Skip to content

Kif taħdem il-politika tat-tassazzjoni tal-UE

Il-politika tat-tassazzjoni tal-UE għandha l-għan li tiżgura l-ġustizzja u trawwem it-tkabbir billi tarmonizza r-regoli tat-tassazzjoni fl-istati membri kollha, tiġġieled kontra l-frodi u tadatta għal bidliet ekonomiċi globali. Il-Kunsill huwa l-uniku leġiżlatur dwar kwistjonijiet ta' taxxa tal-UE.

X'inhi t-tassazzjoni?

It-tassazzjoni taqdi rwol ċentrali fil-ħarsien tal-koeżjoni soċjali u s-sovranità ta' pajjiż u taġixxi bħala s-sinsla finanzjarja għal governanza effettiva.

Id-dħul pubbliku huwa s-sors ewlieni biex jiġu ffinanzjati funzjonijiet pubbliċi essenzjali bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-benefiċċji soċjali, is-sikurezza, ir-riċerka, u s-sistemi tal-infrastruttura pubblika.

Id-dħul mit-taxxi jagħti wkoll is-setgħa lill-pajjiżi li jiffinanzjaw deċiżjonijiet kruċjali li jsawru kemm l-ekonomija kif ukoll is-soċjetà.

Fl-UE, kważi 90% tad-dħul disponibbli għall-gvernijiet nazzjonali jiġi mit-taxxi. Dan jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li s-sistemi tat-taxxa fl-istati membri jkunu kapaċi jiġġeneraw id-dħul meħtieġ. Jekk id-dħul mit-taxxa ma jkunx biżżejjed, il-pajjiż jista' jkollu jirrikorri għas-self, li jwassal għal obbligi ta' dejn futuri.

Tipi ta' tassazzjoni fl-UE

L-UE ma tistax timponi u ma timponix taxxi fuq iċ-ċittadini jew il-kumpaniji. Dik hija r-responsabbiltà tal-istati membri individwali biss.

Dan ifisser li l-ammont ta' taxxi li l-Ewropej iħallsu huwa ddeterminat mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom.

It-taxxi jaqgħu f'żewġ kategoriji ewlenin: taxxi diretti u indiretti.

Tassazzjoni diretta

taxxa fuq l-introjtu personali

taxxa fuq il-profitt korporattiv (tal-kumpaniji)

Tassazzjoni indiretta

Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, it-tabakk u l-enerġija

Tassazzjoni diretta

It-taxxi diretti jiġu imposti fuq persuna jew kumpanija (negozju). Dawn jinkludu, pereżempju, it-taxxa fuq l-introjtu, it-taxxa fuq il-profitt korporattiv u t-taxxa fuq il-proprjetà.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam hija limitata għall-allinjament (l-armonizzazzjoni) ta' aspetti speċifiċi tal-liġijiet tal-istati membri. Dan jista' jsir biss sa fejn ikun meħtieġ biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku tal-UE u biex jiġu indirizzati sfidi transfruntieri komuni bħall-evażjoni tat-taxxa jew l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Tassazzjoni indiretta

It-taxxi indiretti huma imposti fuq tranżazzjoni. Fost dawn it-taxxi hemm it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-bejgħ ta' oġġetti u servizzi u d-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, il-prodotti tat-tabakk u l-enerġija. F'dawn il-każijiet il-konsumatur iħallas it-taxxa bħala parti mill-prezz tax-xiri, u l-bejjiegħ jittrasferixxi l-ammont tat-taxxa dovuta lill-awtoritajiet.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam sikwit tinvolvi l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali. Fejn ir-regoli tat-taxxa għall-bejgħ ta' oġġetti u servizzi jvarjaw ħafna madwar l-UE, dan jista' joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn in-negozji u jagħmel il-kummerċ transfruntier aktar diffiċli.

Għaliex hija meħtieġa politika tat-tassazzjoni tal-UE?

It-taxxi għandhom rwol kruċjali fit-tiswir tal-prezz tal-oġġetti u s-servizzi, u jinfluwenzaw ukoll l-imġiba tal-investituri u tal-konsumaturi. B'riżultat ta' dan, il-politika tat-tassazzjoni tista' tinċentiva l-produttività, filwaqt li ssaħħaħ l-investiment u l-innovazzjoni.

