Trasport aktar ekoloġiku
Huwa importanti li s-settur tat-trasport isir aktar sostenibbli sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea timmira li tagħmel il-mobbiltà aktar sostenibbli filwaqt li tiżgura l-konnettività.
Għaliex it-trasport huwa importanti biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi
Meta adottaw il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-pajjiżi tal-UE impenjaw ruħhom li jagħmlu lill-UE newtrali għall-klima sal-2050. Biex tilħaq dan l-għan, sal-2030 l-UE ser tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha b'mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Ser tkompli wkoll tnaqqas progressivament l-emissjonijiet sal-2050.
Biex jagħti sehmu, is-settur tat-trasport jeħtieġ li jgħaddi minn trasformazzjoni li ser tinvolvi tnaqqis ta' 90% fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra (mqabbla mal-livelli tal-1990) sal-2050.
It-trasport jammonta għal kwart tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE
Il-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet kien aktar kajman milli f'setturi ekonomiċi oħra. Filwaqt li l-emissjonijiet naqsu b'mod sinifikanti f'setturi oħra, l-emissjonijiet tat-trasport żdiedu f'dawn l-aħħar snin. Għalhekk, huwa kruċjali li t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fl-UE jsir aktar effiċjenti u inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili.
L-UE kif qed tipprova tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport?
Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%"
Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" għandu aktar minn tnax-il proposta leġiżlattiva mfassla biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dan jallinja l-liġijiet tal-UE mal-miri klimatiċi, filwaqt li jippromwovi wkoll teknoloġiji aktar nodfa, effiċjenza enerġetika u trasport sostenibbli.
Il-pakkett kien jinkludi aġġornamenti u regoli ġodda f'diversi setturi, inkluż l-enerġija, l-industrija, il-bini u l-mobbiltà. Il-proposti varjaw minn riformi tal-ipprezzar tal-karbonju għal miri tal-enerġija rinnovabbli. Diversi proposti kellhom impatt dirett fuq it-trasport, bħal:
- ir-reviżjonijiet tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS)
- l-introduzzjoni ta' ETS ġdida għat-trasport bit-triq u l-bini
- standards ġodda tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet (il-vetturi l-ġodda kollha għandhom ikunu b'emissjonijiet żero sal-2035)
- il-promozzjoni ta' fjuwils u infrastruttura alternattivi
Il-proposti ġew adottati mill-Kunsill matul l-2023 u l-2024.
L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija
L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija hija pass ewlieni ieħor lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet, peress li l-merkanzija tammonta għal aktar minn 30% tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mat-trasport u l-volumi huma mistennija li jikbru. F'Lulju 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett biex it-trasport tal-merkanzija jsir aktar effiċjenti u sostenibbli, filwaqt li jiġu promossi għażliet aktar ekoloġiċi bħall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni.
F'Diċembru 2023, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar parti mill-pakkett: regolament ġdid li jtejjeb kif l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport jiġu kkalkulati u kondiviżi, li jgħin lill-klijenti jagħmlu għażliet aktar ekoloġiċi.
F'Ġunju 2024, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward parti oħra tal-pakkett: regolament li jtejjeb kif tintuża l-infrastruttura ferrovjarja madwar l-UE. L-għan tiegħu huwa li jagħti spinta lill-effiċjenza permezz ta' ppjanar, koordinazzjoni u ġestjoni transfruntiera aħjar tal-kapaċità ferrovjarja. Dan huwa mistenni li jkollu rwol ewlieni fit-trasferiment ta' aktar merkanzija lejn il-ferroviji.
F'Novembru 2025, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju biex jistabbilixxu metodu uniku għall-kalkolu tad-data dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, sabiex tiġi żgurata komparabbiltà aħjar ta' dawn l-emissjonijiet.
- Il-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-merkanzija: il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Diċembru 2023)
- Il-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-merkanzija: il-Kunsill jadotta pożizzjoni għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-traffiku (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Ġunju 2024)
- It-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija: ftehim proviżorju jagħti spinta lit-trasparenza u l-komparabbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (stqarrija għall-istampa, 5 ta' Novembru 2025)
- Patt Ekoloġiku Ewropew
Il-politika tat-trasport skont il-mod
Tgħallem aktar dwar x'tagħmel l-UE fir-rigward tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, bit-triq u dak marittimu.
Kontenut relatat
L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Novembru 2025