Skip to content

Il-kummerċ tal-iskart

L-iskart jista' jkun riżorsa. Regoli ġodda tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ekonomija ċirkolari filwaqt li jiżguraw li l-esportazzjonijiet tal-iskart ma jikkawżawx tniġġis.

X'inhu l-kummerċ tal-iskart?

L-iskart prodott f'pajjiż wieħed mhux dejjem jintrema jew jiġi rriċiklat f'dak il-pajjiż. L-iskart jista' jiġi nnegozjat bejn il-pajjiżi. Dan iseħħ għal diversi raġunijiet, inkluż:

  • it-trattament tal-iskart (inkluż l-irkupru tal-materja prima li tinsab fl-iskart)
  • ir-rimi

Kull sena, aktar minn 2 000 miljun tunnellata ta' skart jiġu ġġenerati mill-attività ekonomika u l-unitajiet domestiċi kollha fl-UE. Dan huwa ugwali għal 4.8 tunnellata ta' skart per capita – bejn wieħed u ieħor il-piż ta' iljunfant Afrikan.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-iskart iġġenerat fl-UE jiġi ttrattat domestikament, ammonti sinifikanti jintbagħtu lil pajjiżi oħra. Madwar 32.7 miljun tunnellata jiġu esportati – żieda ta' 75% mill-2004, filwaqt li 70 miljun tunnellata jiġu nnegozjati fl-UE.

It-Turkija hija bil-bosta d-destinazzjoni ewlenija tal-esportazzjonijiet tal-iskart tal-UE (13.7 miljun tunnellata), segwita mill-Indja u r-Renju Unit (data tal-Kummissjoni Ewropea, 2020).

Il-ħadid u l-azzar huma l-aktar skart li l-UE tagħmel kummerċ fih

Verżjoni testwali

Tabella li turi l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-iskart minn/lejn l-UE fl-2021 skont it-tip ta' skart. Aktar minn nofs l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-UE huma metalli ferrużi, jiġifieri ħadid u azzar (59% jew 19.48 miljun tunnellata fl-2021). Madankollu, l-UE timporta wkoll skart ta' metalli ferrużi, 5.5 miljun tunnellata fl-2021.

Skart ieħor esportat u importat fl-2021, f'miljuni ta' tunnellati:

  • karti u kartun: esportazzjoni 4.37; importazzjoni 2.41
  • Metall mhux ferruż: esportazzjoni 2.12; importazzjoni 1.44
  • Tessuti: esportazzjoni 1.52; importazzjoni 0.41
  • Minerali: esportazzjoni 1.47; importazzjoni 1.42
  • Plastik: esportazzjoni 1.14; importazzjoni 0.74
  • Lasktu: esportazzjoni 0.94; importazzjoni 0.11
  • Injam: esportazzjoni 0.72; importazzjoni 2.38
  • Mhux speċifikat: esportazzjoni 0.46; importazzjoni 3.58
  • Materjal organiku: esportazzjoni 0.40; importazzjoni 1.06
  • Ħġieġ: esportazzjoni 0.37; importazzjoni 0.71

Sors: l-Eurostat

Għaliex huwa meħtieġ li jiġi rregolat il-kummerċ tal-iskart?

Jekk ma jkunx irregolat u kkontrollat, il-kummerċ tal-iskart jista' jkun ta' ħsara għall-ambjent u għas-saħħa tan-nies.

Aktar u aktar meta jkun fih sustanzi perikolużi, l-iskart jista' jikkawża tniġġis tal-art u tal-oċeani u jkollu konsegwenzi ambjentali diżastrużi. L-iskart tal-plastik, pereżempju, ġeneralment mhuwiex bijodegradabbli u jibqa' fl-ambjent għal żmien twil ħafna.

Billi jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-iskart u jiġu stabbiliti miżuri ta' monitoraġġ, ir-riskji ambjentali jistgħu jiġu limitati jew evitati.

Minbarra l-prevenzjoni tat-tniġġis, l-istabbiliment ta' regoli għall-kummerċ tal-iskart jista' jiżgura wkoll li l-materja prima li tinsab fl-iskart tista' tintuża mill-ġdid jew tiġi riċiklata u b'hekk tista' tgħin fl-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari sostenibbli.

