"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Att dwar il-materja prima kritika: il-Kunsill jadotta pożizzjoni ta' negozjar
Illum il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu ("mandat ta' negozjar") dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika, magħruf aħjar bħala l-Att dwar il-Materja Prima Kritika. Dan ir-regolament jisfrutta l-karatteristiċi b'saħħithom kemm tas-Suq Uniku kif ukoll tas-sħubijiet biex jiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika, li bħalissa jiddependu minn importazzjonijiet minn għadd żgħir ta' pajjiżi terzi.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tgħolli l-livell ta' ambizzjoni għall-materja prima riċiklata u pproċessata, issaħħaħ il-kriterji ta' sostenibbiltà, tadatta l-proċess tal-għoti ta' permessi u tesplora l-obbligi fuq l-istati membri biex jiżguraw li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tagħhom.
F'dak li għandu x'jaqsam mal-materja prima, id-destin tal-Ewropa jinsab l-iktar f'idejn ftit pajjiżi terzi. Bl-Att dwar il-Materja Prima, nixtiequ nerġgħu niksbu l-awtonomija tagħna b'mod tassew Ewropew: b'estrazzjoni sostenibbli tal-minerali tagħna; billi nirriċiklaw kemm nistgħu u naħdmu fi sħubija ma' pajjiżi terzi tal-istess fehma biex nippromwovu l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tagħhom, filwaqt li niżguraw il-ktajjen tal-provvista tagħna.
Ebba Busch, Ministru għall-Enerġija, in-Negozju u l-Industrija u Viċi Prim Ministru tal-Iżvezja
L-iżgurar tal-provvista mill-Unjoni u minn barra
Ir-regolament propost jesplora d-dimensjonijiet interni u esterni tal-kwistjoni biex tiġi żgurata l-provvista ta' materja prima li hija kritika għall-ekonomija tagħna, u b'mod partikolari għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Il-proposta tal-Kummissjoni stabbiliet erba' objettivi biex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-materja prima Ewropea:
tal-inqas 10% tal-konsum annwali tal-UE għandu jiġi minn estrazzjoni mill-UE
tal-inqas 40% tal-konsum annwali tal-UE għandu jiġi minn ipproċessar fl-UE
tal-inqas 15% tal-konsum annwali tal-UE għandu jiġi minn riċiklaġġ domestiku
mhux aktar minn 65% tal-konsum annwali tal-Unjoni ta' kull materja prima strateġika fi kwalunkwe stadju rilevanti tal-ipproċessar għandu jiġi minn pajjiż terz waħdieni
Biex jinkisbu dawn l-objettivi, ir-regolament jistabbilixxi lista ta' 34 materja prima kritika, inkluż 16 li huma wkoll meqjusa ta' importanza strateġika, u għadd ta' miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tad-dipendenzi li għandna bħalissa. Dawn il-miżuri jinkludu s-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-permessi għal proġetti meqjusa strateġiċi, b'punti ta' kuntatt nazzjonali maħtura, analiżi tar-riskji, pjanijiet ta' esplorazzjoni tal-istati membri, investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħiliet u l-ħarsien tal-ambjent permezz tal-promozzjoni taċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà tal-materja prima.
Fix-xena dinjija, ir-regolament jidentifika miżuri għad-diversifikazzjoni tal-importazzjoni ta' materja prima kritika. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-impenn u l-ħolqien ta' sħubijiet ma' pajjiżi affidabbli biex jiġi promoss l-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista għall-Ewropa.
Ir-regolament jistabbilixxi l-ħolqien ta' korp konsultattiv, il-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika, biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-għażla ta' proġetti strateġiċi u aspetti oħrajn tar-regolament.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill
Filwaqt li l-Kunsill jaqbel mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni, jipproponi għadd ta' punti ta' titjib biex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri. B'mod partikolari
jgħolli l-livell ta' ambizzjoni għall-kapaċità ta' pproċessar u ta' riċiklaġġ: minn 40 sa 50% għall-ipproċessar u minn 15 sa 20% għar-riċiklaġġ
iżid il-Boksajt/Alumina/Aluminju bħala materja prima strateġika u kritika.
jitlob aġġornament aktar frekwenti tal-lista ta' materja prima kritika u strateġika (tal-inqas kull tliet snin, minflok kull erba' snin)
isaħħaħ il-miżuri nazzjonali għas-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità, bħal:
żieda fl-użu mill-ġdid ta' prodotti b'potenzjal għoli għall-irkupru ta' materja prima
l-inċentivar tal-irkupru ta' materja prima kritika sekondarja mill-iskart
l-identifikazzjoni ta' faċilitajiet tal-iskart tal-estrazzjoni fejn tista' tiġi rkuprata materja prima sekondarja
il-promozzjoni tal-irkupru tal-kalamiti minn prodotti fi tmiem ħajjithom
filwaqt li juri l-attenzjoni mistħoqqa għas-sistemi amministrattivi differenti ta' kull pajjiż, jippermetti lill-istati membri jaħtru punt ta' kuntatt wieħed jew aktar (pereżempju fir-reġjuni). Madankollu, l-istati membri għandhom jgħinu lill-promoturi tal-proġetti jidentifikaw il-punti ta' kuntatt maħturin fuq sit web ad hoc
jiffaċilita l-proċeduri tal-permessi għal proġetti strateġiċi
jeskludi lill-istati membri li m'għandhomx kundizzjonijiet ġeoloġiċi rilevanti, u li jipprovdu evidenza ta' dan, mill-obbligu li jwettqu programmi nazzjonali ta' esplorazzjoni
jiżgura t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern permezz ta' obbligi ta' monitoraġġ aktar stretti li jikkonċernaw il-kompetizzjoni u l-moviment liberu tal-materja prima
fl-aħħar nett, jiċċara r-rwoli tal-Bord għall-Materja Prima Kritika, billi jallinjah aktar mill-qrib ma' korpi simili oħrajn (jiġifieri l-Bord tal-Att dwar iċ-Ċipep). Joħloq ukoll sottogrupp fi ħdan il-bord biex jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-għarfien pubbliku u l-aċċettazzjoni ta' proġetti ta' materja prima kritika u ieħor biex jiddiskuti miżuri għall-promozzjoni taċ-ċirkolarità, l-effiċjenza fir-riżorsi u s-sostituzzjoni ta' materja prima kritika
Il-passi li jmiss
Il-mandat ta' negozjar miftiehem illum jifformalizza l-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill. Dan jagħti mandat lill-presidenza tal-Kunsill għal negozjati mal-Parlament Ewropew, li ser jibdew hekk kif il-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu.