Skip to content

Riforma tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet

Mad-daqqa t'għajn

L-elementi ewlenin tad-deċiżjoni li tistabbilixxi riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-EU ETS huma:

  • l-MSR ser tkun stabbilita fl-2018 u tibda taħdem mill-1 ta’ Jannar 2019
  • tiskatta aġġustamenti għall-volumi annwali tal-irkant jekk l-għadd ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jeċċedi l-iskala definita minn qabel tagħha
  • tpoġġi d-900 miljun ta' 'kwoti differiti' fuq l-MSR (minflok jiġu rkantati fl-2019-2020)
  • tittrasferixxi l-kwoti mhux allokati direttament lill-MSR fl-2020
  • ir-rieżami tal-EU ETS u tal-MSR għandu jqis l-aspetti tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-kompetittività, fosthom kwistjonijiet marbutin max-xogħol u l-PDG

L-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS) ġiet imnedija fl-2005 biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'mod li jkun ekonomikament kosteffettiv u effiċjenti. Hi tirrestrinġi l-volum ta' gassijiet b'effett ta' serra li jistgħu jiġu emessi mill-industrija li tuża ħafna enerġija, il-produtturi tal-enerġija u l-linji tal-ajru. Il-kwoti tal-emissjonijiet huma limitati fil-livell stabbilit mill-UE, u l-kumpaniji jirċievu jew jixtru kwoti individwali. Il-limitu jitnaqqas maż-żmien sabiex l-ammont ta’ emissjonijiet jonqos gradwalment.

F’dawn l-aħħar snin, il-kriżi ekonomika kkontribwiet għal tnaqqis fl-emissjonijiet u naqqset id-domanda għall-kwoti tal-emissjonijiet. Flimkien ma’ fatturi oħra possibbli, dan wassal għal tnaqqis fil-prezz tal-karbonju u l-akkumulu ta’ surplus kbir ta’ kwoti fis-sistema, bir-riskju li l-UE ETS tinżamm milli tipprovdi l-inċentiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mod kosteffiċjenti u milli tixpruna l-innovazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju.

It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta' serra fl-UE b’tal-inqas 40% sal-2030 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990) huwa wieħed mill-miri maqbula mill-Kunsill Ewropew bħala parti mill-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030. Billi l-EU ETS ser tkun l-istrument ewlieni biex tintlaħaq din il-mira, ir-riforma tagħha hija meħtieġa biex tiġi żgurata sistema li tiffunzjona tajjeb.

Bħala l-ewwel pass tar-riforma, reċentement l-UE adottat deċiżjoni biex tinħoloq riżerva tal-istabbiltà tas-suq (MSR) għall-EU ETS. L-għan ta’ din ir-riżerva huwa li tikkoreġi s-surplus kbir ta’ kwoti tal-emissjonijiet li akkumula fl-UE ETS u biex is-sistema ssir aktar reżiljenti fir-rigward tal-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda.

Fil-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni proposta, li tirrappreżenta rieżami aktar ġenerali tal-EU ETS. L-għan tal-proposta huwa li tieħu l-gwida tal-Kunsill Ewropew dwar ir-rwol li l-EU ETS għandha taqdi fil-kisba tal-mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra fl-2030, u tagħmilha liġi. Il-tibdil propost jimmira wkoll biex irawwem l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji biex jipproteġu l-kompetittività industrijali fl-Ewropa.

Fid-dettall

Proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS), biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju - 2015/148 (COD)

Biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE b’mill-inqas 40% sal-2030, is-setturi koperti mill-EU ETS ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 43% meta mqabbla mal-2005. Dan ifisser li l-għadd globali ta' kwoti għall-emissjonijiet ser jonqos b'rata aktar mgħaġġla minn qabel: mill-2021 bi 2.2% kull sena minflok b'1.74%. Dan huwa ekwivalenti għal tnaqqis addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ madwar 556 miljun tunnellata bejn l-2020 u l-2030 - bejn wieħed u ieħor l-istess daqs l-emissjonijiet annwali tar-Renju Unit.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-tibdil li ġej, fost l-oħrajn:

  • reviżjoni tas-sistema tal-allokazzjoni bla ħlas, b’enfasi fuqis-setturi bl-ogħla riskju li jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom barra l-UE (din tkopri madwar 50 settur)
  • għadd konsiderevoli ta’ kwoti bla ħlas imwarrba għal impjanti ġodda u li qed jiżviluppaw
  • regoli aktar flessibbli biex jiġu allinjati aħjar l-ammont ta’ kwoti bla ħlas maċ-ċifri ta’ produzzjoni
  • aġġornament tal-valuri referenzjarji kollha użati biex jitkejjel ir-rendiment tal-emissjonijiet - biex jirriflettu l-progress teknoloġiku mill-2008 'l hawn

Madwar 6.3 biljun kwota, li jiswew €160 biljun, huma mistennija jiġu allokati bla ħlas lill-kumpaniji bejn l-2021 u l-2030.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li toħloq diversi mekkaniżmi ta' appoġġ li ser jiġu stabbiliti biex jgħinu lill-industrija u s-setturi tal-enerġija jiffaċċjaw l-isfidi għall-innovazzjoni u l-investiment tat-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dawn jinkludu żewġ fondi ġodda:

  • fond għall-innovazzjoni - li jestendi l-appoġġ eżistenti għad-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi sa innovazzjonijiet deċiżivi fl-industrija
  • fond għall-modernizzazzjoni - li jiffaċilita l-investimenti fil-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u s-sistemi inġenerali tal-enerġija u jagħti spinta lill-effiċjenza enerġetika fl-10 stati membri bi dħul aktar baxx

Fil-Kunsill/Kunsill Ewropew

Proposta biex tiġi riveduta l-EU ETS għall-2021-2030

Il-proposta biex tiġi riveduta l-EU ETS qed tiġi nnegozjata permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Għalhekk, il-Kunsill jilleġisla flimkien mal-Parlament Ewropew.

Fit-28 ta’ Frar 2017, il-Kunsill Ambjent qabel dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu (approċċ ġenerali). Il-Parlament Ewropew kien qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu fil-15 ta’ Frar 2017.

Fid-9 ta’ Novembru 2017, ir-rappreżentanti tal-Presidenza Estonjana laħqu qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew. Ir-riżultat tan-negozjati ġie ppreżentat lill-ambaxxaturi għall-UE (COREPER) l-għada.

Fit-22 ta’ Novembru, il-Kunsill (l-ambaxxaturi għall-UE) approva qbil proviżorju milħuq bejn il-presidenza Estonjana u l-Parlament Ewropew. It-test maqbul issa ser jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.