Skip to content

Imballaġġ

L-iskart mill-imballaġġ qed jiżdied fl-UE. Leġiżlazzjoni ġdida tal-UE għandha l-għan li tindirizza din il-problema, billi tarmonizza r-regoli fl-istati membri kollha u tagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari.

Imballaġġ li qed jiżdied

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-imballaġġ ilha fis-seħħ mis-snin 90. Madankollu, minkejja l-miżuri u l-isforzi biex jitnaqqas l-imballaġġ, l-ammont ta' skart mill-imballaġġ fl-UE qed jiżdied, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fix-xiri online u l-konsenji fid-djar f'dawn l-aħħar snin, kif ukoll fil-konsum ta' takeaways.

L-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat juru li bħala medja kull Ewropew iġġenera aktar minn 188 kg ta' skart mill-imballaġġ fl-2021. Minn pakketti għal xiri online, tgeżwir bil-plastik jew bil-fojl għal tazzi għall-kafè takeaway u kapsuli tax-xorb, u ħafna aktar, kull Ewropew jarmi — spiss immedjatament wara x-xiri — nofs kilo ta' imballaġġ kuljum.

Fl-2021, il-pajjiżi tal-UE ġġeneraw 84 miljun tunnellata ta' skart mill-imballaġġ, 24% aktar milli fl-2010.

Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, l-iskart mill-imballaġġ jista' jiżdied b'19% oħra sal-2030. F'dawn l-aħħar snin, l-imballaġġ kiber b'rata aktar mgħaġġla mill-ekonomija u l-popolazzjoni tal-UE.

Distakk dejjem akbar bejn l-iskart u r-rati ta' riċiklaġġ

Filwaqt li r-rati ta' riċiklaġġ fl-UE żdiedu b'23% meta mqabbla mal-2010, dan ma kienx biżżejjed biex ilaħħaq maż-żieda fl-ammont totali ta' skart iġġenerat mill-imballaġġ. Id-data turi distakk bejn iż-żieda fl-iskart mill-imballaġġ u ż-żieda fir-riċiklaġġ.

Verżjoni testwali

Grafika lineari li turi ż-żieda fl-iskart mill-imballaġġ u r-riċiklaġġ bejn l-2010 u l-2021 f'kilogrammi per capita. Sal-2017, iż-żieda fil-volumi tal-imballaġġ riċiklat hija kważi daqs iż-żieda fl-iskart mill-imballaġġ. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-linji varjaw minħabba li l-volumi riċiklati ma żdidux daqs il-volumi tal-iskart mill-imballaġġ.

Rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fl-2023 żvela li ħafna stati membri qed jitħabtu biex jilħqu l-miri ta' riċiklaġġ tal-UE. Waħda mill-kawżi hija l-imballaġġ mhux riċiklabbli. L-imballaġġ ma jkunx riċiklabbli meta ma jkunx jista' jinġabar separatament jew jiġi sseparat kif suppost, jew meta l-infrastruttura u l-proċessi tar-riċiklaġġ ikunu nieqsa jew ineffiċjenti.

Il-karti u l-kartun huma l-ewwel fost il-materjali tal-iskart mill-imballaġġ

L-aktar materjal komuni tal-iskart mill-imballaġġ huma l-karti u l-kartun, li jikkontribwixxu 34 miljun tunnellata għall-iskart totali mill-imballaġġ iġġenerat fl-2021.

Verżjoni testwali

Grafika li turi s-sehem tal-materjal fl-iskart mill-imballaġġ fl-2021:

  • karti u kartun: 40%
  • plastik: 19%
  • ħġieġ: 19%
  • injam: 17%
  • metall: 5%

Impatt ambjentali tal-imballaġġ

L-imballaġġ jagħmilha aktar faċli li l-oġġetti jiġu ttrasportati u protetti. Madankollu, kemm il-produzzjoni tal-imballaġġ kif ukoll l-iskart tiegħu għandhom impatt kbir fuq l-ambjent.

Xi siġar u mazz karti.

Użu ta' riżorsi naturali

50% tal-karti użati fl-UE huma destinati għall-imballaġġ.

Flixkun tal-plastik f'wiċċ l-ilma fl-oċean.

Tniġġis

Madwar nofs l-iskart fil-baħar jikkonsisti f'imballaġġ; l-imballaġġ iniġġes ukoll il-ħamrija u l-art.

Sħaba bis-sinjal għas-CO2 u vleġeġ jippuntaw 'l isfel.

Tibdil fil-klima

L-emissjonijiet tas-CO2 mill-imballaġġ huma ugwali għall-emissjonijiet ta' pajjiż żgħir sa medju tal-UE.

