fl-2023 laħaq iċ-ċifra ta' 380 000. Huwa stmat li aktar minn 90% tal-migranti irregolari jużaw is-servizzi tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin. Il-Kummissjoni tistma li n-networks tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jagħmlu profitti ta' bejn €4.7 u 6 biljun fis-sena madwar id-dinja.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: ġlieda kontra l-impunità

Waqt l-ikel, il-ministri qasmu fehmiet mal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna, is-Sur Kostin, u l-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, dwar l-iżviluppi fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u dwar l-isforzi biex tiġi miġġielda l-impunità fil-livell tal-UE u tal-istati membri. Il-ministri għall-ġustizzja wiegħdu l-appoġġ kontinwu tagħhom biex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni tad-delitti internazzjonali l-aktar serji.

Sa mill-bidu tal-gwerra, il-Kunsill kellu rwol importanti fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-istati membri u biex jiżgura aġġornament kontinwu tal-informazzjoni dwar l-inizjattivi nazzjonali, tal-UE u internazzjonali.

Dawn l-inizjattivi jinkludu t-trasferiment mill-istati membri ta' esperti forensiċi lejn l-Ukrajna, l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta b'rabta mad-delitti li ġew allegati li twettqu fl-Ukrajna, l-iżvilupp mill-Eurojust ta' Bażi ta' Data ta' Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin, it-twaqqif fil-Eurojust ta' Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna u t-tnedija ta' investigazzjonijiet nazzjonali ta' delitti internazzjonali li allegatament twettqu fl-Ukrajna.

L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

L-infiltrazzjoni fis-sistemi ġudizzjarji minn organizzazzjonijiet kriminali u t-theddid u l-intimidazzjoni kontra l-imħallfin u l-prosekuturi involuti fil-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata huma ta' riskju serju għall-istat tad-dritt. F'dan il-kuntest, il-ministri għall-ġustizzja ddiskutew ir-reżiljenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħna.

Huma ressqu l-mistoqsija dwar kif għandhom jittaffew l-effetti – pereżempju, b'miżuri ta' protezzjoni individwali – tat-theddid għall-imħallfin u l-prosekuturi, biex jiġu protetti huma u l-familji tagħhom, u biex tinżamm l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja. Il-ministri ddiskutew ukoll kif is-sistema ġudizzjarja tista' tiġi protetta minn interferenzi minn gruppi kriminali (eż. korruzzjoni jew infiltrazzjoni) u r-rwol possibbli tal-iskrutinju u l-kontrolli tas-sigurtà f'dan ir-rigward.

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jiffukaw fuq it-tema tar-rapport annwali tal-2023 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE: protezzjoni legali effettiva u aċċess għall-ġustizzja. Kien hemm ukoll skambju ta' fehmiet dwar is-suġġett fil-preżenza tas-Sa Sirpa Rautio, id-direttriċi maħtura l-ġdida tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Affarijiet oħra

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tagħha mal-Istati Uniti bl-għan li jiġi konkluż ftehim dwar l-evidenza elettronika.

Affarijiet interni

Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata

Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata – prijorità tal-Presidenza Belġjana – kienet kwistjoni ewlenija fil-laqgħa tal-ministri għall-affarijiet interni. Il-Kunsill qabel dwar rakkomandazzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki mill-kapaċitajiet tal-istati membri għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. Il-presidenza tat ukoll aġġornament dwar il-progress tagħha fl-eżekuzzjoni tal-pjan direzzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata.

Il-kriminalità marbuta mad-drogi u l-kriminalità organizzata huma ta' periklu għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Nistgħu nżommu pass 'il quddiem biss permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u permezz ta' alleanzi ma' entitajiet privati u mal-awtoritajiet tal-portijiet. Annelies Verlinden, Ministru għall-Intern, ir-Riforma Istituzzjonali u t-Tiġdid Demokratiku tal-Belġju

Ir-rakkomandazzjoni li qablu dwarha l-ministri ssegwi evalwazzjoni ta' Schengen, imwettqa mill-Kummissjoni u l-esperti tal-istati membri fl-2023, tal-kapaċitajiet nazzjonali fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sistemi tal-IT għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi.

