- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Ottubru 2017 12:45
Regoli ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni – il-Kunsill jinsab lest iniedi taħditiet mal-Parlament
Il-Kunsill illum ta lill-presidenza Estonjana mandat ġenerali biex tibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika li ser iħejju lill-Ewropa għall-era tal-5G permezz tal-promozzjoni tal-investiment, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-iżvilupp ta' servizzi ġodda. Jeħtieġ li tingħata spinta lill-investiment sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tissodisfa d-domanda li dejjem qed tikber għall-konnettività f'gigabits, li tagħmel parti essenzjali mir-rivoluzzjoni diġitali.
"Il-futur tagħna huwa wieħed diġitali, u dawn ir-regoli huma kruċjali biex tinħoloq soċjetà tal-gigabits fl-UE kollha," stqarr Urve Palo, Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni. "Ninsab kuntent li l-presidenza Estonjana kisbet dan l-ewwel mandat aktar kmieni milli konna qed nistennew. Issa ser nagħmlu kull sforz biex niksbu progress sostanzjali fit-taħditiet mal-Parlament sal-aħħar tas-sena. L-appoġġ unanimu għall-proposta tagħna juri l-impenn tal-Kunsill għall-kisba ta' riżultati konkreti fil-qasam tas-suq uniku diġitali."
Il-ministru żied jgħid li l-ħidma fuq dan il-fajl tirrifletti l-importanza li l-presidenza Estonjana tagħti lill-konnettività u l-5G. "F'Lulju, jien u l-kollegi tiegħi ffirmajna d-dikjarazzjoni dwar l-adozzjoni tal-5G. Fis-Summit Diġitali ta' Tallinn, il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll modi kif jistgħu jiġu promossi l-5G u l-konnettività. Dawn il-passi ser jiġu riflessi fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill Telekomunikazzjoni aktar tard dan ix-xahar."
Ir-regoli proposti, il-"Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, ikopru firxa varjata ta' oqsma, mid-drittijiet tal-konsumatur għall-aċċess mill-operaturi għal netwerks u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri f'dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-ispettru. Ir-riformulazzjoni għandha l-għan li tirrifletti l-bidliet fis-suq mill-introduzzjoni tar-regoli attwali fl-2009, u ser tipprovdi qafas li jibqa' validu fil-futur għal introduzzjoni rapida u estensiva tal-5G u teknoloġiji oħra ta' ġenerazzjoni ġdida. Dawn it-teknoloġiji l-ġodda ser jiffaċilitaw l-introduzzjoni u l-espansjoni ta' servizzi diġitali innovattivi bħal karozzi konnessi u awtonomi, bliet intelliġenti u netwerks intelliġenti tal-enerġija.
Il-mandat tal-Kunsill iwessa' l-ambitu tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika biex titqies l-importanza dejjem akbar tas-servizzi pprovduti fuq l-internet (magħrufa ukoll bħala 'servizzi over-the-top', jew 'OTT'), li jinkludu VoIP, applikazzjonijiet biex jintbagħtu l-messaġġi u l-emails. Din hija bidla kbira meta mqabbla mar-regoli attwali, li jkopru biss servizzi tradizzjonali li huma marbuta ma' numru speċifiku, bħal SMS u telefonati fuq linja fissa jew mobbli. Ċerti karatteristiċi tas-servizz, bħal jekk l-utent iħallasx għas-servizz, ser jiddeterminaw liema regoli japplikaw. Barra minn hekk, il-mandat jinkludi mekkaniżmu ta' valutazzjoni biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti aħħarin jibqgħu aġġornati fid-dawl tar-ritmu mgħaġġel li bih jinbidlu l-mudelli kummerċjali u l-imġiba tal-konsumatur.
Il-mandat jipprevedi aktar kooperazzjoni fost l-istati membri biex l-operaturi ikollhom aċċess f'waqtu u b'mod prevedibbli għal spettru tar-radju. Madankollu, it-test tal-Kunsill jagħraf li l-aħjar mod kif jintuża spettru jvarja minn post għal ieħor fl-UE, għal għadd ta' raġunijiet, inkluż il-ġeografija fiżika, id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni, il-kondizzjonijiet tas-suq u l-fruntieri ma' pajjiżi mhux membri tal-UE. Huwa jqis ukoll il-fatt li l-istati membri jistgħu jeħtieġ xi flessibbiltà biex jirreaġixxu għal bidliet teknoloġiċi u tas-suq fil-ġestjoni tagħhom tal-ispettru.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill taġġorna r-regoli attwali dwar l-aċċess mill-operaturi għal netwerks biex titħeġġeġ il-kompetizzjoni u biex ikun eħfef għall-kumpanniji biex jinvestu f'infrastruttura ġdida, inkluż f'żoni aktar remoti. Il-mandat jippermetti lill-awtoritajiet inaqqsu l-livell ta' regolamentazzjoni sal-punt fejn is-swieq ikunu kompetittivi iżda jintroduċi salvagwardji fejn dawn huma meħtieġa biex jiġi żgurat li ma tiddgħajjifx ir-regolamentazzjoni effettiva tas-suq.
Il-Kunsill iżomm l-approċċ regolatorju fundamentali ibbażat fuq 'saħħa sinjifikanti fis-suq' (SSS), li ta prova tal-valur tiegħu tul is-snin biex jinfetħu s-swieq għal parteċipanti ġodda fis-suq. Madankollu, hekk kif l-atturi fis-suq qed isiru dejjem aktar kumplessi, ir-regolamentazzjoni tas-SSS waħedha mhix biżżejjed biex tiżgura l-kompetizzjoni fil-każijiet kollha. Għaldaqstant, ir-regoli dwar is-SSS ser jiġu kkomplementati bir-regolamentazzjoni simetrika tal-fornituri kollha ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika f'ċerti sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, il-mandat tal-Kunsill jintroduċi xi għodod addizzjonali biex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet li jistgħu jirriżultaw f'ċerti ċirkostanzi tas-suq, bħal sitwazzjonijiet duwopolistiċi.
Il-mandat ingħata mill-ambaxxaturi tal-istati membri waqt laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper I).
Hu mistenni li sal-aħħar ta' Ottubru ssir laqgħa esploratorja inizjali ta' 'trilogu' mal-Parlament Ewropew, jekk il-Parlament jikkonferma, fis-seduta plenarja li jmiss tiegħu, li dan huwa possibbli.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024