Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Ġunju 2023 22:20

Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod

Illum il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar id-direttiva li tikkonċerna l-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod. It-test maqbul jissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti, iżid il-protezzjoni tal-konsumaturi, u joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal servizzi finanzjarji konklużi online, bit-telefown jew permezz ta' forom oħra ta' kummerċjalizzazzjoni remota.

Gunnar Strömmer, Ministru għall-Ġustizzja tal-Iżvezja
Ladarba d-direttiva tidħol fis-seħħ, ser jiġi żgurat livell ogħla ta' protezzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku meta jaċċessaw prodotti u servizzi finanzjarji ġodda mill-mowbajls u l-kompjuters tagħhom.
Gunnar Strömmer, Ministru għall-Ġustizzja tal-Iżvezja
Gunnar Strömmer, Ministru għall-Ġustizzja tal-Iżvezja

Suq diġitali, protezzjoni diġitali

Bl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informatika, għadd dejjem akbar ta' servizzi finanzjarji bħal kreditu, assigurazzjoni, investimenti jew pjanijiet tal-pensjoni jiġu promossi online, u l-kuntratti għal dawn is-servizzi jiġu konklużi mill-bogħod.

Dan jista' jiffaċilita l-aċċess għal prodotti finanzjarji klassiċi jew innovattivi, iżda l-konsumaturi spiss ikunu aktar vulnerabbli għal prattiki bħall-użu ta' interfaċċi ddisinjati biex iqarrqu bl-utenti u jiddevjaw l-attenzjoni tagħhom lejn prodotti jew servizzi li ma xtaqux jabbonaw għalihom (dark patterns) jew kuntratti twal, qarrieqa jew mhux ċari li, ladarba jiġu ffirmati, ikun diffiċli li l-utenti jirtiraw minnhom.

L-għadd dejjem jikber ta' servizzi finanzjarji mill-bogħod, b'mod partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19, kien jeħtieġ l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f'dan il-qasam, jiġifieri d-direttiva tal-2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni remota ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi.

Il-proposta tal-Kummissjoni, ippreżentata fil-11 ta' Mejju 2022, tħassar id-direttiva tal-2002 u tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda għall-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod bħala kapitolu addizzjonali tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur li jipproteġu lill-konsumaturi f'kull tip ta' prattika kummerċjali. Din tissimplifika l-qafas leġiżlattiv u ċerti artikoli tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur ser japplikaw ukoll għas-servizzi finanzjarji mibjugħa mill-bogħod.

Elementi ewlenin tal-ftehim

Il-ftehim politiku jiċċara l-kamp ta' applikazzjoni u l-element ta' xibka ta' sikurezza fid-direttiva, b'mod partikolari għas-servizzi finanzjarji li huma esklużi minn leġiżlazzjoni settorjali oħra jew li huma koperti minnha parzjalment biss.

Il-ftehim itejjeb ir-regoli dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni u għandu l-għan li jimmodernizza l-obbligi ta' informazzjoni prekuntrattwali u jżomm il-possibbiltà għall-istati membri li jimponu regoli nazzjonali aktar stretti f'dan il-qasam, u b'hekk jiġi evitat kwalunkwe riskju li jitbaxxa l-livell ta' protezzjoni għall-konsumaturi.

F'każ li l-kummerċjant juża għodod online, bħal robo-advice jew chatbots, il-konsumatur ser ikollu d-dritt li jitlob intervent uman, sabiex jifhem aħjar l-effetti tal-kuntratt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew tagħha.

Il-ftehim jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta' rtirar minn kuntratti konklużi mill-bogħod permezz tal-inklużjoni ta' "funzjoni ta' rtirar" fl-interfaċċa tal-fornitur tas-servizz li tkun tista' tinstab faċilment. L-għan ta' din il-funzjoni ta' rtirar huwa li żżid l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet ta' rtirar tagħhom u tiżgura li l-irtirar minn kuntratt ma jkunx aktar diffiċli mid-dħul fih. Peress li dan huwa importanti għal kull tip ta' bejgħ mill-bogħod, il-funzjoni ta' rtirar tapplika għall-kuntratti kollha konklużi mill-bogħod, u mhux biss għall-kuntratti ta' servizzi finanzjarji.

It-test il-ġdid jintroduċi protezzjoni addizzjonali għall-konsumaturi minn dark patterns. Ladarba t-test maqbul jidħol fis-seħħ, l-istati membri ser ikollhom jieħdu miżuri biex jillimitaw l-użu ta' tekniki ta' kummerċjalizzazzjoni li jinqdew b'dark patterns biex jinfluwenzaw l-għażliet tal-konsumatur.

Il-ftehim politiku jżid ukoll aktar dispożizzjonijiet mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur għall-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ mhux mitlub (jintbagħtu oġġetti jew servizzi mhux mitluba lil klijenti potenzjali biex isir bejgħ).

Il-passi li jmiss

Il-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum mal-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiġi approvat u adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.

Kuntest

Ir-rieżami tad-direttiva tal-2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni remota ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi huwa parti mill-aġenda għall-konsumaturi l-ġdida tal-Kummissjoni, li ġiet appoġġata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet relatati tiegħu fil-21 ta' Frar 2021.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Jannar 2025