"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Boxxla għall-Kompetittività

Il-boxxla għall-kompetittività tipprovdi pjan li jippermetti lill-Ewropa terġa' tikseb it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità tagħha.

Għaliex boxxla għall-kompetittività?

Tul dawn l-aħħar 20 sena, il-produttività tal-Ewropa waqgħet lura meta mqabbla ma' ekonomiji ewlenin oħra. Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex terġa' tagħti l-ħajja lill-kompetittività tal-Ewropa.

Huwa għalhekk li, fid-dikjarazzjoni ta' Budapest ta' Novembru 2024, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw l-urġenza li jiġi implimentat patt ġdid dwar il-kompetittività Ewropea, ankrat f'suq uniku integrat bis-sħiħ.

M'għadx għandna l-għażla li nibqgħu mexjin kif nimxu s-soltu.

Id-dikjarazzjoni ta' Budapest

B'segwitu għat-talba tal-mexxejja, f'Jannar 2025 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-boxxla għall-kompetittività.

Il-boxxla hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru minn Mario Draghi fir-rapport tiegħu dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea.

Għanijiet

L-għan tal-boxxla huwa li n-negozju jsir aktar faċli u aktar rapidu u li tiġi żgurata l-prosperità tal-Ewropa.

Il-boxxla tiggwida l-ħidma tal-Kummissjoni għall-perjodu 2024-2029 abbażi ta' tliet pilastri:

  • it-tnaqqis tad-diskrepanza fl-innovazzjoni mal-kompetituri ewlenin tal-UE
  • ir-rabta bejn id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività
  • it-tnaqqis tad-dipendenzi u ż-żieda fis-sigurtà

Innovazzjoni

L-ewwel pilastru jiffoka fuq t-tkabbir xprunat mill-innovazzjoni.

Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa li jitrawwem ambjent aktar favorevoli għall-innovazzjoni bbażat fuq xjenza eċċellenti sabiex il-prodotti innovattivi jaslu fis-suq aktar malajr u fuq skala kbira.

Privattiva waħda biss minn kull tlieta rreġistrati fl-UE tiġi sfruttata kummerċjalment. Biex titneħħa d-diskrepanza fl-innovazzjoni mal-kompetituri tal-UE u biex l-Ewropa titpoġġa fuq quddiem nett fir-riċerka u l-innovazzjoni fuq livell dinji, il-boxxla għall-kompetittività ssemmi proposti li għandhom l-għan li:

  • jgħinu lill-kumpaniji start-up jibdew u jespandu
  • iħeġġu l-iżvilupp u l-adozzjoni industrijali tal-intelliġenza artifiċjali (IA)
  • jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-regoli legali madwar l-UE
  • jagħtu spinta lil prodotti ġodda ta' finanzjament (pereżempju, kapital ta' riskju)
  • jiffaċilitaw il-mobbiltà tat-talent u jżidu l-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp
  • jiżviluppaw l-infrastrutturi tal-informatika, tal-cloud, tan-networks, tas-satelliti u tad-data

Barra minn hekk, miżuri ġodda bl-għan li jittieħed rwol ta' tmexxija fis-setturi tat-teknoloġija strateġika – bħall-IA, it-teknoloġiji tas-semikondutturi u dawk kwantistiċi, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija, it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, ir-robotika, l-ispazju, il-mobbiltà konnessa u awtonoma – għandhom jippermettu lill-Ewropa ssaħħaħ kemm is-sovranità teknoloġika tagħha kif ukoll il-kompetittività tagħha.

Dekarbonizzazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE huma impenjati li jagħmlu lill-UE newtrali għall-klima sal-2050.

Il-politiki ta' dekarbonizzazzjoni huma mutur b'saħħtu tat-tkabbir jekk ikunu integrati sew mal-politiki industrijali, tal-kompetizzjoni, ekonomiċi u kummerċjali.

Fl-istess ħin, biex tkun aktar kompetittiva, jeħtieġ li l-UE tindirizza l-problemi strutturali li wasslu għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija fl-Ewropa u d-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili.