L-aħjar prattiki jinkludu:

  • l-għoti ta' mezzi strateġiċi – inkluż strateġiji nazzjonali offensivi u difensivi dwar id-drogi – għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi
  • l-immappjar taċ-ċirkolazzjoni tad-drogi illeċiti permezz tal-konklużjoni ta' ftehimiet għall-qsim ta' informazzjoni fost affarijiet oħra
  • it-tħarbit tan-networks kriminali pereżempju billi jsiru kontrolli awtomatiċi tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għad-dħul u l-ħruġ ta' vetturi f'ċentri loġistiċi
  • iż-żieda tar-reżiljenza taċ-ċentri loġistiċi billi fost oħrajn tissaħħaħ is-sistema ta' sorveljanza marittima

Il-presidenza enfasizzat ukoll xi wħud mill-azzjonijiet ta' prijorità tagħha fil-kuntest tal-pjan direzzjonali tal-UE bħall-immappjar tan-networks kriminali ta' riskju għoli li joħolqu l-akbar theddid għas-soċjetà. Il-Europol dalwaqt ser jippreżenta rapport dwar dan l-eżerċizzju tal-immappjar.

Prijorità ewlenija oħra tal-presidenza hija l-Alleanza tal-Portijiet Ewropej. L-Alleanza, imnedija mill-presidenza u mill-Kummissjoni fl-24 ta' Jannar 2024, hija bbażata fuq tliet pilastri: il-mobilizzazzjoni tal-komunità doganali, il-ħolqien ta' sħubija pubblika-privata kontra l-kuntrabandu tad-drogi u l-infiltrazzjoni kriminali u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fil-portijiet.

Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp ulterjuri ta' sħubijiet strateġiċi mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-migrazzjoni irregolari. F'Lulju 2023, l-UE kkonkludiet memorandum ta' qbil mat-Tuneżija li kien jinkludi pilastru importanti dwar il-migrazzjoni. Issa l-UE tinsab fil-proċess li tinnegozja sħubijiet komprensivi mal-Eġittu u l-Mauritania li fost l-oqsma ta' kooperazzjoni prijoritarji tagħhom hemm il-migrazzjoni.

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet ukoll dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għar-rotta tal-migrazzjoni tal-Lvant tal-Mediterran. Peress li din ir-rotta tintuża minn bosta migranti irregolari biex imorru lejn l-UE, il-ministru ddiskutew kif jistgħu jiġu ġestiti l-aħjar dawn il-flussi.

Bil-konklużjoni tal-patt, l-UE ħadet passi biex tnaqqas u timmaniġġja l-pressjoni migratorja. Barra minn hekk, l-UE ser tkompli tikkoopera ma' pajjiżi terzi biex in-nies ma jitħallewx jibdew vjaġġi perikolużi jew jisfaw vittmi ta' faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' migranti. Nicole de Moor, Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Migrazzjoni

Is-sigurtà interna tal-UE

Waqt l-ikel, il-ministri indirizzaw l-implikazzjonijiet tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja għas-sigurtà interna tal-UE kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Il-ministri vvalutaw il-miżuri u l-istrumenti fis-seħħ biex jirrispondu għar-riskji għas-sigurtà interna tal-UE li jirriżultaw minn dawn il-konflitti. Huma qablu li jibqgħu viġilanti u jaħdmu flimkien biex itaffu r-riperkussjonijiet fuq is-sigurtà interna tal-UE.

Id-dimensjoni online tal-konflitt fil-Lvant Nofsani, l-aktar it-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-mibegħda online, qed iżżid il-periklu tal-polarizzazzjoni u tħeġġeġ l-estremiżmu fl-UE. F'dan il-kuntest il-ministri taw attenzjoni speċjali lill-ħtieġa li l-qafas legali tal-UE, speċjalment ir-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, jiġi implimentat u jintuża bis-sħiħ bl-għan li jiġi miġġieled il-kontenut illegali online.

