Proċedura ta' konsultazzjoni (artikolu 96)
Il-Ftehim ta' Cotonou huwa l-qafas globali għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Ġie adottat fl-2000 biex jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta' Lomé tal-1975.
Fil-ftehim ta' Cotonou, l-UE u l-pajjiżi AKP jagħrfu li d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, u l-istat tad-dritt huma elementi essenzjali tas-sħubija tagħhom u pilastri ewlenin għall-iżvilupp fit-tul. Huma jintrabtu li jipproteġu u jippromwovu dawn l-oqsma, b'mod partikolari permezz ta' djalogu politiku.
Jistabbilixxu wkoll proċedura li tista' tintuża f'każijiet fejn waħda mill-partijiet ma tikkonformax mal-prinċipji fundamentali msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-UE hija kkunsidrata bħala parti waħda u kull pajjiż speċifiku tal-AKP jitqies bħala parti oħra. Ir-regoli għal din il-proċedura jinsabu fl-artikolu 96 tal-ftehim.
Dan l-artikolu ġie applikat madwar 15-il darba mill-2000, wara twaqqigħ vjolenti ta' gvernijiet, eskalazzjoni ta' vjolenza jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Każijiet mill-passat jinkludu:
- Fiġi (2000, 2007)
- iż-Żimbabwe (2002)
- ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2003)
- il-Guinea-Bissau (2004, 2011)
- it-Togo (2004)
- il-Madagascar (2010)
Fis-26 ta’ Ottubru 2015 tnieda proċess ta’ konsultazzjoni mal-Burundi li ntemm fit-8 ta’ Diċembru 2015.
- Il-Burundi: l-UE titlob il-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou
- Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou - Konklużjonijiet tal-Unjoni Ewropea
Kondizzjonijiet għat-tnedija ta' konsultazzjonijiet skont l-artikolu 96
Jekk waħda mill-partijiet għall-ftehim tikkunsidra li parti oħra mhix qiegħda tissodisfa l-obbligi tagħha rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi jew l-istat tad-dritt, hija trid qabelxejn tipprova tindirizza t-tħassib tagħha permezz ta' djalogu politiku intensifikat (l-artikolu 9 tal-ftehim). Jekk jintużaw il-possibilitajiet kollha għal djalogu u t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi jew l-istat tad-dritt jibqgħu xorta, il-partijiet jistgħu jniedu proċess ta' konsultazzjoni.
Hemm xi ftit każijiet eċċezzjonali li fihom proċess ta' konsultazzjoni jista' jinbeda mingħajr djalogu politiku preċedenti:
- każijiet ta' urġenza speċjali li jirrikjedu reazzjoni immedjata
- nuqqas persistenti ta' konformità ma' wegħdiet magħmula waqt djalogu preċedenti
- nuqqas ta' impenn in bona fede fi djalogu
Tnedija ta' konsultazzjonijiet skont l-artikolu 96
Jekk jintużaw il-possibilitajiet kollha għal djalogu u parti tkun għadha ma kkonformatx mal-obbligi tagħha, il-parti l-oħra tista' tniedi proċess ta' konsultazzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni.
Biex l-Unjoni Ewropea tniedi proċess ta' konsultazzjoni, il-Kunsill irid jistieden formalment lill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat għal "konsultazzjonijiet". Dan isir permezz ta' ittra ta' stedina approvata mill-Kunsill. Il-konsultazzjonijiet għandhom imbagħad jibdew fi żmien 30 jum.
Il-proċess ta' konsultazzjoni
Fil-prattika, il-konsultazzjonijiet skont l-artikolu 96 isiru fuq livell governattiv. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex ikollhom livell indaqs ta' rappreżentanza waqt il-konsultazzjonijiet. Fil-proċeduri ta' konsultazzjoni l-UE tkun irrappreżentata mill-presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.
It-tul tal-perjodu ta' konsultazzjoni jiddependi min-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u l-iżvilupp tad-diskussjonijiet. Jiġi ddeterminat bi qbil reċiproku tal-partijiet u ma jistax ikun itwal minn 120 jum.
Riżultati tal-konsultazzjoni
Matul il-konsultazzjonijiet, l-UE jkollha l-għan li tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ partijiet. F'dan il-każ il-parteċipanti jiddefinixxu pjan direzzjonali bil-passi li jridu jittieħdu miż-żewġ partijiet biex jerġa' jkollhom relazzjonijiet normali. Dan il-pjan direzzjonali jkun rifless f'deċiżjoni, adottata mill-Kunsill tal-UE.
