- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' April 2017 11:20
Ħarsien taċ-ċittadini mit-tniġġis tal-merkurju
Fil-25 ta' April 2017, il-Kunsill adotta regolament dwar l-emissjonijiet antropoġeniċi u r-rilaxxi ta' merkurju u komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art.
Il-merkurju huwa sustanza tossika ħafna li tirrappreżenta riskju globali serju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluż permezz tal-preżenza tal-metilmerkurju kompost tiegħu fil-ħut, ir-riżorsi tal-baħar, l-ekosistemi u l-ħajja selvaġġa.
Ir-regolament il-ġdid ser jipprevedi livell għoli ta' ħarsien u jillimita t-tniġġis iġġenerat minn attivitajiet u proċessi relatati mal-merkurju.
Għal dan l-għan, ir-regolament jistabbilixxi miżuri u kundizzjonijiet fuq livell tal-UE li jikkontrollaw u jillimitaw:
- l-użu u l-ħżin u l-kummerċ tal-merkurju, il-komposti tal-merkurju u t-taħlitiet tal-merkurju;
- il-manifattura u l-użu u l-kummerċ ta' prodotti bil-merkurju miżjud;
- l-użu tal-merkurju fl-amalgama dentali;
- u biex tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa tal-iskart tal-merkurju.
Attivitajiet bħall-estrazzjoni primarja tal-merkurju, l-użu tal-merkurju fi prodotti u proċessi industrijali, l-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira, il-kombustjoni tal-faħam u l-ġestjoni tal-iskart tal-merkurju, jistgħu jkunu is-sors ta' emissjonijiet u rilaxxi ta' din is-sustanza perikoluża li jirriżultaw f'riskji għall-ambjent u għas-saħħa.
Sfond u passi li jmiss
Fit-2 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha, li wkoll tħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008.
Fl-14 ta' Marzu 2017, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Issa li l-Kunsill approva din il-pożizzjoni, ir-Regolament jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ladarba kemm il-President tal-Parlament Ewropew u dak tal-Kunsill jiffirmaw l-att, u ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni.
Ir-regoli l-ġodda jagħtu iktar ċarezza u trasparenza legali u ser japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018 u jieħdu post ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008.
Ambitu Internazzjonali: Konvenzjoni ta' Minamata
Il-merkurju jista' jivvjaġġa distanzi twal ladarba joħroġ u jiġi rilaxxat fl-arja jew fl-ilma. Din hija r-raġuni għaliex l-UE ma tistax tiggarantixxi waħidha l-ħarsien taċ-ċittadini tagħha kontra l-effetti negattivi fuq is-saħħa mill-merkurju. It-tniġġis mill-merkurju jrid jiġi indirizzat ukoll fuq livell internazzjonali.
Ir-regolament il-ġdid jindirizza din il-kwistjoni billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha japprovaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju. Dan ser jiżgura wkoll li d-dritt tal-UE ikun konformi mal-Konvenzjoni.
Il-Konvenzjoni ta' Minamata, adottata f'Kumamoto (Ġappun) fl-10 ta' Ottubru 2013, hija trattat legalment vinkolanti li jipprevedi qafas regolatorju għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-merkurju globalment. Bħalissa l-Konvenzjoni qiegħda tiġi ratifikata mill-istati firmatarji u l-organizzazzjonijiet reġjonali. L-UE u l-istati membri tagħha huma impenjati għar-ratifika, u qed jitħejjew miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li dan iseħħ.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024