Skip to content

Il-baġit fit-tul tal-UE 2014-2020

It-tifqigħa tal-coronavirus COVID-19

Qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020

Il-Kunsill adotta r-regolament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP), il-baġit fuq perjodu twil tal-UE, fit-2 ta' Diċembru 2013. Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Ir-regolament jistabbilixxi l-limiti, jew il-limiti massimi, għan-nefqa tal-UE - fl-intier tagħha jew għal oqsma ewlenin.

Reviżjoni tal-QFP għall-2014–2020

Qed issir proposta biex jiġi rivedut il-QFP attwali biex ikun jista' jsir infiq addizzjonali fl-2020 biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

Ir-regolament dwar il-QFP ġie rivedut darbtejn qabel, fl-2015 u fl-2017.

Fl-2015, ġie emendat minħabba l-adozzjoni tardiva ta' programmi tal-UE ġestiti b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-istati membri. €21.1 biljun ta' fondi mhux użati mill-2014 ġew trasferiti għas-snin sussegwenti.

Fl-2017, ġew introdotti numru ta' bidliet bħala parti mir-rieżami obbligatorju ta' nofs it-terminu tal-QFP. Wieħed mill-objettivi kien li tissaħħaħ il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jirreaġixxi għal avvenimenti mhux previsti. Objettiv ieħor kien li l-baġit ikun orjentat aktar lejn tkabbir u impjiegi, u li jindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni mingħajr il-modifika tal-limiti massimi tal-QFP.

Il-limiti tal-infiq ġenerali

Il-QFP għall-2014–2020 jippermetti lill-Unjoni Ewropea tonfoq sa €959.51 biljun f'impenji u €908.40 biljun f'pagamenti matul id-durata tiegħu (l-ammonti kollha fuq din il-paġna huma indikati bil-prezzijiet tal-2011, minbarra l-aġġustamenti tekniċi).


Dan huwa anqas minn dak fil-QFP għall-2007-2013. It-tnaqqis jirrifletti x-xewqa tal-Kunsill li jqis il-pressjoni sinifikanti fuq il-baġits tal-istati membri wara l-kriżi finanzjarja.

Limiti massimi għal oqsma ewlenin ta' nfiq

In-nefqa tal-UE għall-2014–2020 hija maqsuma f'sitt kategoriji ġenerali, jew "intestaturi".

Il-kategoriji tal-infiq u l-ammonti massimi rispettivi għall-infiq tal-UE (impenji) huma kif ġej:

1. Tkabbir intelliġenti u inklużiv

1a. Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Limitu tan-nefqa: €125.61 biljun (żieda ta' aktar minn 37% meta mqabbel mal-QFP preċedenti)

Il-finanzjament tal-UE taħt din is-subintestatura jinkludi:

  • appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni
  • investiment f'networks trans-Ewropej
  • żvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

1b. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Limitu tan-nefqa: €324.94 biljun.

Huwa mmirata biex inaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni tal-UE u jappoġġa l-politika ta' koeżjoni tal-UE.

2. Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

Limitu tan-nefqa: €372.93 biljun

Il-finanzjament tal-UE taħt din is-subintestatura jinkludi:

  • il-politika agrikola komuni (PAK)
  • il-politika komuni tas-sajd
  • azzjoni ambjentali

3. Sigurtà u ċittadinanza

Limitu tan-nefqa: €15.67 biljun

Il-miżuri ffinanzjati jinkludu azzjonijiet relatati ma':

  • l-asil u l-migrazzjoni
  • il-fruntieri esterni
  • is-sigurtà interna

4. Ewropa globali

Limitu tan-nefqa: €58.70 biljun

Din in-nefqa hija ddedikata għal azzjonijiet tal-UE fil-livell internazzjonali, inkluż l-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp. L-eċċezzjoni hija l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp li jirċievi appoġġ finanzjarju dirett mill-istati membri.

5. Amministrazzjoni

Limitu tan-nefqa: €61.63 biljun

Dan l-ammont tnaqqas bi €2.5 biljun meta mqabbel mal-QFP preċedenti bħala riżultat tal-isforz tal-UE biex tikkonsolida l-finanzi pubbliċi.

6. Kumpensi

€27 miljun saru disponibbli fl-2014 biex jiġi żgurat li l-Kroazja ma tikkontribwixxix għall-baġit tal-UE aktar milli tibbenefika minnu fl-ewwel sena wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

Strumenti speċjali

Riżerva ta' għajnuna f'emerġenza

L-ammont annwali tar-riżerva huwa ta' €280 miljun.

Ir-riżerva tintuża għall-finanzjament ta' għajnuna umanitarja, operazzjonijiet ta' ġestjoni ċivili ta' kriżijiet u ta' protezzjoni ċivili f'pajjiżi mhux tal-UE f'każ ta' avvenimenti mhux previsti.

Fond ta' solidarjetà tal-UE

Limitu massimu: €500 miljun

Il-fond huwa mfassal biex jipprovdi assistenza finanzjarja f'każ ta' diżastru kbir fi stat membru jew pajjiż li jkun għaddej bin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE.

