"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni

Sa mill-bidu tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fi Frar 2022, l-esportazzjoni taċ-ċereali mill-Ukrajna kienet interrotta b'mod gravi. Bastimenti militari Russi damu aktar minn erba' xhur jimblukkaw il-portijiet Ukreni fil-Baħar l-Iswed.

Bejn Lulju 2022 u Lulju 2023, kien hemm ftehim bejn in-Nazzjonijiet Uniti, it-Turkija u r-Russja biex jippermettu l-esportazzjonijiet permezz ta' kuritur umanitarju marittimu sikur fil-Baħar l-Iswed (l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali).Matul l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, aktar minn 1 000 bastiment mimlija ċereali u oġġetti tal-ikel oħra telqu mill-Ukrajna minn tliet portijiet Ukreni (Chornomorsk, Odesa u Yuzhny/Pivdennyi).

Fis-17 ta' Lulju 2023, ir-Russja ħabbret id-deċiżjoni tagħha li ttemm l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.

X'ġie esportat permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali?

Sa Lulju 2023, kienu ġew esportati kważi 33 miljun tunnellata ta' ċereali u prodotti oħra tal-ikel permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.

Aktar minn 50% tal-merkanzija kienet qamħirrum, iċ-ċereali l-aktar affettwati mill-imblukkar fil-matmuriet Ukreni fil-bidu tal-gwerra. Dan kellu jiċċaqlaq malajr biex jagħmel il-wisa' għall-qamħ mill-ħsad tas-sajf.

X'ġie esportat permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali?

Verżjoni testwali

Grafika li turi s-sehem ta' diversi ċereali fl-esportazzjoni permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali (aġġustati għad-dritt):

  • Qamħirrum: 51%
  • Qamħ: 27%
  • Prodotti tal-ġirasol: 11%
  • Oħrajn: 10%

Fejn intbagħtu ċ-ċereali Ukreni?

65% tal-qamħ esportat permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali wasal f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-qamħirrum ġie esportat lejn pajjiżi żviluppati kważi daqs kemm jiġi esportat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Sehem tal-esportazzjoni taċ-ċereali skont il-ġid tal-pajjiż

Verżjoni testwali

Sett ta' żewġ grafiki li juru d-destinazzjoni tal-qamħ u l-qamħirrum permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.

65% tal-qamħ ġie esportat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u 35% lejn pajjiżi żviluppati.

Għall-qamħirrum, il-proporzjon kien kważi l-istess: 51% ġie esportat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u 49% lejn pajjiżi żviluppati.

Anke l-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (WFP – l-akbar organizzazzjoni umanitarja fid-dinja) wassal ukoll il-qamħ mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed. Sa Lulju 2023, il-programm kien xtara 80% tal-istokk tal-qamħ tiegħu mill-Ukrajna, żieda minn 50% qabel il-gwerra. Aktar minn 725 000 tunnellata ta' qamħ ħallew il-portijiet Ukreni lejn l-Etjopja, il-Jemen, l-Afganistan, is-Sudan, is-Somalja, il-Kenja u l-Djibouti matul l-implimentazzjoni tal-inizjattiva.

Sehem tal-esportazzjoni skont il-prodott bażiku u l-ġid tal-pajjiż

Verżjoni testwali

Grafika li turi s-sehem ta' diversi ċereali u destinazzjonijiet tal-esportazzjoni totali permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.

Il-qamħ esportat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw irrappreżenta 17.6% tal-esportazzjoni totali taċ-ċereali, filwaqt li l-qamħ mibgħut lil pajjiżi żviluppati ammonta għal 9.5%.

Il-qamħirrum esportat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw irrappreżenta 26.4% tal-esportazzjoni totali tal-qamħ, filwaqt li l-qamħirrum mibgħut lil pajjiżi żviluppati ammonta għal 24.5%.

Il-prodotti tal-ġirasol esportati lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw irrappreżentaw 9.2% tal-esportazzjoni totali taċ-ċereali, u dawk esportati lejn pajjiżi żviluppati 2.2%.

L-UE hija produttur u esportatur dinji ewlieni tal-qamħ. Huwa stmat li l-UE esportat 31 miljun tunellata ta' qamħ fis-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2022/23. Il-pajjiżi destinatarji jinkludu l-Alġerija, il-Marokk, l-Eġittu, il-Pakistan u n-Niġerja.

Kif inbidlu l-prezzijiet tal-ikel minħabba l-gwerra?

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kkawżat żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-ikel fis-swieq dinjija. Il-prezzijiet taċ-ċereali għolew b'mod partikolarment qawwi.

Kemm il-korsiji ta' solidarjetà (rotot maħluqa mill-UE biex tgħin lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli tagħha, fost prodotti oħra) kif ukoll l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali taw kontribut notevoli għat-tnaqqis tal-prezzijiet.

Verżjoni testwali

Grafika lineari li turi kif il-prezzijiet taċ-ċereali u tal-qamħ inbidlu bejn Jannar 2021 u Awwissu 2023, abbażi tal-indiċijiet tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. Il-prezzijiet żdiedu b'mod sinifikanti fi żmien id-data tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u baqgħu għolja sa Mejju 2022. Fl-aħħar ta' Mejju, ġew stabbiliti korsiji ta' solidarjetà, u minn hemm il-prezzijiet bdew jonqsu. L-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali tnediet f'Lulju 2022. Il-prezzijiet bdew jogħlew kemxejn f'Settembru u Ottubru 2022, iżda reġgħu niżlu f'Novembru u Diċembru 2022. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-prezzijiet komplew jonqsu gradwalment, b'xi fluttwazzjonijiet. Iżda meta f'Lulju 2023 ir-Russja ħabbret li ħarġet mill-inizjattiva, il-prezzijiet reġgħu żdiedu. Għad hemm inċertezza fil-prezzijiet.

Iż-żamma tal-fluss taċ-ċereali Ukreni għadha kruċjali biex tiżgura s-sigurtà dinjija tal-ikel.