"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Boxxla Strateġika għas-sigurtà u d-difiża

Il-Boxxla Strateġika tipprovdi gwida u viżjoni komuni għat-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE sal-2030.

X'inhi l-Boxxla Strateġika?

Il-Kunsill approva l-Boxxla Strateġika fit-22 ta' Marzu 2022, ftit ġimgħat biss wara l-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-Boxxla Strateġika hija pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi viżjoni strateġika komuni u objettivi konkreti biex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE sal-2030. Din tindirizza t-theddid li qed jiżdied bħall-kompetizzjoni ġeopolitika, ir-rivalitajiet ekonomiċi, l-iżvilupp teknoloġiku, id-diżinformazzjoni u l-kriżi klimatika.

Il-Boxxla tistabbilixxi approċċ multidimensjonali li jintegra d-diplomazija, l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-azzjoni klimatika, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ ekonomiku u l-politika kummerċjali.

Din tkopri l-aspetti kollha tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża u hija strutturata fuq erba' pilastri: azzjoni, sigurtà, investiment u sħubija.

Azzjoni – preżenza u involviment fuq il-post

Jiġu aċċellerati l-għodod ċivili u militari tal-UE biex l-azzjoni tiġi adattata għall-ħtiġijiet tas-sħab u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur ewlieni fil-ġestjoni tal-kriżijiet madwar id-dinja.

Investiment – aktar infiq u nfiq aħjar

Li d-difiża tkun lesta b'bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea integrata, innovattiva, kompetittiva u reżiljenti, flimkien ma' industrija Ewropea tad-difiża msaħħa.

Sigurtà – antiċipazzjoni tat-theddid u protezzjoni taċ-ċittadini

It-tisħiħ tar-reżiljenza biex jiġi ggarantit aċċess liberu, sikur u sigur għal oqsma strateġiċi kkontestati, jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE u jiġu appoġġati s-sħab tal-UE fuq livell dinji.

Sħubija – sors ewlieni ta' qawwa u reżiljenza

L-estensjoni u l-approfondiment ta' sħubijiet imfassla apposta ma' sħab bilaterali, reġjonali u multilaterali madwar id-dinja biex jiġu żgurati benefiċċju reċiproku u kollaborazzjoni msaħħa.

Boxxla bil-mappa tal-Unjoni Ewropea fl-isfond.

Progress f'numri

Mill-approvazzjoni tal-Boxxla Strateġika fl-2022 'l hawn, sar progress konsiderevoli fl-erba' pilastri.

Bastiment militari.

Azzjoni

  • il-kapaċità ta’ skjerament rapidu tal-UE ssir operazzjonali, li tippermetti lill-UE twieġeb malajr għal kriżi u theddid (2025)
  • tnedija ta' EUNAVFOR ASPIDES, operazzjoni ġdida ta' sigurtà marittima biex issaħħaħ is-sigurtà fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar u tal-Golf (2024)
  • tnedija tal-Missjoni tal-UE fl-Armenja (2023)
  • tnedija tal-Missjoni ta' Sħubija tal-UE fil-Moldova (2023)
  • tnedija tal-inizjattiva fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża b'appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea b'għarfien espert ċivili u militari mfassal apposta (2023)
  • tnedija tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (2022)
Satellita.

Investiment

  • preżentazzjoni tal-pjan ta’ Rearm Europe/Prontezza 2030 (2025)
  • adozzjoni tal-istrument "Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa" (SAFE) u attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali (2025)
  • negozjati li għaddejjin dwar il-proposta tal-programm Ewropew għall-industrija tad-difiża (2025)
  • in-nefqa fuq id-difiża tal-istati membri ammontat għal €326 biljun, inkluż €102 biljun f’investimenti fid-difiża (2024)
  • €300 miljun għall-appoġġ tal-akkwist konġunt tad-difiża u €500 miljun biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-munizzjon fil-baġit tal-UE (2023)
Ajruplan militari tal-ġlied.

Sigurtà

  • preżentazzjoni tal-istrateġija għal Unjoni tal-preparatezza (2025)
  • stabbiliment ta' timijiet ibridi ta' rispons rapidu biex jassistu lill-istati membri u lis-sħab (2024)
  • l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI) biex jindirizza t-theddid għall-proċessi demokratiċi (2024)
  • adozzjoni tal-att dwar ir-reżiljenza ċibernetika u l-att dwar is-solidarjetà ċibernetika (2024)
  • adozzjoni ta' miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-UE (NIS2) u dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (2023)
  • adozzjoni tal-istrateġija spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża, il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża u l-istrateġija riveduta tal-UE għas-sigurtà marittima (2023)
Id tieħu b'id oħra.

Sħubija

  • firma ta’ sħubijiet ta’ sigurtà u difiża ma’ pajjiżi mhux tal-UE (2024-2025)
  • impenn man-Nazzjonijiet Uniti li jiġi implimentat is-sett konġunt ta’ prijoritajiet għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU (2022-2024)
  • organizzazzjoni tal-forum Schuman dwar is-sigurtà u d-difiża, li għalih attendew sħab internazzjonali, il-ministri tad-difiża tal-UE u l-partijiet ikkonċernati (2023-2024)
  • firma tat-tielet dikjarazzjoni konġunta UE-NATO (2023)
  • involviment ma’ sħab reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf
  • djalogi u kooperazzjoni intensifikati mas-sħab bilaterali ewlenin

Ara wkoll

Prontezza tad-difiża Ewropea

Id-difiża tal-UE f'ċifri

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Awwissu 2025