- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 16 ta' Marzu 2015 14:30
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja
1. L-UE tilqa' b'sodisfazzjon l-issoktar tad-djalogu politiku ffaċilitat min-NU f' Rabat u tappella lill-partijiet Libjani kollha biex jipparteċipaw b’mod kostruttiv biex jiżguraw il-formazzjoni rapida ta’ Gvern ta' Unità Nazzjonali li jkun jista' jikseb progress fit-transizzjoni demokratika u jerġa' jibda jibni l-pajjiż. L-UE tissottolinja li jeħtieġ li issa ssir bidla deċiżiva fid-djalogu peress li jekk ma jintlaħaqx qbil politiku, dan jipperikola l-unità tal-Libja u l-għanijiet tar-Rivoluzzjoni ta' Frar, inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà u d-demokrazija.
2. Il-Libja issa tinsab f’salib it-toroq. Għaldaqstant, l-UE tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jipparteċipaw fid-djalogu b’mod kostruttiv, biex jimplimentaw il-waqfien mill-ġlied b'mod sħiħ u biex jastjenu minn azzjonijiet li jistgħu jxekklu l-proċess ta’ djalogu. L-UE tfaħħar lil dawk il-Libjani li s’issa pparteċipaw b’mod attiv u kostruttiv f’dawn it-taħditiet biex jappoġġaw il-ħidma lejn qbil politiku. L-UE tafferma mill-ġdid li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-konflitt; soluzzjoni politika biss tista' tipprovdi triq sostenibbli 'l quddiem u tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja. L-UE tappella għal waqfien immedjat mill-vjolenza kontinwa u tikkundanna kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
3. L-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari tfaħħar l-isforzi li saru mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL), li kienu strumentali biex il-partijiet jitlaqqgħu mal-mejda tan-negozjati. L-UE tenfasizza l-importanza ta’ proċess inklużiv u ekwilibrat b’kont meħud tal-UNSCR 1325.
4. F’dan il-punt kritiku fil-proċess ta’ djalogu, l-UE tappella lill-atturi reġjonali u l-pajjiżi ġirien kollha tal-Libja biex jinfluwenzaw lill-atturi domestiċi kollha fil-Libja sabiex jiġi żgurat eżitu b’suċċess tan-negozjati u transizzjoni demokratika fil-Libja, biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u biex jibqgħu lura minn azzjonijiet li jistgħu jaggravaw id-diviżjonijiet attwali. Ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-KSNU għandhom jiġu rrispettati. L-UE tistenna b’interess li tikkoopera mal-atturi reġjonali u l-ġirien tal-Libja sabiex tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà tal-Libja.
5. Id-dimensjoni tas-sigurtà u dik politika jsaħħu lil xulxin. Il-vojt politiku u ta’ sigurtà, id-diviżjonijiet politiċi attwali u n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn il-partijiet politiċi kkonċernati ewlenin qed jgħinu lill-gruppi terroristiċi bħad-Da'esh biex jikkonsolidaw il-preżenza tagħhom fil-Libja, u b'hekk qed jdgħajfu s-sigurtà tal-Libja u joħolqu sfidi serji għall-ġirien tagħha, fir-reġjun usa’ u l-Ewropa. L-UE tinsab serjament imħassba dwar iż-żieda fl-attività tal-gruppi terroristiċi u estremisti u tikkundanna kull att ta’ terroriżmu. L-UE tinsab lesta biex iżżid l-impenn tagħha lejn il-Libja b'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hi ser toffri appoġġ lill-pajjiżi ġirien sabiex tiżdied il-kapaċità kontra t-terroriżmu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri u biex jiġu ostakolati l-kuntrabandu tal-armi u l-fluss ta’ ġellieda barranin. L-UE toffri appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-Libja biex timpedixxi r-radikalizzazzjoni u ser tintegra ċerti aspetti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-proġetti eżistenti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, fejn adatt. Il-formazzjoni ta’ Gvern ta’ Unità Nazzjonali tippermetti li l-UE toffri l-appoġġ sħiħ tagħha lil-Libja biex tiżdied il-kapaċità kontra t-terroriżmu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
6. L-UE tikkundanna l-azzjonijiet kontra l-assi nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u r-riżorsi naturali tal-Libja, li hemm riskju li jċaħħdu lill-poplu Libjan mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżhom.