Regoli ġodda tal-UE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

F'Diċembru 2024, l-UE adottat regoli ġodda li jirrevedu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. Dawn bdew japplikaw fit-12 ta' Awwissu 2026.

L-għan tagħhom huwa li:

  • jnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ
  • jippromwovu ekonomija ċirkolari għall-imballaġġ b'mod kosteffiċjenti
  • jarmonizzaw ir-regoli dwar l-imballaġġ madwar l-UE

Ir-regoli jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan ta' azzjoni tiegħu dwar l-ekonomija ċirkolari, u jieħdu post id-direttiva tal-1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ billi jittrasformawha f'regolament. Dan ifisser li dawn ir-regoli jsiru applikabbli direttament fl-istati membri kollha mingħajr il-ħtieġa li jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali.

Ir-regolament ser joħloq impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda. Is-settur tal-imballaġġ, inkluż kemm l-operazzjonijiet tal-produzzjoni kif ukoll tal-ġestjoni tal-iskart, attwalment jiġġenera fatturat totali ta' €370 biljun fl-UE. Bir-regoli l-ġodda, is-settur tal-imballaġġ għandu rwol akbar fit-trasformazzjoni tal-UE f'ekonomija aktar nadifa, aktar sostenibbli u aktar ċirkolari.

Prevenzjoni, użu mill-ġdid, riċiklaġġ

L-għan ewlieni tal-UE huwa li l-ewwel u qabel kollox tipprevjeni l-imballaġġ. Meta l-imballaġġ ma jkunx jista' jiġi evitat, dan għandu jerġa' jintuża, jiġi rriċiklat jew l-enerġija tiegħu għandha tiġi rkuprata.

L-ordni ta' prijorità tal-UE dwar l-iskart

Il-ġerarkija tal-iskart tal-UE hija ppreżentata f'piramida invertita: il-prevenzjoni tinsab fuq nett bħala l-aktar għażla preferibbli, segwita mill-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi li hija l-inqas preferibbli.

Ir-regoli jkopru l-imballaġġ kollu, irrispettivament mill-materjal użat, u l-iskart kollu mill-imballaġġ, irrispettivament mill-oriġini tiegħu (inkluż l-industrija, il-manifattura, il-bejgħ bl-imnut u d-djar).

It-tnaqqis tal-iskart mill-imballaġġ

Ir-regoli l-ġodda jinkludu miri għat-tnaqqis tal-iskart mill-imballaġġ, meta mqabbel mal-kwantitajiet tal-2018, bi:

  • 5% sal-2030
  • 10% sal-2035
  • 15% sal-2040

Il-miri japplikaw per capita għal kull stat membru.

Biex jintlaħqu dawn il-miri, ir-regoli l-ġodda:

  • jirrestrinġu ċerti tipi ta' imballaġġ li jintuża darba biss
  • inaqqsu l-materjal tal-imballaġġ
  • iżidu l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ

Imballaġġ li jintuża darba biss

Ċerti tipi ta' imballaġġ tal-plastik li jintuża darba biss jiġu ristretti, bħal fil-każ ta' oġġetti kkonsmati direttament fir-ristoranti u l-kafetteriji, qratas għall-kondimenti, kikkri u platti li jintremew wara l-użu, imballaġġ żgħir li jintuża darba biss għall-prodotti tal-indafa personali fil-lukandi u imballaġġ tal-plastik li jintuża darba biss għall-frott u l-ħxejjex friski. Il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna, bħal dawk ipprovduti fis-swieq, ukoll huma ristretti skont ir-regoli l-ġodda, sakemm ma jkunux meħtieġa għal raġunijiet ta' iġjene.

Materjal għall-imballaġġ minimizzat

Il-kumpaniji għandhom jimminimizzaw l-ammont ta' materjal meħtieġ għall-imballaġġ, pereżempju billi jevitaw saffi doppji u qigħan foloz, u pakketti kbar b'mod sproporzjonat għat-trasport ta' oġġetti żgħar. L-għan huwa li jiġi evitat l-imballaġġ bla bżonn u l-ħela tar-riżorsi.

Użu mill-ġdid, mili mill-ġdid u ritorn

Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw mill-ġdid, jimlew mill-ġdid u jirritornaw l-imballaġġ. Ir-regolament jistabbilixxi miri għal diversi setturi u formati tal-imballaġġ biex tiżdied il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid u ta' mili mill-ġdid, fejn il-konsumaturi finali jimlew il-kontenituri tagħhom stess, inkluż għal oġġetti takeaway.

Promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħmlu l-imballaġġ kollu fis-suq tal-UE riċiklabbli b'mod ekonomikament vijabbli sal-2030.

