"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Miżuri tal-UE għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

Għalkemm ir-responsabbiltà ewlenija biex jiġi indirizzat it-terroriżmu hija f'idejn l-istati membri, l-UE żviluppat diversi għodod biex tipprevjeni r-radikalizzazzjoni.

L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fl-Ewropa. Ir-radikalizzazzjoni mhix fenomenu ġdid, iżda fl-aħħar snin saret theddida aktar serja, speċjalment minħabba l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-użu dejjem akbar tal-internet u tal-media soċjali.

Kif l-UE tiġġieled il-propaganda terroristika

L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fl-Ewropa. Ir-radikalizzazzjoni mhix fenomenu ġdid, iżda fl-aħħar snin saret theddida aktar serja, speċjalment minħabba l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-użu dejjem akbar tal-internet u tal-media soċjali.

Fid-29 ta' April 2021, l-UE adottat regolament dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online.

L-awtoritajiet kompetenti fl-istati membri għandhom is-setgħa li joħorġu ordnijiet ta' tneħħija lill-fornituri ta' servizzi ta' hosting fejn jirrikjedulhom ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għalih fl-istati membri kollha. Il-pjattaformi tal-internet imbagħad għandhom ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut fi żmien siegħa.

Ir-regoli japplikaw għall-fornituri kollha li joffru servizzi fl-UE, irrispettivament jekk għandhomx is-sede ewlenija tagħhom f'wieħed mill-istati membri jew le.

Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting esposti għal kontenut terroristiku għandhom bżonn jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw l-użu ħażin tal-pjattaformi tagħhom u biex jipproteġu s-servizzi tagħhom mid-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku. Id-deċiżjoni dwar l-għażla tal-miżuri tibqa' f'idejn il-fornitur ta' servizzi ta' hosting.

Ir-regolament il-ġdid jimmira lejn kontenut bħal testi, stampi, reġistrazzjonijiet awdjo jew filmati, inkluż trażmissjonijiet diretti, li:

  • jinċitaw jew jikkontribwixxu għal atti terroristiċi
  • jagħtu struzzjonijiet dwar kif jitwettqu reati
  • jissolleċitaw il-parteċipazzjoni fi gruppi terroristiċi

Il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll definizzjoni tal-kontenut terroristiku u tistabbilixxi b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Tinkludi wkoll rimedji effikaċi għall-fornituri tal-kontenut u għall-fornituri tas-servizz biex iressqu lment meta jitneħħa l-kontenut.

Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw mis-7 ta' Ġunju 2022.

Fl-2015, l-Europol ħolqot unità speċjali biex tindirizza l-propaganda terroristika fuq l-internet. L-Unità tal-UE ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) għandha l-għan li taqbad u tinvestiga kontenut estremista terroristiku u vjolenti online u li tappoġġa lill-istati membri fuq dan is-suġġett.

Infografika dwar ir-regoli ġodda li jindirizzaw id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online

L-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (Infografika)

Fl-2015, l-UE varat in-Network ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN). L-RAN huwa network ta' aktar minn 6 000 prattikant tal-ewwel linja minn madwar l-Ewropa, bħal għalliema, uffiċjali tal-pulizija u persunal tal-ħabs, li jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki. Fost affarijiet oħra, il-ħidma tagħhom għandha l-għan li ttejjeb il-fehim ta' għaliex xi persuni huma aktar vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, u x'azzjonijiet jistgħu jittieħdu biex dawn jiġu protetti.

Sa mill-2015, il-Forum tal-UE dwar l-Internet laqqa' flimkien il-pajjiżi tal-UE, il-pjattaformi online, l-Europol, membri tad-dinja akkademja u s-sħab internazzjonali. Huwa jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta' informazzjoni dwar xejriet fl-użu tal-internet mit-terroristi, u kif dan l-użu qed jevolvi, kif ukoll - mill-2019 - biex jiġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal online.

Ir-radikalizzazzjoni fl-Ewropa

Il-biċċa l-kbira tal-awturi tal-attakki terroristiċi li seħħew fl-Ewropa fl-aħħar ftit snin kienu ċittadini Ewropej, li twieldu fl-Ewropa u ġew radikalizzati mingħajr ma ħallew pajjiżhom.

Ir-radikalizzazzjoni tista' sseħħ għal raġunijiet differenti, fosthom it-twemmin reliġjuż, l-ideoloġiji, it-twemmin politiku u l-preġudizzji kontra gruppi partikolari ta' nies. Ir-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ għadha ta' tħassib kbir.

Hemm diversi modi kif persuni jistgħu jiġu radikalizzati: mill-membri tal-familja tagħhom jew mill-ħbieb, permezz ta' kuntatt dirett ma' gruppi estremisti jew permezz tal-internet.

It-teknoloġiji tal-komunikazzjoni online għamluha aktar faċli għat-terroristi biex jikkomunikaw bejn il-fruntieri u amplifikaw il-propaganda terroristika u l-firxa tal-estremiżmu. It-terroristi jużaw il-media soċjali u d-dark web biex jirradikalizzaw, jirreklutaw, jinċitaw il-vjolenza u jiffaċilitaw it-twettiq ta' attakki terroristiċi.

F'dawn l-aħħar snin, applikazzjonijiet ta' messaġġerija kriptata, bħal WhatsApp jew Telegram, intużaw minn ħafna biex ixerrdu l-propaganda terroristika u jikkoordinaw u jippjanaw l-attakki.

Filwaqt li l-ħabsijiet għadhom l-aktar art fertili għar-radikalizzazzjoni, xi gruppi estremisti wkoll kienu qed jirreklutaw persuni fl-iskejjel, l-universitajiet u postijiet ta' qima, bħall-moskej.

X'qed tagħmel l-UE biex tindirizza t-terroriżmu?

Agħmel dan il-vjaġġ fuq għoxrin sena u ara kif il-pajjiżi tal-UE tul dan iż-żmien ikkooperaw dejjem aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: billi pprevjenu lit-terroristi milli jixtru armi jew jibnu bombi, u l-ewwel u qabel kollox ippruvaw jiġġieldu r-radikalizzazzjoni.

L-istampa turi globu u fuqu ikoni ta' informazzjoni konnessi permezz ta' linji bit-tikek. Jidhru tliet idejn u kull waħda minnhom għandhom lenti li tiffoka rispettivament fuq passaport, xi karti tal-flus u marka tas-swaba'. Fl-isfond jidher sema msaħħab.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Ġunju 2022