"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Standards għall-korpi tal-ugwaljanza: il-Kunsill jasal għal ftehim mal-Parlament
Din l-istqarrija għall-istampa ġiet aġġornata fil-21 ta' Diċembru 2023 biex jiżdied it-test maqbul.
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE waslet għal ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar liġi ġdida li tgħin fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni sesswali fuq il-post tax-xogħol billi ssaħħaħ l-indipendenza u l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza tal-UE. Id-direttiva maqbula llum ser tistabbilixxi standards vinkolanti għall-korpi tal-ugwaljanza li jittrattaw it-trattament u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma tal-impjiegi u x-xogħol.
Jekk ġenwinament irridu niġġieldu d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, mhux biżżejjed li sempliċiment nipprojbuha – jeħtieġ ukoll niżguraw li r-regoli jiġu infurzati b'mod effettiv. Il-ftehim tal-lum jipprovdi lill-korpi tal-ugwaljanza tal-UE bil-kompetenzi, l-indipendenza u r-riżorsi li jeħtieġu biex jaġixxu f'każi ta' atti ta' diskriminazzjoni u jappoġġaw lill-vittmi.
Ana Redondo, Ministru għall-Ugwaljanza ta' Spanja
Bħalissa, l-istati membri kollha tal-UE huma diġà mitluba jistabbilixxu korpi nazzjonali biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, iżda l-mandat u l-kompetenzi ta' dawn il-korpi jvarja minn stat membru għal ieħor.
Ir-regoli l-ġodda maqbula llum mal-Parlament ser jistabbilixxu rekwiżiti minimi komuni mal-UE kollha għall-korpi tal-ugwaljanza f'għadd ta' oqsma ewlenin. Dawn jinkludu:
kompetenzi msaħħa għall-korpi tal-ugwaljanza biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol, inkluż l-impjieg indipendenti
rekwiżit legali biex il-korpi tal-ugwaljanza jkunu indipendenti minn influwenza esterna
biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji
rekwiżit għall-istituzzjonijiet pubbliċi li jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni, u li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jippromwovu t-trattament ugwali, pereżempju permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri
setgħat akbar biex jitwettqu inkjesti u soluzzjoni tat-tilwim f'każijiet ta' diskriminazzjoni, f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali
Il-ftehim mal-Parlament jiċċara wkoll id-definizzjoni tat-terminu "vittma" bħala li jinkludi "il-persuni kollha li jqisu li esperjenzaw diskriminazzjoni", filwaqt li jiċċara li kull persuna tista' tfittex l-għajnuna mill-korpi tal-ugwaljanza jekk taħseb li tkun ġiet iddiskriminata minħabba s-sess tagħha.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim proviżorju issa jrid jiġi approvat mill-Kunsill u mill-Parlament. Dan imbagħad jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet wara reviżjoni mill-ġuristi lingwisti. Wara li jitlestew il-passi formali tal-adozzjoni, l-istati membri ser ikollhom 24 xahar biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Informazzjoni ġenerali
Il-korpi tal-ugwaljanza huma istituzzjonijiet pubbliċi li jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza tistipula li l-istati membri kollha jridu jistabbilixxu korpi nazzjonali tal-ugwaljanza biex jittrattaw każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, jew oriġini razzjali jew etnika.
Skont il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-korpi tal-ugwaljanza, l-istati membri għandhom marġni wiesa' ta' diskrezzjoni, li qed jwassal għal differenzi sinifikanti mal-UE kollha fir-rigward tal-kompetenzi, l-indipendenza, ir-riżorsi, l-aċċessibbiltà u l-effettività ta' dawn il-korpi.
Fis-7 ta' Diċembru 2022 il-Kummissjoni ppubblikat żewġ proposti għat-tisħiħ tal-korpi tal-ugwaljanza:
proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol, bl-Artikolu 157 TFUE bħala l-bażi legali (proċedura leġiżlattiva ordinarja)
proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, bl-Artikolu 19(1) TFUE bħala l-bażi legali (proċedura ta' approvazzjoni)
Peress li l-leġiżlazzjoni li qed tiġi riveduta hija bbażata fuq żewġ proċeduri leġiżlattivi differenti, kien meħtieġ li jiġu ppubblikati żewġ proposti tal-Kummissjoni, minkejja li l-kontenut tagħhom huwa sostanzjalment l-istess.
Il-ministri tal-UE għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali qablu dwar l-approċċ ġenerali tal-Kunsill għal kull waħda mid-direttivi fil-laqgħa tagħhom tat-12 ta' Ġunju 2023. In-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar id-direttiva proposta dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza (l-Artikolu 157 TFUE) bdew fit-28 ta' Novembru 2023.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: