- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Jannar 2025 16:45
Ittra ta' stedina mill-President António Costa lill-membri tal-Kunsill Ewropew
Kif diġà indikajtilkom, nixtieq nistedinkom għal irtir informali li ser isir fit-3 ta' Frar fix-Château de Limont, qrib Brussell, iddedikat għas-suġġett tad-difiża Ewropea.
Nemmen li nevalwaw b’mod simili t-theddid li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa. L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ġabet gwerra ta' intensità kbira lura lejn il-kontinent tagħna – bi ksur tal-prinċipji ewlenin tal-liġi interrnazzjonali u theddida għas-sigurtà Ewropea – flimkien ma' attakki ibridi u ċibernetiċi dejjem akbar fuq l-Istati Membri u l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. Il-paċi fl-Ewropa tiddependi fuq ir-rebħa ta' paċi komprensiva, ġusta u dejjiema mill-Ukrajna. Dan il-kuntest ġeopolitiku, li huwa kkaratterizzat ukoll mis-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, ser jibqa' sfida fil-futur prevedibbli.
L-għan ta' din il-laqgħa huwa li twitti t-triq għad-deċiżjonijiet li ser ikollna nieħdu u li tipprovdi gwida lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli hekk kif iħejju white paper dwar il-futur tad-difiża Ewropea, li ser tkopri inizjattivi konġunti ta' difiża u r-riżorsi meħtieġa biex dawn jiġu żviluppati. Kif previst fl-Aġenda tal-Mexxejja, l-għan tiegħi huwa li nerġa' lura għas-suġġett tad-difiża fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2025.
Nipproponi li nibbażaw id-diskussjoni tagħna fuq żewġ prinċipji ewlenin.
L-ewwel nett, jeħtieġ li l-Ewropa ġġorr responsabbiltà akbar għad-difiża tagħha stess. Jeħtieġ li ssir aktar reżiljenti, aktar effiċjenti, aktar awtonoma u attur tas-sigurtà u tad-difiża aktar affidabbli. B'dan il-mod, issir ukoll sieħeb transatlantiku aktar b'saħħtu, inkluż fil-kuntest tan-NATO, b'rispett sħiħ tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri u b'kont meħud tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha.
F'dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri diġà żiedu n-nefqa tagħhom fuq id-difiża nazzjonali. Madankollu nafu li huma meħtieġa investimenti addizzjonali konsiderevoli fid-difiża sabiex jiġu rikostitwiti l-istokkijiet, tiġi aġġornata t-tħejjija tagħna għad-difiża għal spettru wiesa' ta' theddid – b'enfasi fuq prijoritajiet strateġiċi u lakuni kritiċi fil-kapaċitajiet – u tissaħħaħ il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea kif xieraq.
It-tieni, l-Istati Membri ser ikunu dejjem responsabbli għall-forzi armati tagħhom. Fl-istess ħin, għandna interess komuni li nikkooperaw aktar mill-qrib fil-livell Ewropew sabiex nimmassimizzaw l-ekonomiji ta' skala u nnaqqsu l-ispejjeż, niggarantixxu l-interoperabbiltà, niżguraw domanda stabbli u dejjiema – sabiex l-industrija tagħna tkun aktar prevedibbli – u nipprevjenu d-duplikazzjoni. Il-livell ta' investiment, inkluż fir-riċerka u l-iżvilupp, meħtieġ biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħna mhuwiex affordabbli għall-Istati Membri individwali li jaġixxu waħedhom. Barra minn hekk, id-difiża effettiva hija "ġid komuni" li minnu jgawdu l-Ewropej kollha.
Iż-żieda fl-investiment fid-difiża trid tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-koeżjoni ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea permezz ta' settur industrijali li jkun kapaċi jiżviluppa l-eċċellenza teknoloġika tiegħu madwar l-Unjoni Ewropea u jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi. L-għan tat-tisħiħ tad-difiża Ewropea għandu jitqies fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni.
Sabiex inħejju l-passi li jmiss, nissuġġerixxi li niffukaw id-diskussjoni tagħna fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:
- X'għandhom ikunu – u kif niddefinixxu – il-kapaċitajiet ta' difiża li neħtieġu li niżviluppaw b'mod kollaborattiv bħala kwistjoni ta' prijorità, minħabba l-importanza tagħhom għas-sigurtà kollettiva tal-UE?
- Naqblu li nonfqu aktar u aħjar flimkien? Kif nistgħu naċċelleraw il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat, u permezz ta' liema strumenti tal-UE? Kif l-aħjar nistgħu nużaw il-baġit tal-UE, fuq terminu qasir, medju u twil? Fil-kuntest tal-ħtiġijiet finanzjarji konsiderevoli, x'għażliet komuni addizzjonali jistgħu jitqiesu?
- Kif nistgħu nsaħħu u napprofondixxu aktar is-sħubijiet eżistenti? X'għandhom ikunu l-għanijiet u l-prijoritajiet tagħna ma' sħab Ewropej mhux fl-UE?
Stedint lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO biex jingħaqad magħna għall-ikla ta' nofsinhar. Dan ser joffrilna opportunità f'waqtha biex niddiskutu l-aktar kwistjonijiet urġenti relatati mad-difiża, b'mod partikolari l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.
Ser ningħaqdu mal-Prim Ministru tar-Renju Unit għal ikla ta' ħidma qabel is-Summit bejn l-UE u r-Renju Unit li ser isir aktar tard din is-sena. Din l-ikla ta' filgħaxija ser tkun l-ewwel darba li l-Prim Ministru Starmer ser jiltaqa' mas-27 Mexxej. Ir-Renju Unit huwa sieħeb ewlieni għall-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-qasam tad-difiża. Nistenna li d-diskussjoni tiffoka fuq dik id-dimensjoni tar-relazzjoni tagħna.
Fir-rigward tal-koreografija, ser nibdew il-laqgħa tagħna fil-11:00 bi skambju ta' fehmiet mal-President tal-Parlament Ewropew. Imbagħad ser ikollna l-ewwel diskussjoni bejn is-27, wara l-ikla ta' nofsinhar mas-Segretarju Ġenerali Rutte, it-tieni sessjoni bejnietna u l-ikla ta' filgħaxija mal-Prim Ministru Starmer.
Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru Tusk għall-kooperazzjoni mill-qrib fit-tħejjija għal din il-laqgħa.
Nistenna bil-ħerqa d-diskussjonijiet tagħna fit-3 ta' Frar
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025