"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni taż-żona Schengen

Iż-żona Schengen tippermetti lil aktar minn 450 miljun persuna jivvjaġġaw liberament bejn il-pajjiżi membri mingħajr ma jgħaddu minn kontrolli fil-fruntieri.

X'inhi Schengen?

Iż-żona Schengen hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-proġett Ewropew. Din bdiet fl-1985 bħala proġett intergovernattiv bejn ħames pajjiżi tal-UE – Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu – u gradwalment espandiet biex issir l-akbar żona ta' vvjaġġar mingħajr viża fid-dinja.

Schengen huwa isem raħal żgħir fil-Lussemburgu li jinsab fuq il-fruntiera mal-Ġermanja u Franza, fejn il-Ftehim ta' Schengen u l-Konvenzjoni ta' Schengen ġew iffirmati fl-1985 u fl-1990 rispettivament.

Is-sħubija f'żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni tfisser li l-pajjiżi:

  • ma jwettqux kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, għajr f'każijiet ta' theddid speċifiku
  • iwettqu kontrolli armonizzati fil-fruntieri esterni tagħhom, abbażi ta' kriterji ddefiniti b'mod ċar

Is-sett ta' regoli li jirregola ż-żona Schengen jissejjaħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Xi nies bilqiegħda jiffirmaw dokument. Nies oħra bilwieqfa warajhom. Xi ħadd iżomm tabella bit-test "zoll/douane" ingassat b'salib.
L-iffirmar tal-Ftehim ta' Schengen (14 ta' Ġunju 1985)

Liema pajjiżi jagħmlu parti minn Schengen?

Illum il-ġurnata, iż-żona Schengen tkopri aktar minn 4 miljun kilometru kwadru b'popolazzjoni ta' aktar minn 450 miljun persuna, u tinkludi 29 pajjiż:

  • 25 mis-27 stat membru tal-UE
  • il-membri kollha tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera)

Fit-30 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill qabel li jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar mal-Bulgarija u r-Rumanija. Fit-12 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill iddeċieda li jitneħħew l-kontrolli fuq persuni anke fil-fruntieri interni tal-art maż-żewġ pajjiżi u bejniethom. B'riżultat ta' dan, mill-1 ta' Jannar 2025, il-Bulgarija u r-Rumanija jagħmlu parti sħiħa miż-żona Schengen.

Il-kontrolli fil-fruntieri interni ma' Ċipru għadhom ma tneħħewx, u l-Irlanda mhijiex parti miż-żona Schengen.

X'inhuma l-benefiċċji ta' Schengen?

Iż-żona Schengen tippermetti lil aktar minn 450 miljun persuna jivvjaġġaw mingħajr viża bejn l-istati membrimingħajr ma jgħaddu mill-kontrolli fil-fruntieri.

Kuljum madwar 3.5 miljun persuna jaqsmu l-fruntieri interni għal xogħol jew studju jew biex iżuru l-familji u l-ħbieb, u kważi 1.7 miljun persuna jgħixu f'pajjiż Schengen filwaqt li jaħdmu f'ieħor.

Huwa stmat li l-Ewropej jagħmlu 1.25 biljun vjaġġ fiż-żona Schengen kull sena, li huwa wkoll ta' benefiċċju kbir għas-settur tat-turiżmu u tal-kultura.

Iż-żona Schengen iġġib magħha benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji kollha fl-istati parteċipanti tagħha. Hija mfassla biex tkun il-pedament tal-Unjoni Ewropea u tas-suq uniku fl-intier tiegħu.

In-nazzjonali ta' pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw minn Schengen?

Nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE jew li jżuru l-UE bħala turisti, studenti fuq skambju jew għal finijiet ta' negozju jistgħu wkoll jivvjaġġaw fil-pajjiżi Schengen mingħajr ma jgħaddu mill-kontrolli fil-fruntieri.

Għal vjaġġaturi li jgħaddu miż-żona Schengen jew jibqgħu fiha għal perjodu qasir, l-UE stabbiliet regoli komuni dwar il-viża.

Politika komuni dwar il-viża hija meħtieġa għall-funzjonament effettiv taż-żona Schengen mingħajr fruntieri billi tiffaċilita d-dħul tal-viżitaturi fl-UE, filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà interna.

Mappa tal-Ewropa, li tindika l-pajjiżi li joħorġu viżi ta' Schengen u l-pajjiżi li le.

Il-viża ta' Schengen (Infografika)

Schengen kif tejbet is-sigurtà fl-UE?