Jekk ma jintlaħaqx qbil sa tmiem il-konsultazzjonijiet, il-parti li nediet il-proċess ta' konsultazzjoni tista' tieħu miżuri xierqa. Dawn il-miżuri jridu jkunu proporzjonali għall-vjolazzjoni inkwistjoni u diretti kontra dawk responsabbli għall-ksur tal-elementi essenzjali tas-sħubija, filwaqt li jkollhom l-inqas impatt negattiv possibbli fuq il-popolazzjoni. Jistgħu jinkludu miżuri ta' prekawzjoni għall-proġetti u l-programmi ta' kooperazzjoni li jkunu għaddejjin jew is-sospensjoni ta' proġetti, programmi u forom oħra ta' għajnuna. Bħala miżura aħħarija, tista' tiġi sospiża l-applikazzjoni sħiħa tal-assistenza għall-iżvilupp skont il-ftehim.
Fl-UE dawn il-miżuri jiġu adottati b'deċiżjoni tal-Kunsill, inkluż ittra indirizzata lill-awtoritajiet tal-parti kkonċernata. Il-miżuri xierqa jkunu definiti għal perjodu speċifiku ta' żmien u jiddependu mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni. Fi tmiem dan il-perjodu jistgħu jiskadu jew, jekk is-sitwazzjoni ma tkunx tjiebet, jiġu estiżi.
L-artikolu 96 fil-prattika - l-eżempju tal-Guinea-Bissau (2011)
Fl-1 ta' April 2010, il-viċi kap kmandant tal-armata tal-Guinea-Bissau ordna ammutinament li fih safgħu detenuti l-kap kmandant tal-armata u l-prim ministru. Huwa sar il-kap kmandant de facto, u mbagħad inħatar uffiċjalment f'din il-pożizzjoni fil-25 ta' Ġunju 2010.
L-UE kkundannat l-ammutinament u talbet lill-awtoritajiet biex ireġġgħu lura l-ordni demokratika normali. Fl-14 ta' April, il-grupp ta' ħidma dwar l-Afrika tal-Kunsill talab lill-kapijiet tal-missjoni tal-UE f'Bissau biex jieħdu sehem fi djalogu politiku msaħħaħ mal-awtoritajiet dwar il-punti li ġejjin:
- ir-rilaxx tal-kap kmandant u persuni detenuti oħra
- ir-responsabbiltà legali u s-sanzjonijiet dixxiplinari kontra dawk involuti
- l-ubbidjenza neċessarja dovuta lill-awtoritajiet demokratiċi leġittimi
F'Mejju 2010, intbagħtet missjoni konġunta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-presidenza tal-grupp tal-ħidma dwar l-Afrika fil-Guinea-Bissau. Din il-missjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet ma kinux f'pożizzjoni li jissodisfaw it-talba tal-UE għar-ritorn tal-ordni kostituzzjonali.
Fil-31 ta' Jannar 2011, il-Kunsill qabel li jiftaħ konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet fil-Guinea-Bissau. L-Unjoni Afrikana, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u l-Komunità tal-Pajjiżi fejn hu Mitkellem il-Portugiż ġew mistiedna jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet bħala osservaturi. Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-konsultazzjonijiet, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ġiet sospiża.
Il-laqgħa tal-ftuħ tal-proċess ta' konsultazzjoni saret fi Brussell fid-29 ta' Marzu 2011. Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill ikkonkluda konsultazzjonijiet mal-Guinea-Bissau u stabbilixxa sensiela ta' miżuri biex tissokta gradwalment il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiż. Stabbilixxa li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata regolarment, tal-inqas darba kull sitt xhur, u stabbilixxa data tat-tmiem għad-19 ta' Lulju 2012. Il-progress magħmul mill-Guinea-Bissau fil-proċess ta' riforma jkun rifless fl-issoktar gradwali tal-assistenza għall-iżvilupp tal-UE.
Fl-10 ta' Lulju 2012, minħabba li s-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau qalbet għall-agħar, inkluż kolp ta' stat f'April, il-miżuri ġew imtawla għal sena. Huma reġgħu ġew estiżi għal darba oħra f'Lulju 2013.
Fl-2014, wara li saru elezzjonijiet ħielsa fil-Guinea-Bissau, il-Kunsill issospenda l-miżuri li jillimitaw il-kooperazzjoni mal-pajjiż. Id-deċiżjoni oriġinali ġiet finalment imħassra f'Marzu 2015.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024