Illum fl-UE, 46% biss tal-iskart kollu jiġi riċiklat (data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2020). Globalment, huwa stmat li inqas minn 20% tal-iskart jiġi riċiklat. Dan juri li hemm potenzjal għoli biex jiżdiedu r-rati ta' riċiklaġġ.

Liema huwa l-iskart l-aktar riċiklat fl-UE?

Verżjoni testwali

Tabella li turi r-rata ġenerali ta' riċiklaġġ fl-UE maż-żmien u r-rati ta' riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ, l-iskart muniċipali u l-iskart elettriku u elettroniku.

B'mod ġenerali, ir-rata ta' riċiklaġġ fl-UE żdiedet minn 42.9% fl-2010 għal 46.1% fl-2020.

Ir-rata ta' riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ żdiedet minn 54.7% fl-2005 għal livell ogħla ta' 67.6% fl-2016 u naqset kemxejn għal 64.3% fl-2020.

Tidher żieda kontinwa għall-iskart muniċipali: minn 32% fl-2004 għal 48.6% fl-2020.

Ir-rata ta' riċiklaġġ għall-iskart elettriku u elettroniku żdiedet minn 27.9% fl-2010 għal livell ogħla ta' 39.5% fl-2016 u fl-2017 u naqset kemxejn għal 38.9% fl-2018.

Sors: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Aspett ieħor huwa l-kummerċ illegali tal-iskart.

Illum, bejn 15% u 30% tal-vjeġġi tal-iskart jistgħu jkunu illegali. Il-vjeġġi li ma jiġux traċċati ma jiġux ikkontrollati u hemm possibbiltà akbar li jispiċċaw jintremew jew jiġu ttrattati b'mod mhux xieraq, u b'hekk jiżdiedu r-riskji ambjentali. Il-kummerċ illegali tal-iskart huwa wkoll opportunità mitlufa għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali.

L-UE kif tirregola l-vjeġġi tal-iskart?

Ir-regoli tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart, adottati għall-ewwel darba fl-2006, jirregolaw kemm:

  • l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' skart mill-UE lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE
  • kif ukoll il-vjeġġi ta' skart bejn l-istati membri tal-UE

Ir-regoli jikkonċernaw it-tipi kollha ta' skart.

Fl-UE kemm il-vjeġġi ta' skart perikoluż kif ukoll dak mhux perikoluż huma permessi u rregolati. Min-naħa l-oħra, għal vjeġġi barra mill-UE r-regoli jipprojbixxu l-esportazzjoni ta' skart perikoluż minn pajjiżi tal-UE lejn pajjiżi mhux membri tal-UE u tal-OECD. Il-proċeduri ta' notifika u kunsens għal vjeġġi ta' skart huma stabbiliti fir-regoli.

Ir-regoli lil hinn mill-fruntieri

Ir-regolament tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart jibni fuq il-Konvenzjoni ta' Basel tal-1989 li hija l-aktar ftehim ambjentali globali komprensiv dwar l-iskart perikoluż u skart ieħor. L-UE ilha tagħmel parti minn dan il-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti mill-1994.

Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart huma bbażati fuq deċiżjoni tal-2001 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) – li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE huma membri tagħha – li tistabbilixxi sistema ta' kontroll għall-irkupru tal-iskart fil-pajjiżi tal-OECD.

Aġġornament tar-regoli tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart

Fl-2024, l-UE aġġornat ir-regoli tagħha biex tirregola aħjar il-kummerċfl-iskart fl-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE. F'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari, l-objettivi tar-regolament rivedut tal-UE dwar il-vjeġġi ta' skart huma li:

  • jippromwovi l-ekonomija ċirkolari fl-UE
  • jiżgura li l-esportazzjonijiet tal-iskart ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem
  • jindirizza l-vjeġġi illegali

Ir-regoli aġġornati jinkludu:

  • regoli aktar stretti dwar l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE
  • regoli mtejba għall-vjeġġi fl-UE
  • miżuri biex jiġu indirizzati l-vjeġġi illegali

Esportazzjonijiet lejn pajjiżi mhux membri tal-UE

Ir-regoli l-ġodda jinkludu dispożizzjonijiet aktar stretti dwar l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE.

L-għan huwa li jiġi żgurat li l-iskart jiġi esportat mill-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE biss meta jkun hemm garanzija li l-pajjiż destinatarju jkollu fis-seħħ prattiki ta' ġestjoni ambjentalment tajbin u jkun jista' jittratta l-iskart b'mod sostenibbli.

