Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE: it-triq 'il quddiem
Fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2026, il-mexxejja tal-UE qablu dwar aġenda ta' miżuri konkreti bi skadenzi ambizzjużi biex jissaħħu l-kompetittività, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-UE.
Ewropa Waħda, Suq Wieħed
Imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE nedew aġenda ta' "Ewropa Waħda, Suq Wieħed" f'Marzu 2026, li għandha tiġi implimentata fl-2026 fejn possibbli u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2027.
Din l-aġenda tidentifika sett ta' miżuri konkreti f'ħames oqsma li għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti sabiex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea u jissaħħu l-awtonomija strateġika u s-sigurtà ekonomika tal-UE, filwaqt li jiġu sostnuti l-prosperità u l-mudell soċjali tal-Ewropa.
Tisħiħ u integrazzjoni tas-suq uniku
Simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi
Żgurar ta' enerġija affordabbli u kisba tat-tranżizzjoni tal-enerġija
Trawwim tat-tiġdid industrijali tal-Ewropa, l-innovazzjoni, u tnaqqis tad-dipendenzi
Mobilizzazzjoni tal-investiment
Il-mexxejja tal-UE ser jirrieżaminaw regolarment il-progress fil-fergħat kollha, u jipprovdu gwida strateġika addizzjonali meta jkun meħtieġ.
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew informali f'Lefkosia fl-24 ta' April 2026, il-presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill, il-President tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kummissjoni ffirmaw il-pjan direzzjonali "Ewropa Waħda, Suq Wieħed", li fih proposti u miżuri konkreti, bi skedi ta' żmien u stadji importanti, abbażi tal-gwida pprovduta mill-mexxejja tal-UE.
Fit-18 ta' Ġunju 2026, fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni ħarġu l-ewwel rapport ta' progress dwar il-pjan direzzjonali. Aktar progress fil-pjan direzzjonali huwa mistenni li jiġi rieżaminat fuq bażi trimestrali.
Suq uniku
L-iżgurar li l-UE jkollha suq uniku verament integrat aċċessibbli għan-nies u n-negozji huwa responsabbiltà kondiviża urġenti tal-istati membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Il-kumpaniji ta' kull daqs għandhom ikunu kapaċi joperaw mingħajr xkiel fis-suq uniku kollu, u jespandu biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw li sa Marzu 2027 għandu jsir progress konkret u tanġibbli lejn il-prevenzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-erba' libertajiet. Huma identifikaw sitt miżuri ta' prijorità.
| Miżura | Objettiv | Skadenza |
| It-28 reġim għal-liġi tal-kumpaniji, "EU Inc." | Għajnuna lill-kumpaniji biex joperaw u jespandu fis-suq uniku kollu, fuq bażi sempliċi u diġitali b'mod awtomatiku | Qbil mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2026 |
| Sistema unifikata ta' dikjarazzjoni elettronika meta ħaddiema jiġu stazzjonati temporanjament fi stati membri oħra | Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet tal-ħaddiema | Qbil mill-koleġiżlaturi milħuq fit-23 ta' Ġunju 2026 |
| Titjib tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali u t-tisħiħ tal-portabbiltà tal-kwalifiki u l-ħiliet | Titjib tal-moviment liberu tal-ħaddiema | Proposta tal-Kummissjoni sal-ħarifa tal-2026 |
| Implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss", inkluż permezz ta' Kartiera Ewropea tan-Negozju | Diġitalizzazzjoni tal-interazzjonijiet tan-negozji u simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi: id-dokumenti jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet pubbliċi darba biss, fejn l-informazzjoni u l-kredenzjali jinħażnu u jiġu wżati mill-ġdid b'mod sigur bejn il-fruntieri. | Qbil mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2026 |
| Tisħiħ tas-salvagwardji għall-introduzzjoni ta' prodotti fis-suq | Titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur minn merkanzija mhux konformi | Proposta tal-Kummissjoni sa tmiem l-2026 |
| Indirizzar tar-rekwiżiti frammentati tat-tikkettar u tal-imballaġġ tal-prodotti | Iffaċilitar tal-moviment liberu tal-merkanzija | Proposta tal-Kummissjoni sa tmiem l-2026 |
Il-mexxejja tal-UE ssottolinjaw il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet għan-negozji biex jiksbu l-iskala meħtieġa biex jinvestu, jinnovaw u jikkompetu fil-livell dinji. Dan jinkludi r-rieżami li għaddej tal-linji gwida dwar l-fużjonijiet.
Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura infurzar f'waqtu u robust tar-regoli tas-suq uniku.
Simplifikazzjoni
Il-mexxejja tal-UE appellaw biex titkompla l-ħidma li għaddejja dwar is-simplifikazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali, u identifikaw miżuri konkreti biex jiġi żgurat aktar li l-ambjent regolatorju jkun kemm favorevoli għall-innovazzjoni kif ukoll għall-SMEs.
| Miżura | Objettiv | Skadenza |
| Miżuri ta' simplifikazzjoni mill-pakketti omnibus pendenti | Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni eżistenti | Ftehim mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2026, u dwar omnibus dwar l-IA sa Lulju 2026 |
| Proposti omnibus ġodda u inizjattivi oħra ta' simplifikazzjoni | Semplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-UE, inkluż il-proċeduri tal-ippjanar u tal-permessi | Proposti miIl-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli |
| Rieżami regolatorju fil-fond tal-acquis tal-UE | Eliminazzjoni tad-dispożizzjonijiet skaduti, id-duplikazzjonijiet, l-inkonsistenzi u r-ridondanzi | Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami malajr kemm jista' jkun |
Barra minn hekk, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-Kummissjoni biex:
- tiżgura li l-inizjattivi l-ġodda tal-UE jkunu konformi mal-prinċipju ta' "sempliċità mit-tfassil", ikunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt ta' kwalità għolja, jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-kompetittività tal-Unjoni, u jnaqqsu l-kostijiet regolatorji u jevitaw il-piżijiet
- tiffavorixxi r-regolamenti flok id-direttivi
- tillimita l-użu ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni, li għandhom jiffukaw fuq elementi tekniċi
Huma appellaw ukoll lill-koleġiżlaturi biex jevitaw li jintroduċu piżijiet amministrattivi addizzjonali fl-atti legali tal-UE u ħeġġew lill-istati membri biex jevitaw li jimponu rekwiżiti nazzjonali sproporzjonati meta jittrasponu u jimplimentaw ir-regoli tal-UE.
Simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE
Enerġija
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw li t-tranżizzjoni tal-enerġija hija kruċjali biex tinkiseb l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, titnaqqas id-dipendenza fuq swieq volatili tal-fjuwils fossili, tissaħħaħ ir-reżiljenza, jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija b'mod strutturali, u tiġi pprovduta enerġija domestika, nadifa u abbundanti.
Fl-istess ħin, huma meħtieġa soluzzjonijiet immirati fuq terminu qasir biex jiġi żgurat li l-enerġija tkun affordabbli.
Peress li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani kellu impatt immedjat fuq il-prezzijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE, il-Kunsill Ewropew issottolinja l-ħtieġa ta' rispons koordinat.
L-aġenda "Ewropa Waħda, Suq Wieħed" fiha sensiela ta' miżuri għal dan l-għan.
| Miżura | Objettiv | Skadenza |
| Sett ta' għodod ta' miżuri temporanji mmirati | Indirizzar taż-żidiet qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili importati bħala konsegwenza tal-kriżi fil-Lvant Nofsani | Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar AccelerateEU ppubblikata fit-22 ta' April 2026 |
| Miżuri mmirati li jkopru l-komponenti kollha tal-prezzijiet tal-elettriku | Prezzijiet aktar baxxi fuq medda qasira ta' żmien, u indirizzar tal-volatilità eċċessiva | Proposti miIl-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli |
| Miżuri nazzjonali temporanji u mmirati | Mitigazzjoni tal-impatti sinifikanti tal-fjuwils u tal-komponenti tal-kostijiet relatati fuq il-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, filwaqt li jiġu ppreservati sinjali ta' investiment fit-tul għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju | Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-istati membri malajr kemm jista' jkun |
| Rieżami tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) | Tnaqqis tal-volatilità tal-prezz tal-karbonju u mitigazzjoni tal-impatt tiegħu fuq il-prezzijiet tal-elettriku, filwaqt li jiġi ppreservat ir-rwol essenzjali tal-ETS fit-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija | Preżentazzjoni mill-Kummissjoni sa Lulju 2026 |
| Pakkett dwar il-grilji Ewropej, inkluż proċeduri aktar rapidi għall-għoti ta' permessi | Bini ta' infrastruttura, jiġi żgurat li tkun protetta, u jittejbu l-interkonnessjonijiet, u b'hekk tikkontribwixxi għal suq tal-enerġija integrat u aktar robust | Qbil mill-koleġiżlaturi fl-2026 |
Barra minn hekk, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw l-implimentazzjonital-aġenda tal-Unjoni tal-Enerġija għall-2030, biex jippermettu malajr elettrifikazzjoni akbar u affordabbli.