Sabiex l-ekonomija tiġi dekarbonizzata b'mod effiċjenti, it-tieni pilastru tal-boxxla għall-kompetittività jinkludi l-inizjattivi li ġejjin tal-Kummissjoni:

  • patt għal industrija nadifa u att għall-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni industrijali, biex jgħinu lill-manifatturi jaqilbu għal produzzjoni u teknoloġiji nodfa u jippromwovu mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda
  • pjan ta' azzjoni dwar l-enerġija affordabbli biex jiffaċilitaw l-aċċess għal enerġija bi prezz baxx
  • pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi sabiex jitnaqqsu d-dipendenzi enerġetiċi tal-UE
  • pjan ta' azzjoni għall-elettrifikazzjoni u pakkett ta' grilji Ewropej biex jimmodernizzaw u jespandu n-network u l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE
  • emendi għal-liġi tal-UE dwar il-klima biex tiġi stabbilita l-mira ta' tnaqqis ta' 90% tal-emissjonijiet sal-2040
  • att dwar l-ekonomija ċirkolari biex jitħeġġu l-użu u l-użu mill-ġdid aħjar tar-riżorsi

Sigurtà

Il-boxxla tissottolinja kemm il-kummerċ bħala mutur ewlieni tal-prosperità tal-UE kif ukoll il-ħtieġa li l-UE tiddiversifika, issaħħaħ u tiżgura r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħha.

Kummerċ

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiffirma u timplimenta ftehimiet kummerċjali addizzjonali kif ukoll sħubijiet għal kummerċ u investimenti nodfa biex tgħin tiżgura l-provvista ta' materja prima kritika, enerġija nadifa, fjuwils tat-trasport sostenibbli u teknoloġiji nodfa minn madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni nediet ukoll pjattaforma li tagħti s-setgħa lill-kumpaniji tal-UE biex jakkwistaw b'mod effettiv prodotti u materja prima relatati mal-enerġija.

Ir-rieżami tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż preferenza Ewropea fl-akkwist pubbliku, għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà teknoloġika u l-ktajjen tal-provvista domestiċi.

Difiża

Il-boxxla tenfasizza l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni bejn l-istati membri fil qasam tad-difiża billi jkun hemm dejjem aktar rikors għall-akkwist konġunt u r-riċerka u l-iżvilupp konġunti, kif ukoll billi r-riżorsi jinġabru flimkien.

Preparatezza

Il-boxxla tissottolinja wkoll il-ħtieġa ta' azzjonijiet konkreti biex tittejjeb il-preparatezza tal-UE għal theddid eżistenti u potenzjali.

Faċilitaturi tal-kompetittività

Il-boxxla tidentifika ħames modi biex tiżgura li l-UE tkun kompetittiva fis-setturi kollha.

Simplifikazzjoni

Il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta' proposti biex tissimplifika r-regoli, tnaqqas il-piż regolatorju u tħaffef il-proċeduri amministrattivi biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment.

Wieħed mill-objettivi huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-SMEs b'mill-inqas 35%.

Id iżżomm ħajta blu li taqleb minn għoqda mħabbla għal linja dritta, li tissimbolizza s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività. L-isfond fih dokumenti mxerrda.

Simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE

Tlestija u espansjoni tas-suq uniku

Il-Kummissjoni trid taħdem biex tneħħi l-ostakli eżistenti għan-negozji kollha biex ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji ta' skala kbira offruti mis-suq uniku, bis-saħħa ta' strateġija orizzontali għas-suq uniku.

Ser tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs u lill-kumpaniji start-up.

Mappa tal-UE li turi l-moviment ta' persuni u merkanzija f'diversi pajjiżi.

Suq uniku

Finanzjament

Peress li Ewropa aktar kompetittiva, innovattiva u dekarbonizzata ser ikollha ħtiġijiet kbar ta' finanzjament, jeħtieġ li l-UE timmobilizza aħjar l-investimenti privati u tuża l-finanzjament pubbliku b'mod aktar immirat. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ppreżentat strateġija għal unjoni tat-tfaddil u l-investimenti.

