"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 6 ta' Diċembru 2022

Riżultati ewlenin

Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

Il-Kunsill qabel dwar mandat ta’ negozjar ("approċċ ġenerali") rigward il-proposta għal regolament dwar ir-regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-hekk imsejjaħ Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

L-abbozz ta’ regolament huwa element ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali u fil-politika tal-UE biex jitrawwem l-iżvilupp u l-adozzjoni, fil-livell Ewropew, ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) affidabbli,sikura u legali li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.

Il-proposta tistabbilixxi qafas legali uniformi u orizzontali għall-IA bil-għan li jiżgura li s-sistemi tal-IA mqiegħda fis-suq tal-UE u użati fl-Unjoni Ewropea, inkluż minn fornituri mhux tal-UE, jirrispettaw il-valuri u l-liġijiet eżistenti tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali Għandha wkoll l-għan li tiżgura ċertezza legali biex tiffaċilita l-investiment u l-innovazzjoni fl-IA u ttejjeb il-governanza u l-infurzar effettiv tal-liġi eżistenti dwar id-drittijiet fundamentali u r-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għas-sistemi tal-IA.

Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru għad-Diġitalizzazzjoni u Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali taċ-Ċekja
L-Intelliġenza Artifiċjali hija ta' importanza fundamentali għall-futur tagħna. Illum, irnexxielna niksbu bilanċ delikat li ser jagħti spinta lill-innovazzjoni u lill-adozzjoni tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali madwar l-Ewropa. Bil-benefiċċji kollha li tippreżenta, minn naħa waħda, u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħna, min-naħa l-oħra.
Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru għad-Diġitalizzazzjoni u Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali taċ-Ċekja
Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru għad-Diġitalizzazzjoni u Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali taċ-Ċekja

Matul id-dibattitu, il-ministri esprimew appoġġ unanimu għall-objettivi u l-approċċ tal-proposta tal-presidenza, bħala kompromess ibbilanċjat li ħa kont tat-tħassib ewlieni tal-istati membri filwaqt li jippreserva l-bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni tal-adozzjoni tat-teknoloġija tal-IA.

Il-ministri enfasizzaw li dan huwa fajl innovattiv u importanti ħafna, bil-potenzjal li jitrawmu l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ IA sikura u legali fis-suq uniku kollu kemm minn atturi privati kif ukoll pubbliċi. Il-ministri qablu wkoll li, bħala l-ewwel proposta leġiżlattiva ta' dan it-tip fid-dinja, din tista’ tistabbilixxi standard globali għar-regolamentazzjoni tal-IA f’ġuriżdizzjonijiet oħra, u, b’dan il-mod, tista’ tippromwovi l-approċċ Ewropew għar-regolamentazzjoni tat-teknoloġija fix-xena dinjija.

L-adozzjoni tal-approċċ ġenerali ser tippermetti lill-Kunsill jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew ("trilogi") ladarba dan tal-aħħar jadotta l-pożizzjoni tiegħu stess bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar ir-regolament propost.

Qafas għal identità diġitali Ewropea (eID)

Il-Kunsill qabel dwar mandat ta’ negozjar ("approċċ ġenerali") dwar il-proposta għal regolament dwar qafas tal-identità diġitali Ewropea (eID). Bħala parti ewlenija oħra tat-trasformazzjoni diġitali tal-UE, il-qafas ġdid propost ser jemenda r-regolament tal-2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (regolament eIDAS), li kien stabbilixxa s-sisien għal sistema biex jiġu aċċessati s-servizzi u jitwettqu t-tranżazzjonijiet online u bejn il-fruntieri fl-UE b'mod sigur.

