Sistemi tal-IT għall-ġlieda kontra l-kriminalità u għas-sigurtà tal-fruntieri tal-UE
L-awtoritajiet madwar l-UE jaqsmu informazzjoni permezz ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira biex jipproteġu liċ-ċittadini, jiġġieldu l-kriminalità u jipprovdu sigurtà fil-fruntieri.
Sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS)
L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE jużaw is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS) biex idaħħlu jew jikkonsultaw allerti dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew nieqsa. Is-sistema fiha kważi 86.5 miljun allert u l-awtoritajiet ikkonsultawha għal kważi 35 miljun darba kuljum fl-2022.
Is-SIS tipprovdi wkoll struzzjonijiet lill-awtoritajiet dwar kif għandhom jirreaġixxu meta persuna jew oġġett jinstabu, pereżempju fil-każ ta':
- l-arrest ta' persuna mfittxija
- il-protezzjoni ta' persuna nieqsa vulnerabbli
- is-sekwestru ta' oġġett illegali jew misruq
F'Novembru 2018, l-UE adottat regoli ġodda biex taġġorna is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.
Il-verżjoni aġġornata saret operazzjonali f'Marzu 2023 u tinkludi:
- kategoriji ġodda ta' allerti
- bijometrika bħal marki tal-pala tal-id
- traċċi tas-swaba'
- rekords tad-DNA għal persuni neqsin
Skambju awtomatizzat ta' data għall-kooperazzjoni tal-pulizija
L-għan huwa li jissaħħaħ, jiġi ssimplifikat u ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istati membri u mal-Europol u li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE jiġu pprovduti b'għodod imtejba biex jiġġieldu kontra l-kriminalità.
Żieda fl-għadd ta' kategoriji ta' data
Il-qafas il-ġdid – spiss imsejjaħ Prüm II – jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkonsultaw il-bażijiet ta' data nazzjonali ta' stati membri oħra għal data bħal:
- DNA
- marki tas-swaba'
- data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi
Din il-liġi l-ġdida adottata fis-26 ta' Frar 2024 tippermetti lill-awtoritajiet tal-pulizija jfittxu:
- immaġnijiet tal-wiċċ
- rekords tal-pulizija
Ser ikun possibbli wkoll it-tiftix fil-kategoriji kollha biex jinstabu persuni nieqsa jew biex jiġu identifikati fdalijiet umani, jekk il-liġi nazzjonali tippermettih. Jekk tfittxija fil-bażi tad-data tirriżulta f'konkordanza pożittiva, il-pajjiż inkwistjoni għandu 48 siegħa biex jipprovdi d-data rilevanti lill-awtorità tal-pulizija li tagħmel it-talba:
- isem
- data tat-twelid
- reat kriminali marbut mad-data
Immodernizzar tas-sistema tal-IT
Il-liġi l-ġdida ta' Prüm ser:
- timmodernizza wkoll l-infrastruttura teknika li tirfed l-iskambju ta' informazzjoni
- tara li jiġi stabbilit router mill-eu-LISA biex jiffaċilita l-istabbiliment ta' konnessjonijiet bejn l-istati membri u l-Europol sabiex tinkiseb id-data
Ir-router ser jikkonsisti minn għodda ta' tiftix u kanal ta' komunikazzjoni sigur. L-awtorità tal-infurzar tal-liġi li tkun qed tfittex konkordanza tissottometti d-data tagħha (eż. marka tas-swaba') lir-router. Ir-router jibgħat din it-talba għal tfittxija lill-bażijiet ta' data tal-istati membri l-oħra kollha tal-UE u tal-Europol.
Għal tfittxijiet awtomatizzati tal-indiċijiet tar-rekords tal-pulizija, l-istati membri u l-Europol ser jużaw is-Sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS).
Rwol akbar għall-Europol
Skont ir-regoli l-ġodda, l-Europol ser tkun tista' wkoll:
- tfittex bażijiet tad-data nazzjonali biex tagħmel kontroverifika tal-informazzjoni li tkun irċeviet minn pajjiżi terzi
- Il-Kunsill u l-Parlament tal-UE jilħqu ftehim biex javvanzaw il-kooperazzjoni tal-pulizija fl-Ewropa (stqarrija għall-istampa, 20 ta' Novembru 2023)
- Kooperazzjoni tal-pulizija: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni għal skambji aħjar ta' data bejn l-awtoritajiet tal-pulizija (stqarrija għall-istampa, 26 Frar 2024)
Sistema ta' informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
Is-sistema ta' informazzjoni dwar il-viża, li ilha topera mill-2011, hija bażi ta' data li tiffaċilita l-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir.
