- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Ottubru 2017 23:25
Estensjoni tar-regoli attwali dwar l-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet - intlaħaq ftehim proviżorju
Fit-18 ta' Ottubru, il-Presidenza Estonjana laħqet qbil proviżorju mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew dwar regolament biex id-dispożizzjonijiet eżistenti li jkopru attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) jiġu estiżi lil hinn mill-2016 u biex titħejja l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021. It-test proviżorju ser jiġi ppreżentat lill-ambaxxaturi għall-UE għal approvazzjoni politika.
Dan ir-regolament ġdid huwa reazzjoni għad-deċiżjoni li ntlaħqet f'Ottubru 2016 mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex tiddaħħal miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 sabiex tirregola l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali permezz ta' sistema ta' kumpens, magħrufa wkoll bħala CORSIA (Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali). L-UE tappoġġa din il-miżura u għandha l-għan li tissieħeb fil-fażi 'pilota' tal-iskema fl-2021 fuq bażi volontarja.
Sadanittant, l-adozzjoni ta' dan ir-regolament ġdid qabel tmiem is-sena hija rekwiżit indispensabbli biex ikun evitat kull vojt ġuridiku fir-rigward tal-konformità mar-regolament attwali dwar l-ETS fl-2017. Il-ftehim tal-lum jippermetti li din l-adozzjoni sseħħ fil-ħin. Id-dati għar-rapportar u ċ-ċediment ta' kwoti ta' emissjonijiet fl-2017 huma l-31 ta' Marzu u t-30 ta' April 2018 rispettivament.
"L-UE temmen li t-titjiriet kollha għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Nappoġġaw bis-sħiħ in-negozjati tal-ICAO għall-iżvilupp ta' regoli komprensivi u unifikati internazzjonali sabiex dan jissarraf f’realtà. Sadanittant, l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament hija kruċjali. Aħna ser nipprovdu ċertezza legali għal operaturi tal-inġenji tal-ajru u niżguraw li titjiriet Ewropej ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet wara l-2016."
Siim Kiisler, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Estonja
L-elementi prinċipali tal-ftehim proviżorju huma dawn li ġejjin:
- li jinżammu l-limiti attwali fl-ambitu tal-EU ETS, b'mod partikolari billi tiġi estiża d-deroga għal titjiriet barra ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) sal-31 ta' Diċembru 2023, meta ser tibda l-'ewwel' fażi tal-CORSIA;
- li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal rieżami bl-għan li tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq fi ħdan l-UE, partikolarment fid-direttiva dwar l-ETS, ladarba jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet kollha tal-ICAO;
- soġġett għal dan ir-rieżami, li tkun prevista l-applikazzjoni tal-Fattur Lineari ta' Tnaqqis, kif stabbilit fid-direttiva dwar l-ETS, fis-settur tal-avjazzjoni mill-2021 'il quddiem.
Inħarġet ukoll dikjarazzjoni li tenfasizza l-ħtieġa li l-ICAO jaġixxi bi trasparenza sħiħa u li jintlaħqu l-partijiet ikkonċernati kollha biex dawn ikunu infurmati dwar il-progress u d-deċiżjonijiet f'ħin debitu.
Barra minn hekk, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar miżuri ta' salvagwardja biex jippreservaw l-integrità tal-UE ETS f'każ tal-waqfien tal-obbligi tal-operaturi tal-avjazzjoni u operaturi oħra minn stat membru.
Il-kronoloġija u l-passi li jmiss
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha fit-3 ta' Frar 2017 u ppreżentatha lill-Kunsill Ambjent fit-28 ta' Frar. Fil-21 ta' Ġunju, l-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar l-mandat tal-Kunsill għal negozjati mal-Parlament Ewropew. Dan tal-aħħar ivvota waqt il-plenarja tat-13 ta' Settembru. Sussegwentement, iż-żewġ koleġiżlaturi attendew l-ewwel laqgħa tat-trilogu fil-25 ta’ Settembru.
Ladarba l-ftehim jiġi approvat mill-ambaxxaturi għall-UE, il-Parlament u l-Kunsill ser jiġu mitluba jadottaw ir-regolament il-ġdid fl-ewwel qari. Wara, huwa jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali.
ETS u l-ICAO - kuntest
L-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tnediet fl-2005 biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fil-livell tal-UE. Is-settur tal-avjazzjoni huwa parti mir-regolament eżistenti dwar l-ETS. L-emissjonijiet mill-avjazzjoni jiffurmaw ukoll parti mill-għan tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'20% sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990.
Fl-2014, l-UE ddeċidiet li tnaqqas l-ambitu tal-iskema tal-ETS biex din tapplika biss għal titjiriet fi ħdan iż-ŻEE bl-għan li jiġi ffaċilitat il-progress fin-negozjati fi ħdan l-ICAO, u bit-tama li tinkiseb ċarezza fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet internazzjonali li jikkollegaw iż-ŻEE u pajjiżi terzi. Imbagħad ġie deċiż li d-deroga għat-titjiriet mhux fi ħdan iż-ŻEE għandha tapplika biss sa tmiem l-2016.
Ir-riforma tal-ETS bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata għall-perijodu 2021-2030. Rieżami tar-riforma huwa ppjanat għal meta jsiru ċari l-obbligi legali tal-ICAO fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq. Ser tiġi żgurata wkoll konsistenza mal-impenn tal-UE, taħt il-Ftehim ta' Pariġi, li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-inqas 40 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990.
Il-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO għandha l-għan li tnaqqas iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra fis-settur tal-avjazzjoni u li żżomm l-emissjonijiet fl-istess livell mill-2020 'il quddiem. L-applikazzjoni tal-miżura ser issir obbligatorja fl-2027 għall-pajjiżi importanti fil-qasam tal-avjazzjoni, iżda fl-2021 ser titnieda fażi 'pilota' fuq bażi volontarja.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024