L-ekonomiji tal-UE qed iħabbtu wiċċhom mal-impatt ta' bidliet dinjija kbar, bħat-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni, kif ukoll l-effetti tat-tibdil fil-klima, l-irkupru wara l-Covid u l-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Dawn l-isfidi jaffettwaw ir-reżiljenza tas-sistemi tat-taxxa, u b'hekk joħolqu ħtieġa dejjem akbar għal allinjament mal-iżviluppi ekonomiċi attwali u futuri.

L-involviment fil-livell tal-UE huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li r-regoli u l-politiki tat-tassazzjoni jkunu kompatibbli mal-funzjonament tas-suq uniku tal-UE. Dan l-allinjament huwa kruċjali biex jinkiseb b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku, li minnu jgawdu aktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE u miljuni ta' negozji.

L-objettivi tal-UE għat-tassazzjoni

Tiġi żgurata l-ġustizzja

Xi miżuri ta' tassazzjoni jistgħu joħolqu effetti kollaterali għal stati membri oħra jew jistgħu b'mod involontarju joħolqu ostakli għall-kummerċ transfruntier. Sabiex dan jiġi evitat, ċerti regoli tat-taxxa fl-UE huma armonizzati (eż. fil-qasam tal-VAT), li jwassal għal suq intern aktar bla xkiel, u b'hekk jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet transfruntieri.

Appoġġ għat-tkabbir sostenibbli u tisħiħ tal-kompetittività

Xi miżuri tal-politika tat-tassazzjoni huma allinjati biex jiġu appoġġati l-għanijiet ekonomiċi usa' tal-UE, jiġu indirizzati sfidi bħat-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni, u l-impatti tal-kriżi klimatika, filwaqt li tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, jitnaqqsu d-disparitajiet, u jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet u investiment transfruntieri.

Jiġi ġġenerat dħul għall-baġit tal-UE

Ċerti taxxi, bħall-VAT, huma wkoll sors ta' dħul għall-baġit tal-UE. Perċentwal ta' dak li jiġbru l-istati membri jiġi ttrasferit għall-baġit tal-UE, bħala "riżorsa proprja".

L-azzjonijiet reċenti tal-UE b'rabta mat-tassazzjoni

L-UE qed taħdem fuq leġiżlazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, sabiex tappoġġa l-kompetittività u t-tkabbir, tissimplifika l-operat tan-negozji mal-UE kollha, tnaqqas il-kostijiet tal-konformità, ittejjeb il-proċeduri tat-taxxa u tiġġieled kontra l-frodi tat-taxxa.

Dawn l-isforzi leġiżlattivi għandhom l-għan li joħolqu ambjent tat-taxxa aktar ġust u effiċjenti, inkluż:

  • l-evitar tat-tassazzjoni doppja tal-investiment transfruntier
  • it-tnaqqis tal-kostijiet għan-negozji transfruntieri
  • il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa
  • it-tassazzjoni fl-era diġitali
  • il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT
  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati membri

Nevitaw it-tassazzjoni doppja tal-investiment transfruntier

Meta resident tal-UE jinvesti f'titoli fi stat membru ieħor, il-pagamenti riċevuti għalihom ikunu soġġetti għal taxxa f'ras il-għajn fl-istat membru ta' residenza, kif ukoll fl-istat membru tal-investiment.

Biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, l-investitur mhux residenti sussegwentement jintalab iressaq talba għal rifużjoni tat-taxxa eċċessiva miżmuma mill-pajjiż ta' oriġini. Dawn il-proċeduri ta' rifużjoni huma tipikament piż, jieħdu ż-żmien, u jiswew ħafna flus.

Biex jindirizza dan, fl-10 ta' Diċembru 2024 il-Kunsill adotta direttiva dwar ħelsien aktar rapidu u aktar sikur mit-taxxi f'ras il-għajn eċċessivi, magħrufa bħala FASTER.

