Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 14 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

Taxxi f'ras il-għajn

Il-Kunsill laħaq qbil (approċċ ġenerali) dwar id-Direttiva tal-Kunsill dwar ħelsien aktar rapidu u aktar sikur mit-taxxi f'ras il-għajn eċċessivi (FASTER).

L-allinjament tal-proċeduri tagħna ta' ħelsien mit-taxxa huwa essenzjali jekk irridu ntejbu l-funzjonament tal-unjoni tas-swieq kapitali. Ninsab kuntent li lħaqna qbil dwar din il-proposta importanti, li ser tgħin ukoll sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa tkun ħafna aktar effiċjenti. Dan ser jagħmel l-investiment f'pajjiżi oħra aktar faċli u wieħed jittama li jħeġġeġ lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b'mod partikolari biex jinvestu fis-swieq finanzjarji Ewropej, li eventwalment ser ikunu ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha.

Vincent Van Peteghem, viċi prim ministru u ministru għall-finanzi tal-Belġju

Il-VAT fl-era diġitali

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet, filwaqt li għamel progress lejn qbil, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-pakkett tal-era diġitali, li għandu l-għan li jindirizza l-frodi tal-VAT, jappoġġa lin-negozji u jippromwovi d-diġitalizzazzjoni.

Il-pakkett ifittex li jimmodernizza l-obbligi ta' rapportar għall-finijiet tal-VAT billi jistandardizzaw l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi ppreżentata mill-persuni taxxabbli għal kull tranżazzjoni u billi jimponu l-użu tal-fatturazzjoni elettronika għal tranżazzjonijiet transfruntieri, li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

Ifittex li jindirizza l-isfidi tal-ekonomija tal-pjattaformi billi jsaħħu r-rwol tal-pjattaformi fil-ġbir tal-VAT meta jiffaċilitaw il-provvista ta' servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta' trasport tal-passiġġieri.

Il-pakkett għandu wkoll l-għan li jagħmilha possibbli li wieħed jirreġistra darba biss għall-finijiet tal-VAT għall-istati membri kollha tal-UE, billi jespandi u jtejjeb il-funzjonament tas-sistemi eżistenti ta' punt uniku ta' servizz u l-mekkaniżmi tar-reverse charge.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw pjanijiet modifikati għall-irkupru u r-reżiljenza ippreżentati mill-Italja u Spanja.

L-RRF hija l-programm tal-UE ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira b'rispons għall-isfidi li ħolqot il-pandemija għall-ekonomija Ewropea.

Il-faċilità hija l-qofol ta' NextGenerationEU, strument ta' rkupru temporanju li jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor fondi sabiex tgħin fit-tiswija tad-dannu ekonomiku u soċjali immedjat li ġie kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Sergii Marchenko, il-Ministru għall-Finanzi tal-Ukrajna pparteċipa fid-diskussjoni permezz ta' konnessjoni bil-vidjo.

Il-ministri ddiskutew il-livell ta' progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna.

Il-ministri ħadu nota tal-progress li sar mill-Kunsill fir-rigward ta' profitti straordinarji mhux mistennija li jirriżultaw minn assi Russi immobilizzati.

Taħt punti mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tal-pjan għall-Ukrajna.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill ikkonkluda li l-Ukrajna tissodisfa l-prekondizzjoni għall-appoġġ taħt il-Faċilità għall-Ukrajna. Dan iwitti t-triq għal appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna matul l-erba' snin li ġejjin.

Il-Faċilità għall-Ukrajna ser tipprovdi appoġġ finanzjarju prevedibbli ta' total ta' € 50 biljun għall-Ukrajna matul il-perjodu 2024-2027.

It-tixjiħ

Abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali li jirriżultaw mit-tixjiħ.

Il-konklużjonijiet jirreferu għas-sejbiet ewlenin tar-rapport dwar it-tixjiħ tal-2024 imħejji mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (KPE). Ir-rapport ikopri n-nefqa pubblika relatata mal-età (eż. pensjonijiet u kura tas-saħħa).

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill afferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu indirizzati aktar il-konsegwenzi ekonomiċi u baġitarji tat-tixjiħ, inkluż bl-adozzjoni ta' finanzi pubbliċi sodi, iż-żieda fir-rati ta' impjieg, u l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa għal dawn l-isfidi.