F'Marzu 2020, il-Kunsill emenda l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex jinkludi emerġenzi tas-saħħa pubblika. Dan jgħin lill-istati membri u lill-pajjiżi tal-adeżjoni biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati tan-nies waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Strument ta' flessibbiltà

Limitu massimu: €471 miljun

Dan l-istrument jintuża għal ħtiġijiet identifikati b'mod ċar li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti tal-QFP.

Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni

Jista' jiġi mmobilizzat sa ammont annwali ta' €150 miljun.

Dan huwa maħsub biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja - b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali - fl-isforzi tagħhom biex isibu impjieg ġdid.

Marġni ta' kontinġenza

Dan huwa strument tal-aħħar rikors għal każijiet ta' ċirkostanzi mhux previsti. Jammonta għal 0.03 % tad-dħul nazzjonali gross tal-UE, li jgħodd madwar €4 biljun.

Kwalunkwe ammont li jsir disponibbli jiġi bbilanċjat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limiti massimi tan-nefqa tal-QFP għas-sena attwali jew is-snin futuri.

Flessibbiltà speċifika għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u għat-tisħiħ tar-riċerka

Il-prijoritizzazzjonijiet mill-ġdid ippermettew l-infiq addizzjonali ta' €2.543 biljun fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u fuq ir-riċerka.

L-ammont skedat jiġi bbilanċjat kollu fl-intestaturi u/jew bejniethom sabiex ma jinbidlux il-limiti annwali totali u l-allokazzjoni totali għal kull intestatura.

Dħul tal-UE: riżorsi proprji 2014-2020

Id-deċiżjoni attwali dwar ir-riżorsi proprji ġiet adottata mill-Kunsill fis-26 ta' Mejju 2014.

Skont dawn ir-regoli, l-UE tista' żżid ir-riżorsi proprji għall-pagamenti sal-limitu ta' 1.20% tat-total tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tal-istati membri kollha.

Għaċ-ċiklu ta' bbaġitjar attwali ta' seba' snin, ġew stabbiliti t-tipi ta' riżorsi proprji li ġejjin:

  • riżorsi proprji tradizzjonali: prinċipalment dazji doganali u imposti fuq iz-zokkor
  • Riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT: rata uniformi ta' 0.3% tiġi applikata mal-bażi tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' kull stat membru, bil-bażi taxxabbli tal-VAT tiġi limitata għal 50% tad-DNG għal kull pajjiż
  • riżorsi proprji bbażati fuq id-DNG: jirriżultaw minn rata uniformi applikata għad-dħul nazzjonali gross tal-istati membri; din ir-rata tiġi aġġustata kull sena sabiex tibbilanċja d-dħul u n-nefqa

Spejjeż tal-ġbir

L-istati membri tal-UE huma responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali u li jagħmluhom disponibbli għall-Kummissjoni.

Matul il-perjodu 2014-2020, huma jżommu 20% tar-riżorsi proprji tradizzjonali mħallsa lill-Kummissjoni bħala spejjeż tal-ġbir.

Korrezzjonijiet

Xi pajjiżi jirċievu rimborżi - jew ribassi - li jservu biex inaqqsu d-differenza bejn dak li jħallsu fil-baġit tal-UE u dak li jirċievu minnu. Il-korrezzjonijiet għall-perjodu 2014-2020 huma spjegati fid-dettall hawn taħt:

Il-korrezzjoni tar-Renju Unit: valur ta' €5 biljun fl-2018.

Ir-Renju Unit jingħata lura 66% tad-differenza bejn il-kontribuzzjoni tiegħu għall-baġit tal-UE u l-ammont li jieħu lura mill-baġit.

L-istati membri l-oħrajn tal-UE jaqsmu l-ispejjeż tal-korrezzjoni tar-Renju Unit skont is-sehem relattiv tagħhom tad-DNG tal-UE. Madankollu, "ir-ribassi fuq ir-ribass" - kif inhuma magħrufa b'mod komuni - ġew mogħtija lil erba' stati membri:

  • il-Ġermanja
  • l-Awstrija
  • in-Netherlands
  • l-Iżvezja

Mill-2002 'il hawn, dawn l-istati membri qed iħallsu biss 25% tas-sehem mill-finanzjament normali tagħhom għall-korrezzjoni tar-Renju Unit.

Korrezzjonijiet ta' somom f'daqqa

Korrezzjonijiet ta' somom f'daqqa - jew tnaqqis fuq il-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG - ġew mogħtija lil erba' stati membri matul il-perjodu 2014-2020 (fi prezzijiet tal-2011):

  • id-Danimarka - €130 miljun
  • in-Netherlands - €695 miljun
  • l-Iżvezja - €185 miljun
  • l-Awstrija - €30 miljun fl-2014, €20 miljun fl-2015 u €10 miljun fl-2016

Rata tal-VAT imnaqqsa

Rata tal-VAT imnaqqsa – 0.15% minflok 0.3% – tapplika għal tliet stati membri:

  • il-Ġermanja
  • in-Netherlands
  • l-Iżvezja