It-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħmlulna ħajjitna verament faċli. Ninsab konvint li kartiera Ewropea tal-identità diġitali hija indispensabbli għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna. Qed inħarsu lejn avvanz massiv fil-mod kif in-nies jużaw l-identità u l-kredenzjali tagħhom fil-kuntatt ta' kuljum kemm ma' entitajiet pubbliċi kif ukoll privati, u fil-mod kif jużaw is-servizzi diġitali. Dan kollu filwaqt li jżommu kontroll sod fuq id-data tagħhom. Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru Ċek għad-diġitalizzazzjoni u ministru għall-iżvilupp reġjonali

Ir-regolament rivedut għandu l-għan li jiżgura aċċess universali għall-individwi u n-negozji għal identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika sigura u affidabbli permezz ta' kartiera diġitali personali fuq mobile (Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali). Din il-kartiera għandha tiġi rikonoxxuta mis-settur pubbliku tal-UE, mill-fornituri privati tas-servizzi li jeħtieġu awtentikazzjoni b'saħħitha tal-utent u mill-pjattaformi online l-kbar. Il-proposta toħloq ukoll qafas legali għall-iskambju ta' attributi ta' identifikazzjoni u informazzjoni marbuta mal-identità. Din tipprevedi l-kontroll mill-utenti u l-protezzjoni tad-data tagħhom u l-kondiviżjoni mmirata ta' data dwar l-identità limitata għall-ħtiġijiet tas-servizz speċifiku mitlub.

Matul id-dibattitu, il-ministri esprimew appoġġ unanimu għall-objettivi u l-approċċ tal-proposta tal-presidenza, bħala kompromess ibbilanċjat li ħa kont tat-tħassib ewlieni tal-istati membri filwaqt li jippreserva l-bilanċ delikat bejn il-ħtieġa għal tranżazzjonijiet sikuri u l-possibbiltà għaċ-ċittadini li jżommu l-kontroll fuq id-data tagħhom stess.

Il-ministri enfasizzaw li t-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħmlu l-ħajja ħafna aktar faċli u li kartiera tal-identità personali tkun indispensabbli għaċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Ewropa. Filwaqt li ssottolinjaw l-avvanz massiv fil-mod kif in-nies jużaw l-identità u l-kredenzjali tagħhom f’kuntatt ta’ kuljum ma’ entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati, u fil-mod kif jimpjegaw servizzi diġitali, il-ministri qablu dwar l-importanza ewlenija tal-fajl speċifiku għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE.

L-adozzjoni tal-approċċ ġenerali ser tippermetti lill-Kunsill jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew ("trilogi") ladarba dan tal-aħħar jadotta l-pożizzjoni tiegħu stess bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar ir-regolament propost.

L-Att dwar id-Data

Il-Kunsill kien infurmat dwar il-progress fir-rigward tal-proposta għal Regolament dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha.

L-objettivi ewlenin tal-proposta huma li tiżgura l-ġustizzja fl-allokazzjoni tal-valur mid-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data u trawwem l-aċċess għad-data u l-użu tagħha. Hija leġiżlazzjoni orizzontali, li dalwaqt għandha tiġi kkomplementata b'leġiżlazzjoni komplementari għal setturi speċifiċi. Din il-proposta leġiżlattiva hija għalhekk pass importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea tad-data.

Il-ministri appoġġaw l-objettivi ewlenin tal-proposta u ħadu nota tar-rapport ta' progress. Abbażi tal-progress konsiderevoli f'din il-proposta miksub taħt il-presidenza Ċeka, il-ħidma fil-Kunsill ser tkompli taħt il-presidenza Żvediża.

Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika

Il-Kunsill qies il-progress fil-proposta għal regolament dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għal prodotti b’elementi diġitali (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika).

L-għan ewlieni ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għal prodotti b’elementi diġitali mibjugħa fis-suq intern tal-Unjoni. Il-proposta tirrappreżenta titjib sinifikanti li jiżgura ċibersigurtà aħjar kemm tal-prodotti tal-hardware kif ukoll tas-software tul il-katina tal-provvista kollha u matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

Il-ministri appoġġaw l-objettivi ewlenin tal-proposta u ħadu nota tar-rapport ta' progress. Abbażi tal-progress miksub taħt il-presidenza Ċeka, il-ħidma fil-Kunsill ser tkompli taħt il-presidenza Żvediża.

Impenn internazzjonali diġitali

Waqt ikla ta' ħidma informali f'nofsinhar, il-ministri ddiskutew l-involviment diġitali internazzjonali.

Filwaqt li rrikonoxxew il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika tal-UE ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda u emerġenti fis-settur diġitali, il-ministri ddiskutew ir-reġjuni jew il-kategoriji ta’ pajjiżi terzi li l-UE għandha tiffoka fuqhom sabiex iżżid l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Uniti, ir-reġjun Indo-Paċifiku, l-Afrika, l-Amerka Latina, u l-Karibew.