Industrija u innovazzjoni
It-trawwim tat-tiġdid industrijali tal-Ewropa, l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi saru prekundizzjonijiet għar-reżiljenza, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
Fl-aġenda "Ewropa Waħda, Suq Wieħed", il-mexxejja tal-UE appellaw għal diversi azzjonijiet.
Miżura |
Objettiv |
Skadenza |
| Immappjar tad-dipendenzi f'setturi strateġiċi | Identifikazzjoni u mitigazzjoni tar-riskji biex jissaħħu s-sigurtà ekonomika u l-awtonomija strateġika | Immappjar mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-istati membri, sa tmiem l-2026 |
Stabbiliment ta' "preferenza Ewropea" mmirata u proporzjonata |
Protezzjoni u tisħiħ ta' setturi u teknoloġiji strateġiċi magħżula | Qbil mill-koleġiżlaturi dwar att għall-aċċellerazzjoni industrijali sa tmiem l-2026 Il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar proposti mill-aktar fis possibbli |
| Miżuri kontra kompetizzjoni inġusta qawwija u koerċizzjoni ekonomika | Difiża kontra prattiki inġusti minn pajjiżi terzi f'setturi ewlenin | Teħid ta' azzjoni miIl-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli |
| Pakkett ta' sovranità teknoloġika | Inkunu minn ta' quddiem biex niżviluppaw u nikkontrollaw teknoloġiji kritiċi f'setturi strateġiċi | Proposti miIl-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli |
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jkomplu jiddiversifikaw ir-rabtiet kummerċjali u ta' investiment, inkluż biex jiżguraw l-aċċess għal riżorsi essenzjali, ktajjen tal-provvista, swieq u teknoloġiji.
Investiment
Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti b'suq kapitali integrat bis-sħiħ hija fundamentali biex tipprovdi lin-negozji Ewropej bil-kapital ta' ekwità li jeħtieġu biex jinnovaw u jikbru u biex joħolqu impjiegi ta' kwalità u tkabbir sostenibbli fl-UE.
Il-mexxejja tal-UE appellaw għal azzjoni f'diversi oqsma għal dan l-għan.
Miżura |
Objettiv |
Skadenza |
| Implimentazzjoni tal-proposti tal-Unjoni għat-tfaddil u l-investimenti dwar it-titolizzazzjoni u l-pensjonijiet supplimentari, u l-integrazzjoni tas-suq u l-pakkett ta' superviżjoni | Żieda fil-finanzjament privat, mobilizzazzjoni tat-tfaddil, u ħolqien ta' suq kapitali Ewropew verament integrat | Qbil mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2026 |
| L-euro diġitali | Appoġġ għal sistema Ewropea ta' pagament reżiljenti u tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro | Qbil mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2026 |
| Emendi mmirati għall-qafas prudenzjali | Tisħiħ tal-kapaċità tas-settur bankarju biex jiffinanzja l-ekonomija Ewropea, filwaqt li tissalvagwarda l-istabbiltà finanzjarja | Rapport tal-Kummissjoni sas-sajf 2026 |
Il-mexxejja tal-UE appellaw lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi biex japprofondixxu l-integrazzjoni tas-suq bankarju tal-UE billi jagħmlu progress lejn it-tlestija tal-unjoni bankarja.
Ara wkoll
X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha
Suq uniku
Boxxla għall-Kompetittività
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Ġunju 2026