Ir-regoli l-ġodda ser:

  • jintroduċu żewġ proċeduri rapidi li jikkomplementaw il-proċedura standard ta' rifużjoni eżistenti: proċedura ta' "ħelsien mit-taxxa f'ras il-għajn" u sistema ta' "rifużjoni rapida", li ser jagħmlu l-proċess ta' ħelsien aktar rapidu u jarmonizzawh madwar l-UE
  • jintroduċu ċertifikat diġitali komuni ta' residenza tat-taxxa tal-UE (eTRC) li l-investituri li jħallsu t-taxxa ser ikunu jistgħu jużaw sabiex jibbenefikaw mill-proċeduri rapidi biex jiksbu ħelsien mit-taxxi f'ras il-għajn
  • jistabbilixxu obbligu ta' rapportar standardizzat għall-intermedjarji finanzjarji (bħal banek jew pjattaformi ta' investiment), li ser jagħmilha aktar faċli li l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jidentifikaw frodi jew abbuż potenzjali tat-taxxa

It-tnaqqis tal-kostijiet għan-negozji transfruntieri

Minkejja s-suq uniku integrat sew tal-UE, in-negozji għadhom jiffaċċjaw ostakli fit-tassazzjoni, peress li jridu jikkonformaw ma' 27 sistema tat-taxxa korporattiva nazzjonali differenti. Dan iwassal għal kostijiet għoljin u inċertezza għan-negozji transfruntieri.

F'Settembru 2023 il-Kummissjoni pproponiet l-inizjattiva: "L-Intrapriżi fl-Ewropa: qafas għat-tassazzjoni tal-introjtu (BEFIT) biex jitnaqqsu l-kostijiet ta' konformità mar-regoli tat-taxxa għan-negozji transfruntieri. Il-proposta tinkludi:

  • ġabra komuni ta' regoli għall-kalkolu tal-bażi għat-taxxa għall-kumpaniji li huma parti mill-istess grupp
  • bażi għat-taxxa aggregata unika waħda għall-membri kollha tal-grupp
  • is-sehem tal-grupp tal-BEFIT mill-bażi għat-taxxa aggregata ser jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-medja tar-riżultati taxxabbli mit-tliet snin fiskali preċedenti

Dawn ir-regoli japplikaw għal gruppi kbar li joperaw fl-UE, b'possibbiltà li gruppi ta' daqs medju jagħżlu li jiġu inklużi. Negozju jitqies li jkun parti minn grupp kbir jekk ikollu dħul annwali kkombinat ta' mill-inqas €750 miljun, u l-kumpanija omm ikollha sjieda ta' mill-inqas 75%.

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa

L-evitar tat-taxxa jiswa lill-istati membri biljuni ta' euro fis-sena. Il-globalizzazzjoni u l-progress teknoloġiku ffaċilitaw dawn l-attivitajiet b'mod sinifikanti.

L-UE qdiet rwol ewlieni fl-għajnuna lill-istati membri biex jikkoordinaw ir-regolamenti tat-taxxa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Il-Kodiċi tal-Kondotta (tassazzjoni tal-intrapriżi) huwa l-istrument ewlieni, li jippromwovi l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, kemm fl-UE kif ukoll globalment.

Minħabba n-natura globali tal-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa, l-UE tippromwovi governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u tiġġieled kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq livell internazzjonali. Il-Kunsill jippubblika regolarment il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx, li tinkludi ġuriżdizzjonijiet li jkunu naqsu milli jissodisfaw il-kriterji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa jew li rrifjutaw li jikkonformaw ma' dawk il-kriterji.

It-tassazzjoni fl-era diġitali

It-tassazzjoni diġitali hija komponent relattivament ġdid tal-politika tat-tassazzjoni u tirrifletti l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-ekonomija diġitali li qed tikber.

L-ekonomija diġitali ġabet magħha ħafna benefiċċji għaċ-ċittadini u l-kumpaniji. Madankollu, fl-istess ħin, mudelli ġodda ta' negozju u ż-żieda f'ċerti attivitajiet diġitali għamlet pressjoni fuq ir-regoli tradizzjonali tas-sistemi ta' tassazzjoni nazzjonali.

B'riżultat ta' dan, ir-regoli tat-taxxa jridu jiġu adattati biex jiddaħħlu fl-era diġitali. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxi u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-soċjetà.