Din is-sistema tgħin lill-awtoritajiet tal-viża, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni biex jivverifikaw lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom bżonn viża għal soġġorn qasir biex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen. L-awtoritajiet jistgħu jużaw il-VIS biex iwettqu tqabbil bijometriku biex jidentifikaw persuni u jipprevjenu s-serq jew frodi tal-identità.
B'rispons għall-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li qed jinbidlu, f'Mejju 2021, l-UE adottat regolament ġdid biex ittejjeb is-sistema. Ir-regoli l-ġodda:
- ikomplu jsaħħu s-sigurtà tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir
- jinkludu l-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta' residenza fl-istess bażi ta' data
- jiżguraw l-interoperabbiltà bejn il-VIS u sistemi u bażijiet ta' data rilevanti oħra tal-UE
Sistema għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet Ewropej għall-ażil (Eurodac)
Il-bażi ta' data tal-Eurodac fiha l-marki tas-swaba' ta' applikanti għall-ażil irreġistrati fl-istati membri tal-UE u pajjiżi assoċjati. Din il-bażi ta' data tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-regolament ta' Dublin. Hija tgħin biex:
- tivverifika jekk applikant ikunx diġà talab l-ażil fi stat membru ieħor
- tiċċekkja jekk applikant ikunx ġie arrestat qabel huwa u dieħel fit-territorju Ewropew illegalment
- tiddetermina liema stat membru huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil
Bħala parti mill-proposti leġiżlattivi tagħha għar-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-ażil, ir-regolament Eurodac ġie rivedut.
Sistemi tal-IT tal-UE għas-sigurtà u l-migrazzjoni (Infografika)
Sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS)
Il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi s-sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS) f'Settembru 2018. Din is-sistema tal-IT ser tintuża biex twettaq verifiki minn qabel fuq vjaġġaturi eżenti mill-viża u, fejn meħtieġ, dawn ma jingħatawx awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.
Din ser tkun simili għal sistemi eżistenti fis-seħħ fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Awstralja, fost oħrajn, u ser iġġib diversi benefiċċji bħal:
- titjib tas-sigurtà interna
- titjib fil-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali
- tnaqqis tar-riskji għas-saħħa pubblika u tad-dewmien fil-fruntieri
L-ETIAS ser tiġi żviluppata mill-eu-LISA u ser tibda topera fl-aħħar kwart tal-2026.
Din hija l-aġenzija tal-UE li tiġġestixxi s-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.
Sistema ta' dħul/ħruġ
Is-sistema ta' dħul/ħruġ (EES) hija sistema diġitali ġdida għall-UE kollha għall-ġestjoni tal-fruntieri li tirreġistra d-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen għal soġġorn qasir. Tissostitwixxi s-sistema qadima tal-ittimbrar manwali tal-passaporti b'verifiki bijometriċi rapidi u siguri.
Fit-12 ta' Ottubru 2025, l-EES ser tiġi introdotta progressivament fil-fruntieri esterni ta' Schengen tul perjodu ta' sitt xhur. Mill-inqas punt ta' qsim wieħed fuq il-fruntiera f'kull pajjiż parteċipanti jrid ikun operazzjonali mat-tnedija. Matul dan il-perjodu, mhux il-qsim kollu jew il-vjaġġaturi kollha ser jiġu rreġistrati permezz tal-EES, u l-ittimbrar tal-passaporti ser jitkompla.
L-EES mistennija tiġi implimentata bis-sħiħ sal-10 ta' April 2026.
L-EES inbniet mill-eu-LISA, flimkien mal-istati membri.
- Bil-bidu tat-tħaddim ta' sistema ġdida ta' kontroll tal-fruntieri tal-EES, l-UE ser issaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri u żżid l-effiċjenza għall-vjaġġaturi (stqarrija għall-istampa, 11 ta' Ottubru 2025)
- Ġestjoni tal-fruntieri: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni għall-bidu progressiv tas-Sistema ta' dħul/ħruġ (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Lulju 2025)
- Sistema ta' dħul/ħruġ (eu-LISA)
Sistema Ewropea ta' informazzjoni ta' rekords kriminali (ECRIS)
Is-sistema Ewropea ta' informazzjoni ta' rekords kriminali (ECRIS) ġiet stabbilita fl-2012. Din tippermetti lill-istati membri tal-UE li faċilment jaqsmu informazzjoni dwar kundanni kriminali.
