- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Ottubru 2015 17:45
Ċirkolazzjoni libera ta' dokumenti pubbliċi: Il-Kunsill jikkonferma l-qbil li ntlaħaq mal-PE
Fil-21 ta' Ottubru 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva pakkett ta' kompromess li ntlaħaq qbil dwaru mal-Parlament Ewropew rigward regolament li ser jiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE.
Dan ir-regolament għandu l-għan li jissimplifika l-proċeduri għall-preżentazzjoni transkonfinali ta' dokumenti pubbliċi relatati ma' kwistjonijiet tal-istat ċivili, bħat-twelid, il-mewt, iż-żwieġ u s-sħubija reġistrata, u dokumenti pubbliċi li jiċċertifikaw l-assenza ta' rekord kriminali. Ir-regolament ikopri wkoll dokumenti pubbliċi li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jintalbu jippreżentaw meta jixtiequ jivvutaw u/jew joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew fl-elezzjonijiet muniċipali.
Ir-regolament ser jevita l-ħtieġa għal legalizzazzjoni jew formalitajiet oħra, u b’hekk jikkontribwixxi direttament għall-ħolqien ta' Ewropa għaċ-ċittadini.
"Ninsab kuntent ħafna li l-Coreper illum ikkonferma l-qbil li ntlaħaq mill-Presidenza Lussemburgiża mal-Parlament Ewropew. Ninsab konvint mill-valur miżjud ta' dan l-istrument u l-benefiċċji tiegħu għal kulħadd. Dan ser ikollu impatt partikolarment importanti fuq dawk iċ-ċittadini li huma affettwati minn kwistjonijiet transkonfinali u ser itejjeb b'mod sinifikanti l-ħajja tagħhom ta' kuljum", qal Félix Braz, il-Ministru għall-Ġustizzja tal-Lussemburgu u l-President tal-Kunsill.
Il-passi li jmiss
Wara l-approvazzjoni tal-pakkett ta’ kompromess mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew fit-12 ta' Novembru 2015, it-testi legali ser jerġgħu lura għand il-Kunsill f'Diċembru 2015 għal ftehim politiku, segwit mir-reviżjoni tas-soltu mill-ġuristi-lingwisti qabel l-adozzjoni formali tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.
Imbagħad, it-testi ser jiġu ppreżentati għal vot fit-tieni qari f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024