Il-boxxla tipprevedi wkoll proposti biex:

  • tapprofondixxi l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE
  • tgħin fil-mobilizzazzjoni tal-kapital għal proġetti Ewropej
  • tidderieġi t-tfaddil fl-ekonomija
  • toħloq kapaċitajiet ta' finanzjament addizzjonali għall-banek billi tippromwovi s-suq tat-titolizzazzjoni tal-UE
Karus blu u id titfa' munita fih.

Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll ir-ristrutturar tal-baġit fit-tul li jmiss (qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034) biex tappoġġa l-kompetittività tal-UE.

Il-fond Ewropew għall-kompetittività (FEK) il-ġdid ser jiġbor flimkien 14-il programm individwali eżistenti taħt ġabra ta' regoli waħda, b'portal ta' applikazzjoni wieħed. Ikopri erba' oqsma:

  • is-saħħa, il-bijoteknoloġija, l-agrikoltura u l-bijoekonomija
  • ir-reżiljenza u s-sigurtà, l-industrija tad-difiża u l-ispazju
  • it-tmexxija diġitali
  • it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u d-dekarbonizzazzjoni industrijali
Pie chart stilizzata bit-tikketti ta' snin futuri tinsab wara vażett mimli muniti, li jissuġġerixxi ppjanar finanzjarju fit-tul jew tfaddil maż-żmien.

Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2028–2034

Ħiliet

Biex jiġi żgurat tqabbil aħjar bejn id-disponibbiltà tal-ħiliet u d-domandi tas-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha l-għan li tibni, permezz ta' diversi pjanijiet u inizjattivi, Unjoni tal-ħiliet.

Sabiex jitneħħew l-ostakli li jillimitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadini akbar fl-età li jixtiequ jibqgħu ekonomikament attivi, il-persuni b'livell baxx ta' ħiliet u l-persuni b'diżabbiltà, il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tippreżenta pjan direzzjonali għal impjiegi ta' kwalità.

Koordinazzjoni tal-politiki

Il-Kummissjoni ser tipproponi għodda ġdida għall-koordinazzjoni tal-kompetittività li l-għan tagħha ser ikun li tallinja aħjar l-interessi strateġiċi komuni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

Dan għandu jgħin lill-UE u lill-istati membri biex:

  • jaġixxu fuq prijoritajiet komuni tal-kompetittività f'oqsma ewlenin magħżula
  • jikkooperaw dwar proġetti ta' interess komuni Ewropew

Ir-rwol tal-Kunsill fil-boxxla għall-kompetittività

Il-Kunsill Ewropew huwa responsabbli għall-istabbiliment tal-istrateġija politika ġenerali u l-gwida għall-UE.

"Ewropa prospera u kompetittiva" ġiet identifikata mill-mexxejja tal-UE bħala wieħed mill-elementi ewlenin tal-aġenda strateġika għall-2024-2029, li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-ħidma politika tal-UE.

Il-Kunsilltal-UE jaġixxi bħala koleġiżlatur, flimkien mal-Parlament Ewropew, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Dan ifisser li ladarba l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida mħabbra fil-boxxla għall-kompetittività, il-ministri tal-UE li jiltaqgħu f'diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill jiddiskutu l-miżuri proposti. Il-pass li jkun imiss ikunu n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-liġijiet qabel ma r-regoli l-ġodda jiġu adottati miż-żewġ istituzzjonijiet u jsiru liġi tal-UE.

Ara wkoll

Linja tal-assemblaġġ awtomatizzata blu fuq sfond isfar ċar.

Il-politika industrijali tal-UE

Illustrazzjoni ta' żewġ idejn iwaqqfu l-gass miċ-ċmieni ta' fabbrika.

Tibdil fil-klima: x'qed tagħmel l-UE

Stampa: mappa tad-dinja u żewġ kwadri bi vleġeġ, li jirrappreżentaw il-kummerċ.

Ir-rwol tal-UE fil-kummerċ dinji

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Settembru 2026