- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 20 ta' Lulju 2015 12:45
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni
1. Il-Kunsill jappoġġa politika dwar il-migrazzjoni esterna tal-UE attiva, komprensiva u ġeografikament ibbilanċjata f'konformità mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Ġunju. Approċċ usa' għall-politika estera u ta' sigurtà hija essenzjali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, inkluż il-kuntrabandu u t-traffikar, il-protezzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi rispettat id-dritt li jitfittex asil, l-iżgurar ta’ ritorn u riammissjoni effettivi u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità ġestiti b’mod tajjeb. Dan jeħtieġ ħidma aktar mill-qrib mas-sħab biex jistabbilizzaw pajjiżi fraġli, jiġi indirizzat il-kunflitt, il-vjolenza politika, l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni soċjoekonomika prekarja u n-nuqqas ta’ governanza tajba li jħeġġu l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat. Kooperazzjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu, l-appartenenza u r-responsabbiltà kondiviża.
2. Għalhekk, il-Kunsill jilqa’ t-tħejjijiet għal Summit tal-Belt Valletta fil-11 u t- 12 ta’ Novembru, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba Afrikani, u konferenza ta’ livell għoli li jindirizzaw l-isfidi urġenti r-rotta tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li jieħu nota tal-offerta Ungeriża li tospita din il-konferenza f’Budapest. Ser ikompli jikkontribwixxi għat-tħejjija għaddejja ta’ dawn il-laqgħat fis-sessjoni tiegħu li jmiss, wara aġġornament mir-Rappreżentant Għoli. Il-Kunsill jilqa’ l-kuntatti u d-djalogi ta’ livell għoli li għaddejjin mal-imsieħba ewlenin dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, inkluża l-laqgħa reċenti tar-Rappreżentant Għoli mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G5 tas-Saħel. Il-Kunsill ifakkar ukoll fid-deċiżjoni tiegħu li jintensifika l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ewlenin u l-imsieħba reġjonali u internazzjonali, inklużi n-NU, matul rotot migratorji ewlenin. Huwa jissottolinja r-rwol tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fl-ippreżentar tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’dawn il-kwistjonijiet.
3. Il-Kunsill itenni li l-prijoritajiet tal-migrazzjoni għandhom ikomplu jiġu integrati fi strumenti u politiki rilevanti tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-qafas tal-politiki dwar l-iżvilupp u l-politiki dwar il-viċinat Ewropew. Il-koerenza u s-sinerġiji bejn oqsma ta’ politika differenti, bħall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komunità /il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, id-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-impjiegi, huma l-qofol. Huwa jenfasizza wkoll l-importanza ta’ finanzjament adegwat bil-ħsieb li jiġu żgurati l-effettività u s-sostenibbiltà tal-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti. L-impatt li l-migrazzjoni għandha fuq l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini, it-transitu u d-destinazzjoni jeħtieġ li jkun rifless u indirizzat adegwatament fl-implimentazzjoni ta’ politika esterna Ewropea.
4. Il-Kunsill jinnota li l-implimentazzjoni ta’ politika komprensiva dwar il-migrazzjoni hija sforz konġunt, u responsabbiltà kondiviża għall-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE. Il-Kunsill jinsab lest li jaħdem flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni fl-isforzi tagħhom biex imexxu 'l quddiem politika esterna tal-Unjoni Ewropea aktar attiva, komprensiva u effettiva fil-qasam tal-migrazzjoni.
5. Huwa jappella lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jirrapportaw lura lill-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Ottubru bi proposti konkreti biex jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b’kont meħud tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April u l-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Ġunju, u biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni bl-aħjar mod.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024