L-aġġornament tar-regoli jżomm il-projbizzjonital-esportazzjoni ta':

  • skart għar-rimi lejn pajjiżi mhux tal-UE
  • skart perikoluż destinat għall-irkupru f'pajjiżi mhux tal-OECD

Barra minn hekk, huma introdotti regoli aktar stretti għall-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-UE. Dan jinkludi projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż lejn pajjiżi mhux tal-OECD, filwaqt li l-esportazzjonijiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż lejn il-pajjiżi tal-OECD ser ikunu permessi iżda soġġetti għall-proċedura aktar stretta ta' kunsens minn qabel.

Ir-regoli aġġornati jinkludu wkoll:

  • l-elenkar ta' pajjiżi awtorizzati li jimportaw skart mill-UE, abbażi tal-kapaċitajiet ta' trattament tal-iskart tal-pajjiżi
  • il-monitoraġġ u l-kontroll mill-Kummissjoni Ewropea tal-esportazzjonijiet tal-iskart lejn il-pajjiżi tal-OECD
  • obbligu fuq il-kumpaniji esportaturi tal-UE biex iwettqu awditi indipendenti fuq il-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart
  • l-istabbiliment ta' kriterji vinkolanti għal "oġġetti użati", bħal vetturi u batteriji

Vjeġġi fl-UE

L-enfasi tar-regoli l-ġodda fir-rigward taċ-ċaqliq tal-iskart bejn il-pajjiżi tal-UE hija li tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari.

Ir-regoli jtejbu l-proċeduri sabiex irawmu ġestjoni aktar sostenibbli tal-iskart u żieda fir-rati ta' riċiklaġġ għall-materja prima.

Fost il-miżuri hemm:

  • projbizzjoni fuq vjeġġi tal-iskart kollu għar-rimi, ħlief jekk ikunu awtorizzati skont il-proċedura ta' kunsens minn qabel
  • proċeduri inqas stretti għall-hekk imsejħa vjeġġi tal-iskart "elenkati fil-lista ekoloġika" għall-irkupru
  • id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri
  • it-tħaffif tal-proċeduri għal skart li għandu jiġi rkuprat
  • l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-iskart fl-UE

Vjeġġi illegali

Biex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali fl-iskart, ir-regoli aġġornati għandhom l-għan li:

  • jappoġġaw l-investigazzjonijiet tranżnazzjonali dwar it-traffikar tal-iskart
  • joħolqu grupp ta' infurzar tal-UE biex tiżdied il-koordinazzjoni, anke mas-sħab internazzjonali
  • itejbu r-regoli dwar il-penali u l-infurzar

Ir-rwol tal-Kunsill

Ir-regolament tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart isegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaġixxu bħala koleġiżlaturi u jridu jaqblu dwar it-test finali tar-regoli aġġornati.

Wara l-proposta għar-reviżjoni tar-regoli mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2021, il-Kunsill kellu diskussjonijiet fil-livell tekniku fost ir-rappreżentanti tal-istati membri fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ambjent.

F'Mejju 2023, l-istati membri tal-UE fil-Kunsill qablu dwar mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim f'Novembru 2023.

Ir-regoli ġew adottati mill-Kunsill f'Marzu 2024, biex b'hekk il-proċess leġiżlattiv intemm.

Minn fejn jiġi l-iskart tal-UE?

Aktar minn 35% tal-iskart tal-UE huwa ġġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni. L-estrazzjoni mill-minjieri u l-barrieri huma t-tieni l-ogħla settur f'termini ta' ġenerazzjoni tal-iskart.

Verżjoni testwali

Tabella li turi l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-UE skont is-settur fl-2020. Il-biċċa l-kbira tal-iskart ġie mill-kostruzzjoni (37.5%), segwit mill-estrazzjoni mill-minjieri u l-barrieri (23.4%), is-servizzi tal-iskart u tal-ilma (10.8%), il-manifattura (10.7%) u l-iskart domestiku (9.4%). It-8.2% li jifdal kien skart iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi oħra: is-servizzi (4.4%), l-enerġija (2.3%), l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (1%), u l-bejgħ bl-ingrossa ta' skart u ruttam (0.5%).

Sors: l-Eurostat

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024