7. L-UE tirrikonoxxi l-importanza ta’ diversi linji paralleli miftiehma tal-isforzi ta’ medjazzjoni tan-NU li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-finalizzazzjoni ta’ ftehim politiku u f’dan ir-rigward tilqa’ l-laqgħa reċenti tal-partiti politiċi li saret fl-Alġier.
8. L-UE ser tkompli twettaq Miżuri għall-Bini tal-Fiduċja. F’dan ir-rigward, hi tfakkar fl-appoġġ li qed tipprovdi għall-inizjattivi bħal-laqgħa reċenti mal-komunità Libjana tan-negozju u l-intenzjoni li tiġi organizzata rapidament laqgħa mas-sindki u l-mexxejja lokali Libjani, taħt il-patroċinju tal-UNSMIL. L-UE tkompli tagħti appoġġ f’setturi oħra bħar-rikonċiljazzjoni, is-soċjetà ċivili, il-migrazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
9. L-UE tappella lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiżguraw aċċess umanitarju mingħajr xkiel u s-sigurtà ta’ ħaddiema li jagħtu għajnuna umanitarja sabiex jiffaċilitaw l-assistenza u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-bżonn. L-UE tappella għal aktar sforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar. L-UE tenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja komuni u kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU.
10. Hekk kif ikun hemm qbil dwar Gvern ta’ Unità Nazzjonali u arranġamenti relatati dwar is-sigurtà, l-UE tinsab lesta li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal-Libja u li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-ftehimiet permezz tal-appoġġ li qed jingħata bħalissa lill-istituzzjonijiet Libjani ewlenin u f’oqsma ewlenin bħalma huma l-istat tad-dritt, il-kooperazzjoni ekonomika u d-DDR, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tippreżenta proposti dwar attivitajiet possibbli tal-PSDK b’appoġġ għall-arranġamenti ta’ sigurtà, f'koordinazzjoni mill-qrib man-NU, il-Libja, sħab ewlenin u atturi reġjonali, bħala parti minn sett usa' ta' opzjonijiet ta' politika fil-kuntest ta' Qafas Politiku aġġornat għall-Approċċ għall-Kriżi, li għandu jiġi żviluppat mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni.
Il-Kunsill jappella wkoll lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw strateġija komprensiva għal-Libja, b'kont meħud tal-kuntest reġjonali.
11. Il-kooperazzjoni mal-ġirien tal-Libja u korpi reġjonali bħal-Lega tal-Istati Għarab u l-Unjoni Afrikana kienet, u ser tkompli tkun, ta’ interess kruċjali għall-UE u s-suċċess tal-proċess ta’ transizzjoni tal-Libja. L-UE ser tkompli taħdem ma' dawn is-sħab biex tippromwovi djalogu politiku fil-Libja u tindirizza kwistjonijiet oħrajn ta' interess u tħassib komuni, inkluż il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar u t-terroriżmu. Għandha tkompli tingħata konsiderazzjoni wkoll għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ armi illegali.
12. L-UE stabbilixxiet qafas legali li, fejn meħtieġ u f'koordinazzjoni sħiħa mal-UNSRSG, ser jippermetti li jiġu introdotti miżuri restrittivi kontra dawk li jippruvaw ixekklu l-proċess ta’ djalogu f’konformità mal-UNSCR 2174, li jippermetti l-elenkar ta’ individwi li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà fil-Libja, jew li jdgħajfu t-transizzjoni politika tagħha.
13. L-UE ma tistax taċċetta l-imwiet traġiċi kontinwi fuq il-baħar ta' migranti li jitilqu mil-Libja. Il-moviment irregolari ta' persuni minn naħa għall-oħra tal-Libja u permezz tal-fruntieri tagħha għandu effett drammatiku fuq il-ħajja ta' numru kbir wisq ta' nies, u jiddestabbilizza l-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran. L-isfidi li joħloq għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv.
14. L-UE tibqa’ impenjata b'mod sħiħ favur is-sovranità, l-indipendenza, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024