Wieħed mill-għanijiet ewlenin taż-żona Schengen huwa li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-istati membri kollha. Dawn il-forom ġodda ta' kooperazzjoni ġew introdotti biex jikkumpensaw għal kwalunkwe riskju ta' nuqqas ta' sigurtà li jirriżulta mill-eliminazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, iż-żona Schengen tippermetti:

  • sistemi mtejba ta' komunikazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija
  • l-insegwiment ta' kriminali
  • sorveljanza transfruntiera ta' persuni suspettati
  • assistenza operazzjonali reċiproka
  • skambji ta' informazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet tal-pulizija

Dan huwa vantaġġ enormi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità serja u organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-migrazzjoni illegali.

Il-pajjiżi kif jissieħbu fiż-żona Schengen?

Pajjiżi li jixtiequ jissieħbu maż-żona Schengen iridu jissodisfaw lista ta' prekondizzjonijiet. Dawn iridu:

  • japplikaw is-sett komuni ta' regoli ta' Schengen (l-hekk imsejjaħ "acquis ta' Schengen"), pereżempju rigward il-kontrolli fil-fruntieri, il-ħruġ tal-viżi, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ħarsien tad-data personali
  • jerfgħu ir-responsabbiltà għall-kontroll tal-fruntieri esterni f'isem pajjiżi Schengen oħra u għall-ħruġ ta' viżi uniformi ta' Schengen
  • jikkooperaw b'mod effiċjenti mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi f'pajjiżi Schengen oħra sabiex jinżamm livell għoli ta' sigurtà ladarba jkunu ġew eliminati l-kontrolli fil-fruntieri interni
  • jistabbilixxu konnessjoni mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u jużawha

Pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona Schengen iridu jwettqu sensiela ta' evalwazzjonijiet biex jiġi ddeterminat jekk jissodisfawx il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiġu applikati r-regoli ta' Schengen.

Ladarba l-evalwazzjoni tikkonferma r-rieda ta' stat membru li jissieħeb fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-membri l-oħra kollha taż-żona Schengen iridu japprovaw id-deċiżjoni b'mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Jistgħu jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen?

Bosta pajjiżi tal-UE ddeċidew li jerġgħu jintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni bejn l-2020 u l-2022 fil-kuntest tal-COVID-19. Il-kontrolli reġgħu ġew introdotti f'ċirkostanzi oħra wkoll, inkluż fl-2015 wara attakki terroristiċi jew iż-żieda fil-flussi migratorji fl-UE.

L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandha ssir biss bħala l-aħħar għażla.

F'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali

Il-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen jippermetti li l-istati membri jerġgħu jintroduċu l-kontrolli f'ċerti fruntieri interni f'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jheddu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen.

F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kunsill jista' jirrakkomanda li stat membru wieħed jew aktar jerġgħu jintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Kontrolli introdotti fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Bħala reazzjoni għal theddid serju

Il-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen jistipula wkoll li l-istati membri jistgħu jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri biex jirreaġixxu għal theddid serju għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

F'dan il-każ, l-istat membru kkonċernat irid jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE mill-inqas erba' ġimgħat qabel ma jiġu introdotti l-kontrolli, jew f'inqas żmien jekk iċ-ċirkostanzi ma jkunux magħrufa minn qabel. Din l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll interni ma teħtieġx l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Kif inhuma mħarsa l-fruntieri esterni ta' Schengen?

L-UE u l-istati membri tagħha stabbilew miżuri konkreti biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-Ewropa u jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE.

Dawn jinkludu, pereżempju, il-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).

L-awtoritajiet madwar l-UE kollha jużaw is-SIS biex idaħħlu jew jikkonsultaw allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin. Is-sistema tinkludi madwar 86.5 miljun allert, u fl-2022 l-awtoritajiet ikkonsultawha aktar minn 35 miljun darba.

Is-SIS tipprovdi wkoll struzzjonijiet lill-awtoritajiet dwar kif għandhom jirreaġixxu meta jinstabu persuna jew oġġett, pereżempju:

  • arrest ta' persuna mfittxija
  • protezzjoni ta' persuna nieqsa vulnerabbli
  • sekwestru ta' oġġett illegali jew misruq

L-għodod tal-IT li ġejjin li ser jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità u fis-sigurtà tal-fruntieri qed jiġu aġġornati jew żviluppati:

  • Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
  • Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)
  • Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
L-awtoritajiet madwar l-UE jikkondividu informazzjoni permezz ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira għall-protezzjoni taċ-ċittadini, għall-ġlieda kontra l-kriminalità, għas-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Sistemi tal-IT tal-UE għas-sigurtà u l-migrazzjoni (Infografika)

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Lulju 2026