Il-Ministru għall-Intern tal-Ukrajna, Ihor Klymenko, ingħaqad fil-laqgħa permezz ta' vidjokonferenza.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' żewġ proposti leġiżlattivi għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Proposta waħda, li dwarha ntlaħaq ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-15 ta' Frar 2024, ser testendi sat-3 ta' April 2026 deroga mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fis-setturi tal-komunikazzjoni elettronika li tippermetti lill-kumpaniji tal-internet jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom, jirrapportawh u jneħħu l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal.

It-tieni liġi proposta tal-UE – li l-leġiżlaturi tal-UE għadhom jaħdmu fuqha – ser tagħmilha obbligatorja li l-kumpaniji tal-internet jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għal abbuż sesswali tat-tfal online fuq il-pjattaformi tagħhom. Il-presidenza Belġjana kkonfermat ir-rieda tagħha li sa ma tintemm il-presidenza f'Ġunju tikseb pożizzjoni tal-Kunsill dwar dan ir-regolament li ilu jiġi diskuss għal żmien twil.

Il-presidenza infurmat lid-delegazzjonijiet ukoll dwar fajls leġiżlattivi oħra li huma fil-kompetenza tal-ministri għall-affarijiet interni.

Żona Schengen

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-evalwazzjoni, konkluża fi Frar 2024, tar-regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Din l-evalwazzjoni, l-ewwel waħda minn meta ġie adottat ir-regolament il-ġdid fl-2019, tikkonkludi b'valutazzjoni pożittiva u tidentifika għadd ta' sfidi relatati ma' nuqqasijiet organizzattivi, tekniċi u operazzjonali.

Il-Kummissjoni, irrappreżentata mill-Kummissarju Ylva Johansson, ippreżentat il-Barometru ta' Schengen+, strument importanti li jissorvelja l-funzjonament taż-żona Schengen billi jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi miftiehma kif ukoll ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jheddu l-funzjonament tajjeb ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni.

Il-ministri ħadu nota tas-sitwazzjoni attwali tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja.

Filwaqt li dawn is-sistemi ta' informazzjoni – li jinkludu s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, il-bażi tad-data tal-marki tas-swaba' tal-Eurodac u s-sistema online ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ETIAS – bħalissa mhumiex interkonnessi, l-UE qed tinstalla arkitettura ġdida tal-interoperabbiltà li ser tipprovdi interfaċċa unika għat-tfittxijiet.

Skont skeda ta' żmien miftiehma f'Ottubru 2023, is-sistema l-ġdida tal-ġestjoni tal-fruntieri (Sistema ta' Dħul u Ħruġ) ser tibda taħdem fil-ħarifa ta' din is-sena, segwita mis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) sitt xhur wara fl-2025.

Affarijiet oħra

Il-presidenza rrappurtat dwar l-24 Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni u Kooperazzjoni UE-CELAC dwar id-Drogi li saret fit-22 ta' Frar 2024 f'La Paz, il-Bolivja.

Is-Slovenja ppreżentat ir-riżultat tal-konferenza ministerjali tal-Forum ta' Salzburg, sħubija ta' sigurtà tal-Ewropa Ċentrali, li saret fil-11 u t-12 ta' Diċembru taħt il-Presidenza Slovena.

Il-Finlandja infurmat lid-delegazzjonijiet dwar dokument informali dwar unjoni ta' tħejjija.

L-infografika turi l-wasliet irregolari kull sena u kull xahar lejn l-UE bejn l-2015 u l-2026 (inkluż ir-rotot tal-Mediterran tal-Lvant, Ċentrali u tal-Punent), u turi wkoll in-nazzjonalitajiet ewlenin għal kull rotta fl-2026
Flussi migratorji: ir-rotot tal-Lvant, Ċentrali u tal-Punent (Infografika)

Flussi migratorji: ir-rotot tal-Lvant, Ċentrali u tal-Punent (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Marzu 2025