Miri ta' riċiklaġġ

Il-miri ta' riċiklaġġ għall-2025 u l-2030, stabbiliti fid-direttiva preċedenti tal-UE għall-materjali ewlenin kollha tal-imballaġġ, jibqgħu l-istess. L-istati membri jistgħu jipposponu l-ilħuq tal-miri sa ħames snin.

Tip ta' imballaġġ sal-2025 sal-2030
Imballaġġ kollu 65% 70%
Karti u kartun 75% 85%
Ħġieġ 70% 75%
Plastik 50% 55%
Injam 25% 30%

Biex jintlaħqu dawn il-miri, ir-regoli l-ġodda:

  • jiżguraw li l-imballaġġ kollu jkun riċiklabbli
  • iżidu l-użu tal-plastik riċiklat
  • jimplimentaw tikketti aktar ċari
  • jiżguraw il-ġbir ta' xi kontenituri li jintużaw darba

Plastik riċiklat

Mill-1 ta' Jannar 2030, l-imballaġġ tal-plastik għandu jkun fih ċertu ammont minimu ta' plastik riċiklat, sabiex jiżdied l-użu tal-plastik riċiklat.

Tikketti għas-separazzjoni tal-iskart

Regoli ġodda dwar it-tikkettar għandhom l-għan li jagħmluha aktar faċli biex il-konsumaturi jkunu jafu kif jisseparaw l-iskart mill-imballaġġ ta' tipi differenti, jidentifikaw l-iskart kompostabbli, u jaraw l-ammont ta' kontenut riċiklat fl-iskart mill-imballaġġ. Din il-miżura tappoġġa r-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali u tagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari, u bħala konsegwenza tnaqqas il-pressjoni fuq l-użu tal-materja prima primarja.

Il-ġbir ta' kontenituri li jintużaw darba

Ir-regoli l-ġodda jirrikjedu li l-istati membri jistabbilixxu sistemi ta' depożitu u ritorn għal ċerti kontenituri li jintużaw darba biss. Sal-2029, l-istati membri ser jiżguraw il-ġbir separat ta' mill-inqas 90% tal-fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-kontenituri tax-xorb tal-metall kull sena.

Dispożizzjonijiet oħra

Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw ukoll is-sikurezza tal-materjali tal-imballaġġ, bl-għan li gradwalment jitneħħew is-sustanzi l-aktar perikolużi użati.

Fihom ukoll dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur u l-akkwist pubbliku ekoloġiku.

X'ser jinbidel għall-konsumaturi?

Bl-adozzjoni tar-regolament, il-bidliet fid-disinn tal-imballaġġ u fil-ġestjoni tal-iskart ser ikunu viżibbli għall-konsumaturi. Kif?

Dawn huma ftit eżempji:

Kontenitur tal-ħalib iġorr l-istess simbolu tar-riċiklaġġ bħar-reċipjent tal-iskart tar-riċiklaġġ.

Il-prodotti ser ikollhom tikketti li jidentifikaw b'mod ċar f'liema reċipjent tal-iskart għandhom jintefgħu.

Lenti turi l-lista ta' materjali ta' kompożizzjoni ta' tazza għall-kafè b'użu uniku.

It-tikketta ser telenka l-materjali użati fl-imballaġġ.

Flixkun tax-xampù li jista' jerġa' jimtela minn kontenitur akbar tax-xampù.

Il-lukandi ser jużaw kontenituri li jimtlew mill-ġdid għall-prodotti tal-indafa personali.

Kontenitur li jista' jerġa' jimtela għal ikel takeaway.

Il-konsumaturi ser ikunu jistgħu jirċievu kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jixtru takeaways, mingħajr spejjeż ogħla.

Burger jitqiegħed f'kontenitur li jkun akbar milli meħtieġ.

L-imballaġġ ser jiġi minimizzat biex tiġi evitata l-ħela bla bżonn tar-riżorsi.

Id tpoġġi landa f'kontenitur biex jiġi ritornat l-oġġett.

Ser jiġu stabbiliti sistemi ta' depożitu u ta' ritorn għal xi kontenituri li jintużaw darba biss.

Ara wkoll

Barkun mgħobbi żżejjed bl-iskart jidher fuq ringiela boroż taż-żibel u laned tar-roti, bi vleġeġ 'l isfel li jissuġġerixxu tnaqqis fl-iskart.
L-Iskart

L-Iskart

Spjegazzjoni tal-ekonomija ċirkolari

Spjegazzjoni tal-ekonomija ċirkolari

Illustrazzjoni stilizzata taċ-ċirku ta' stilel tal-UE mdawra b'simboli tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom turbina eolika, pannelli solari, siġar, fawna selvaġġa, għelejjel u tractor.
Patt Ekoloġiku Ewropew

Patt Ekoloġiku Ewropew

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Awwissu 2026