G20

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-ministri tal-finanzi u tal-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 li saret fis-17 u t-18 ta' April 2024 u l-laqgħat tar-rebbiegħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

Litteriżmu finanzjarju

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-litteriżmu finanzjarju li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-unjoni tas-swieq kapitali.

It-tisħiħ tal-litteriżmu finanzjarju tan-nies huwa tal-akbar importanza għall-bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali aktar ambizzjuża, inklużiva u reżiljenti. Ninsab kuntent li l-proċess li bdejna fl-ECOFIN informali tagħna f'Ghent fi Frar 2024 issa wassal għal konklużjonijiet tal-Kunsill. Il-litteriżmu finanzjarju huwa tal-akbar importanza jekk nixtiequ nidderieġu t-tfaddil inattiv lejn proġetti ta' investiment produttiv. Aktar ma ċ-ċittadini jkollhom livell tajjeb ta' fehim fir-rigward tal-finanzi personali tagħhom, aktar ikun probabbli li jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet finanzjarji għalihom infushom u għas-soċjetà inġenerali.

Vincent Van Peteghem, viċi prim ministru u ministru għall-finanzi tal-Belġju

Il-konklużjonijiet jagħtu gwida lill-Kummissjoni u lill-istati membri dwar kif jistgħu jtejbu l-għarfien u l-fehim taċ-ċittadini dwar il-finanzi, sabiex jgħinuhom jagħmlu għażliet finanzjarji aktar infurmati u jħeġġuhom jinvestu fis-swieq finanzjarji Ewropej.

Il-konklużjonijiet isegwu d-diskussjonijiet tal-ministri fil-laqgħa informali tal-ECOFIN f'Ghent fi Frar 2024.

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dan huwa punt rikorrenti fuq l-aġenda tal-ECOFIN.

Koalizzjoni dwar il-klima

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza u l-ministru għall-finanzi Netherlandiż ippreżentaw il-programm ta' ħidma strateġiku 2024-2025 tal-Koalizzjoni tal-Ministri għall-Finanzi għall-Azzjoni Klimatika u infurmaw lill-ministri dwar l-eżitu tal-11-il laqgħa ministerjali tal-koalizzjoni li saret fis-17 ta' April matul il-laqgħa tar-Rebbiegħa tal-FMI.

Patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

Il-Kunsill adotta riforma storika tas-sistema Ewropea tal-ażil u l-migrazzjoni. Il-Kunsill adotta 10 atti leġiżlattivi, li jistabbilixxu ġabra ta' regoli li ser jgħinu fil-ġestjoni ordnata tal-wasliet ta' migranti irregolari, joħolqu proċeduri tal-ażil effiċjenti u uniformi u jiżguraw kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-istati membri. 

Djalogu makroekonomiku fil-livell politiku (MEDPOL)

Fit-13 ta' Mejju, il-Presidenza attwali u t-tnejn li jmiss (il-Belġju, l-Ungerija u l-Polonja) laqqgħu flimkien is-sħab soċjali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissjoni għad-djalogu makroekonomiku ta' darbtejn fis-sena fil-livell politiku.

Il-laqgħa offriet l-opportunità lis-sħab soċjali biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar:

  • ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali, il-prospetti u r-reazzjonijiet politiċi xierqa
  • it-tisħiħ tal-bażi ekonomika: sfidi u opportunitajiet, b'attenzjoni partikolari fuq l-aspetti ta' kompetittività

Djalogu ekonomiku u finanzjarju

Sar djalogu ekonomiku u finanzjarju fil-marġini tal-laqgħa tal-14 ta' Mejju.

Il-Presidenza attwali u t-tnejn li jmiss (il-Belġju, l-Ungerija u l-Polonja) laqqgħu flimkien il-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo1, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna, kif ukoll rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Għall-ewwel darba, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna pparteċipaw f'din il-laqgħa. L-Ukrajna pparteċipat bħala osservatur sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ħidma li diġà twettqet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Ukrajna.

L-għan tad-djalogu huwa li l-parteċipanti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fost l-Istati Membri tal-UE permezz tas-Semestru Ewropew.

Il-ministri approvaw konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u s-Sħab mill-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.


1 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025