- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 7 ta' Frar 2017 18:30
Portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut diġitali: Qbil bejn il-Presidenza tal-UE u l-Parlament
Fis-7 ta’ Frar, il-Presidenza Maltija laħqet qbil proviżorju mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew biex jitneħħew l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern.
Il-qbil, li għad irid jiġi kkonfermat mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew, ser jippermetti li l-konsumaturi li jkunu xtraw jew abbonaw għal servizzi ta' kontenut onlajn f’pajjiżhom, ikollhom aċċess għalih meta jkunu temporanjament f’pajjiż ieħor fl-UE.
“Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE mhux ser jibqgħu mċaħħda minn servizzi online bħal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi jew logħob li jkunu ħallsu għalihom f’pajjiżhom. Flimkien mat-tmiem tat-tariffi tar-roaming, dan huwa progress importanti fil-ħolqien ta’ suq uniku diġitali ta’ benefiċċju għal kulħadd.”
Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ta' Malta.
Vjaġġar b'abbonamenti għal servizzi online
Iż-żieda fl-użu ta' apparat portabbli, bħal tablets u smartphones, tiffaċilita l-aċċess għall-użu ta’ servizzi ta’ kontenut online irrispettivament minn fejn jinsabu l-konsumaturi.
Min-naħa tal-konsumaturi, hemm domanda li qed tikber b'rata mgħaġġla għall-aċċess għal kontenut u għal servizzi online innovattivi, mhux biss f'pajjiżhom iżda wkoll meta jkunu lil hinn minn darhom. Minħabba f'hekk, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta' servizzi ta’ kontenut online fis-suq uniku ser jiġu eliminati.
Ir-regolament il-ġdid jagħmel parti mill-inizjattivi tas-suq uniku diġitali biex jinħoloq suq intern reali għal kontenut u servizzi diġitali. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta oriġinali f'Diċembru 2015.
Kamp ta’ applikazzjoni
Ir-regolament il-ġdid ser japplika għal servizzi ta' kontenut online li huma pprovduti bi ħlas. Is-servizzi ta’ xandir fuq bażi bla ħlas, bħal xandir pubbliku, ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-regolament dment li jivverifikaw il-pajjiż tar-residenza tal-abbonati tagħhom.
L-ostakli attwali għall-portabbiltà transkonfinali ta' servizzi ta' kontenut online jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trasmissjoni ta' kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati, bħal xogħlijiet awdjoviżivi kif ukoll drittijiet għal avvenimenti sportivi b’valur kummerċjali kbir spiss jingħataw liċenzja fuq bażi territorjali.
Pajjiż ta' residenza
Il-miżuri l-ġodda ser jiżguraw aċċess ugwali minn barra l-pajjiż għal kontenut li jkun ġie legalment akkwistat jew abbonat mill-konsumatur fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu, meta dan ikun temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor, pereżempju għal btajjel, vjaġġi ta' negozju jew soġġorni limitati ta' studenti.
Sabiex jiġu evitati l-abbużi, il-fornituri tas-servizz ser jivverifikaw il-pajjiż ta' residenza tal-abbonati. Il-verifiki ser jitwettqu f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.
Dħul fis-seħħ
Wara l-approvazzjoni formali ta’ dan ir-regolament mill-Kunsill u l-Parlament, is-sistema l-ġdida ser tibda tapplika disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
- @TarradellasEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024