Ħafna mill-informazzjoni skambjata tikkonċerna ċittadini tal-UE minħabba li s-sistema hija nieqsa minn mod effiċjenti biex tipproċessa data dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi.
F'April 2019, l-UE adottat regoli ġodda biex titjieb l-ECRIS. Is-sistema riformata ser tinkludi bażi ta' data ċentralizzata b'informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat.
Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri
Il-kriminalità organizzata u l-attivitajiet terroristiċi sikwit jinvolvu l-ivvjaġġar internazzjonali. Fl-2016, bħala rispons għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont il-Konvenzjoni ta' Schengen, l-UE adottat id-direttiva dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR).
Id-data tal-PNR hija informazzjoni personali pprovduta mill-passiġġieri li tinġabar u tinżamm mill-kumpaniji tal-ajru. Din tinkludi informazzjoni bħall-isem tal-passiġġier, dati tal-ivvjaġġar, itinerarji, numru tas-sit, bagalji, dettalji ta' kuntatt u mezzi ta' pagament.
Id-direttiva dwar il-PNR tirregola t-trasferiment ta' din id-data lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-istati membri u dwar kif tiġi pproċessata d-data għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja.
Is-sistema tal-PNR tikkumplimenta l-għodod li diġà jeżistu fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u tarmonizza d-dispożizzjonijiet legali tal-istati membri u b'hekk tiġi evitata l-inċertezza legali u n-nuqqasijiet fis-sigurtà, filwaqt li fl-istess ħin tħares il-protezzjoni tad-data.
Aġenzija tal-UE responsabbli għas-sistemi tal-IT fuq skala kbira (eu-LISA)
L-eu-LISA hija l-aġenzija tal-UE responsabbli mill-ġestjoni tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira użati għat-twettiq tal-politiki tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.
F'Novembru 2018, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jissaħħaħ il-mandat tal-aġenzija. Dawn ir-regoli ġodda għandhom l-għan li jiżviluppaw aktar il-kapaċità tal-aġenzija biex tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-UE.
L-aġenzija ser taqdi wkoll rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.
Bis-saħħa tal-mandat usa' tagħha, l-eu-LISA ser tkun tista':
- tiżviluppa u topera sistemi ġodda, bħas-sistema ta' dħul u ħruġ adottata reċentement u l-ETIAS
- tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà
- tipprovdi appoġġ lill-istati membri fuq talba tagħhom
- taqdi rwol akbar fir-riċerka, il-proġetti pilota u l-attivitajiet ta' ttestjar
Bħalissa, l-eu-LISA hija responsabbli għal dawn is-sistemi tal-IT:
- is-sistema ta' informazzjoni dwar il-viża
- is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen
- il-EURODAC
Bħalissa, l-eu-LISA qed tiżviluppa s-sistemi tal-IT li ġejjin:
- is-sistema ta' dħul u ħruġ
- l-ETIAS
- is-sistema ECRIS-TCN
Interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE
Is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE użati mill-awtoritajiet biex jiġġieldu l-kriminalità, jiġu kkontrollati l-fruntieri u għall-ġestjoni tal-flussi migratorji mhumiex interkonnessi. Huma frammentati, u hemm ir-riskju li jiżviluppaw lakuni ta' informazzjoni b'riżultat ta' dan.
Bħalissa l-UE qed tħares lejn modi kif l-informazzjoni tista' tinġabar u tinqasam aħjar sabiex:
- id-data ssir aċċessibbli għall-gwardji tal-fruntieri permezz ta' bażijiet ta' data rilevanti tal-UE
- l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali jitjiebu
F'Mejju 2019, il-Kunsill adotta żewġ regolamenti li jistabbilixxu qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE li jgħinu fil-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà u l-migrazzjoni. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu:
- portal Ewropew tat-tfittxija, li jippermetti lill-awtoritajiet ifittxu f'diversi sistemi ta' informazzjoni simultanjament
- servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku għat-tfittxija u l-kontroverifika ta' data bijometrika
- repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità li jaħżen id-data ta' identifikazzjoni ta' ċittadini mhux tal-UE
- detettur ta' identitajiet multipli li jallerta lill-awtoritajiet meta d-data bijometrika tindika frodi tal-identità
Din l-arkitettura l-ġdida ta' interoperabbiltà għandha tibda tintuża minn nofs l-2024 sa tmiem l-2026 u għandha tipprovdi interfaċċa waħda għat-tfittxijiet, kif ukoll servizz ta' tqabbil bijometriku biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni.
L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Marzu 2025