Skip to content

L-att dwar il-materja prima kritika: element ċentrali tal-UE

Ir-regoli tal-UE dwar il-materja prima kritika jgħinu biex il-materjali essenzjali jiġu żgurati għall-ekonomija tal-Ewropa, jappoġġaw l-industriji strateġiċi filwaqt li jsaħħu l-kapaċità tal-UE li testratta, tipproċessa, tirriċikla u tiddiversifika s-sorsi tal-provvista.

L-importanza tal-materja prima kritika

Id-domanda tal-UE għal metalli komuni, materjali tal-batteriji, materjali tal-art rari u aktar hija mistennija li tiżdied b'mod sinifikanti, minħabba l-applikazzjonijiet wiesgħa tagħhom f'għadd ta' industriji li qed jespandu, li jinkludu l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nadifa u żieda fl-investiment fiċ-ċipep, fl-ispazju, fid-difiża u f'setturi oħra ta' teknoloġija avvanzata.

L-UE aġġustat il-pożizzjoni strateġika tagħha biex tiżgura aċċess għal materja prima meqjusa bħala kritika.

Fit-23 ta' Mejju 2024, daħal fis-seħħ l-att dwar il-materja prima kritika. L-għan tiegħu huwa li jindirizza b'mod sistematiku d-dipendenza fuq il-provvisti li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, isaħħaħ ir-reżiljenza industrijali tal-Ewropa u jnaqqas ir-riskju ta' interruzzjonijiet fil-provvista li jaffettwaw setturi ewlenin tal-ekonomija.

Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.
Spjegazzjoni tal-materja prima kritika

Spjegazzjoni tal-materja prima kritika

It-tnaqqis tad-dipendenza u l-iżgurar tal-provvista

L-att dwar il-materja prima kritika għandu l-għan li jnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq fornituri ta' materja prima strateġika minn pajjiżi terzi. Għal dak l-għan, jistabbilixxi erba' parametri referenzjarji mhux vinkolanti, li għandhom jiġu ssodisfati sal-2030, għal kull waħda mis-17-il materja prima strateġika identifikati.

Mill-inqas 10% tal-konsum annwali tal-UE minn estrazzjoni fl-UE.

Mill-inqas 40% tal-konsum annwali tal-UE minn ipproċessar fl-UE.

Mill-inqas 25% tal-konsum annwali tal-UE minn riċiklaġġ.

L-ebda pajjiż mhux tal-UE waħdu ma jforni aktar minn 65% ta' kwalunkwe materja prima strateġika.

It-tiswir tal-pipeline tal-provvista

It-twettiq ta' proġetti ġodda ta' materja prima kritika jieħu ż-żmien. L-att dwar il-materja prima kritika jistabbilixxi skedi ta' żmien ambizzjużi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u jitlob lill-istati membri biex jistabbilixxu punti uniċi ta' kuntatt biex jiġi evitat id-dewmien. Barra minn hekk, il-proġetti strateġiċi għandhom jingħataw status ta' prijorità biex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi.

Proġetti strateġiċi

Il-proġetti strateġiċi huma għodda ċentrali tal-att dwar il-materja prima kritika. Dawn il-proġetti huma investimenti fl-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ li l-Kummissjoni tindika bħala prijorità għas-sigurtà tal-provvista tagħha, wara konsultazzjoni mal-istat membru involut.

Fl-istati membri, il-proġetti b'dan l-istatus għandhom jibbenefikaw minn:

  • ħruġ aktar rapidu tal-permessi
  • aċċess aktar faċli għall-finanzjament
  • appoġġ politiku aktar b'saħħtu

Għalkemm il-biċċa l-kbira tas-CRMs huma fornuti minn barra l-Ewropa, u l-aktar miċ-Ċina, xi CRMs jinkisbu minn ġewwa l-UE nnifisha. L-espansjoni ta' din il-bażi domestika hija għan ċentrali tal-att dwar il-materja prima kritika, flimkien mas-sħubijiet strateġiċi internazzjonali għal proġetti barra mill-Ewropa.

L-ewwel ċiklu ta' deżinjazzjonijiet, li tlesta fl-2025, ipproduċa 60 proġett: 47 fl-UE fi 13-il stat membru, u 13 f'pajjiżi sħab. Flimkien ikopru 14 mis-17-il materja prima strateġika.

Ħruġ aktar rapidu tal-permessi

Il-ħruġ tal-permessi storikament kien wieħed mill-aktar ostakli sinifikanti għall-iżvilupp ta' proġetti tal-materja prima fl-Ewropa.

L-att dwar il-materja prima kritika jintroduċi skedi ta' żmien vinkolanti għad-deċiżjonijiet dwar il-permessi u jirrikjedi li kull stat membru jistabbilixxi punt uniku ta' kuntatt għall-iżviluppaturi tal-proġetti, li jipprovdi rotta aktar ċara u aktar rapida permezz ta' proċessi nazzjonali.

Sħubijiet internazzjonali: it-twessigħ tal-bażi tal-fornituri

Id-diversifikazzjoni tal-provvista tfisser il-bini ta' relazzjonijiet affidabbli ma' firxa usa' ta' pajjiżi, sabiex l-ebda fornitur ma jkun jista' jfixkel l-industrija Ewropea.

Is-sħubijiet strateġiċi tal-UE dwar il-materja prima jinkludu kemm ftehimiet formali kif ukoll sħubijiet f'diversi stadji ta' żvilupp.

Sa mill-bidu tal-2026, l-UE stabbiliet sħubijiet strateġiċi ma' 16-il pajjiż: L-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Greenland, il-Każakistan, in-Namibja, in-Norveġja, ir-Rwanda, is-Serbja, l-Afrika t’Isfel, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Użbekistan u ż-Żambja.

F'Novembru 2025, l-UE ffirmat sħubija ta' kummerċ u investiment nodfa mal-Afrika t'Isfel, li tinkludi memorandum ta' qbil dwar il-ktajjen tal-valur tal-minerali kritiċi u tal-metalli (it-triq sħiħa mill-minerali fl-art għal prodott lest, inkluż l-estrazzjoni minerarja, l-ipproċessar, il-manifattura, it-trasport, u r-riċiklaġġ).

L-iżgurar ulterjuri tal-provvista tal-UE

Fl-4 ta' Marzu 2026, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-emendi proposti għall-att dwar il-materja prima kritika. Dawn l-emendi proposti għandhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-UE u jtejbu ċ-ċirkolarità tal-materja prima kritika b'rispons għall-pressjonijiet ġeopolitiċi dejjem akbar li jaffettwaw l-aċċess għal dawn ir-riżorsi.

Filwaqt li jibnu fuq il-pjan ta' azzjoni RESourceEU tal-Kummissjoni ppreżentat f'Diċembru 2025, il-bidliet proposti jfittxu li jżidu l-kapaċità tar-riċiklaġġ u li jsaħħu s-suq sekondarju għall-materja prima kritika, b'mod partikolari l-użu ta' kalamiti permanenti li jintużaw f'setturi strateġiċi bħall-industriji tal-karozzi, tal-intelliġenza artifiċjali u tad-difiża.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill:

  • tipprevedi n-notifika tal-istati membri u tal-bordijiet tal-kumpaniji f'każ ta' riskji li jaffettwaw il-provvista tas-CRMs
  • tiċċara s-setgħat tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tar-riskji tal-provvista
  • tippermetti l-użu ta' passaporti tal-prodotti biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' informazzjoni relatati mal-kalamiti permanenti

Il-Kunsill u l-Parlament ser jinnegozjaw u jiddiskutu l-forma finali tal-liġijiet.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Awwissu 2026