Ħiliet diġitali għad-deċennju diġitali

Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-ħiliet diġitali għad-deċennju diġitali abbażi ta' nota ta' gwida ppreżentata mill-presidenza. Il-viċi ministru Ukren għat-trasformazzjoni diġitali, Valeriya Ionan, ingħaqdet mad-dibattitu permezz ta’ vidjokonferenza.

Il-ministri qablu li jekk l-UE trid tiżgura li s-soċjetà kollha tibbenefika mit-trasformazzjoni diġitali, huwa kruċjali li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura mingħajr il-ħiliet diġitali ġusti. Huma fakkru li, fil-livell tal-UE, ittieħdu diversi miżuri u inizjattivi importanti, inkluż l-istabbiliment ta’ miri ambizzjużi komuni tal-UE dwar il-ħiliet diġitali fil-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 2030 "Perkors għad-Deċennju Diġitali", li ġie nnegozjat u adottat matul il-Presidenza Ċeka. Madankollu, il-ministri rrikonoxxew li jeħtieġ li ssir aktar ħidma f’dan ir-rigward.

Minħabba l-importanza kruċjali tal-ħiliet bażiċi fil-popolazzjoni li taħdem u l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex tiżgura li l-ħiliet meħtieġa jkunu disponibbli sabiex jippermettu trasformazzjoni diġitali bla xkiel, il-ministri ddiskutew azzjonijiet addizzjonali ta’ titjib tal-ħiliet li jistgħu jiġu previsti, b’enfasi partikolari fuq miżuri ta’ titjib tal-ħiliet li jistgħu jkunu partikolarment utli għall-SMEs.

Il-ministri esploraw ukoll modi possibbli kif nistgħu ningħaqdu flimkien biex nibnu fuq l-aħjar prattiki u esperjenzi tajbin identifikati fl-istati membri u nagħtu spinta lill-għadd ta' speċjalisti tal-ICT u l-għadd ta' speċjalisti tas-settur li għandhom ħiliet diġitali avvanzati. Barra minn hekk, il-Ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar azzjonijiet li jistgħu jiġu previsti biex jgħinu lill-ekosistemi industrijali ewlenin u b'mod partikolari, lill-SMEs biex jattiraw it-talent diġitali madwar l-Ewropa.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra" u fil-preżenza tal-viċi ministru Ukren għat-Trasformazzjoni Diġitali, Valeriya Ionan, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-appoġġ tekniku tal-UE lill-Ukrajna fil-qasam tat-telekomunikazzjoni.

Il-Kummissjoni pprovdiet aġġornament dwar l-estensjoni tar-roaming bla ħlas jew skontat lir-refuġjati Ukreni li qed joqogħdu fl-UE u dwar il-koordinazzjoni tal-konsenji ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni/diġitali lill-Ukrajna. L-aħħar inizjattiva ("Laptops4Ukraine") tnediet fl-1 ta’ Diċembru bl-għan li tiġbor u tforni laptops, smartphones u tablets u twieġeb għall-ħtiġijiet fundamentali tal-iskejjel, tal-isptarijiet u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-reġjuni tal-gwerra l-aktar affettwati tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi attwali u inizjattiva mhux leġiżlattiva waħda.

Fir-rigward tar-regolament dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (Privatezza Elettronika), il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Kunsill u n-negozjati li għaddejjin mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl.

Il-Presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar il-qbil reċenti dwar id-dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali għad-deċennju diġitali, li huwa mistenni li jiġi ffirmat fil-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-inizjattivi internazzjonali fl-oqsma diġitali b'enfasi fuq il-Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u s-sħubijiet diġitali.

Barra minn hekk, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar l-eżiti tal-laqgħa virtwali ta' esperti ta' livell għoli dwar il-governanza u l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni fl-isfera diġitali (17 ta' Ottubru 2022) u l-konferenza dwar "Il-Futur Diġitali Sigur u Innovattiv tal-UE" li saret fi Praga fit-3 u l-4 ta' Novembru 2022.

Fl-aħħar nett, il-presidenza Żvediża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel sitt xhur tal-2023.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025