Dawn il-kwistjonijiet ilhom fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Kunsill mill-2017.

Il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT

Il-VAT fl-era diġitali

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija sors ewlieni ta' dħul għall-istati membri tal-UE, billi tgħin fil-finanzjament ta' servizzi pubbliċi essenzjali bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u t-trasport pubbliku. Madankollu, ammonti sinifikanti ta' dħul mill-VAT xorta waħda jintilfu minħabba frodi, amministrazzjoni ħażina, fallimenti, insolvenzi u fatturi oħra.

Biex jimmodernizza s-sistema attwali tal-VAT u jdaħħalha fl-era diġitali, il-Kunsill adotta l-pakkett tal-VAT fl-era diġitali fil-11 ta' Marzu 2025. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT, jappoġġaw lin-negozji, u jixprunaw id-diġitalizzazzjoni madwar l-UE.

Il-pakkett jinkludi miżuri biex jittejjeb u jitwessa' l-ambitu tal-"punti uniċi ta' servizz" eżistenti, li jippermettu lil aktar negozji jissodisfaw l-obbligi tal-VAT tagħhom fuq portal online uniku b'lingwa waħda.

Barra minn hekk, il-pjattaformi online għat-trasport tal-passiġġieri u għall-kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir ser jinħtieġu jiġbru u jibagħtu l-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa f'każijiet fejn il-fornituri individwali tas-servizzi jkunu eżentati.

Il-pakkett jintroduċi wkoll obbligi ta' rapportar għalkollox diġitali bbażati fuq il-fatturazzjoni elettronika, bl-għan li r-rapportar tal-VAT isir għalkollox diġitali sal-2030 għan-negozji transfruntieri fl-UE.

Ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mill-VAT

Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex jimmodernizza s-sistema tal-VAT, fit-18 ta' Frar 2025 il-Kunsill adotta regoli ġodda li jintroduċu ċertifikat elettroniku tat-taxxa għall-eżenzjonijiet mill-VAT.

Iċ-ċertifikati stampati, użati meta l-oġġetti jkunu eżentati mill-VAT, ser jiġu sostitwiti b'formola elettronika. Iċ-ċertifikat diġitali ser jissimplifika u jirrazzjonalizza l-proċess meta t-tali oġġetti jiġu importati għall-ambaxxati, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew il-forzi armati.

Il-miżuri l-ġodda ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2031 b'perjodu ta' tranżizzjoni ulterjuri ta' sena li matulu l-istati membri ser ikunu jistgħu jużaw kemm formoli elettroniċi kif ukoll dawk stampati.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati membri

Fl-UE, il-kontribwenti jridu jiddikjaraw fil-pajjiż ta' residenza tagħhom l-introjtu kollu li jkunu qalgħu globalment. Filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jittraċċaw l-introjtu nazzjonali permezz ta' miżuri bħat-taxxi f'ras il-għajn jew ir-rappurtar nazzjonali, huwa aktar diffiċli li jaċċertaw li l-kontribwenti jkunu ddikjaraw l-introjtu barrani.

Skont id-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (DAC), l-istati membri tal-UE jgħinu fil-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti għat-taxxa b'mod awtomatiku, spontanju u fuq talba. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex l-individwi u n-negozji jaħbu l-assi jew l-introjtu tagħhom mill-awtoritajiet tat-taxxa. Fis-seħħ mill-2014, id-DAC taqdi rwol kruċjali fil-promozzjoni tat-trasparenza fiskali u fit-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-istati membri tal-UE.

Fl-2023 il-Kunsill estenda l-kamp ta' applikazzjoni tad-DAC u żied regoli dwar ir-rappurtar u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-dħul minn tranżazzjonijiet fi kriptoassi u dwar deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem għall-individwi l-aktar sinjuri (b'valur nett għoli).

Fl-2025 il-Kunsill adotta direttiva (DAC9) li temenda d-direttiva eżistenti biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar tassazzjoni korporattiva effettiva minima. Id-direttiva l-ġdida ser tgħin lill-kumpaniji multinazzjonali u domestiċi kbar jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtar tat-taxxa tagħhom skont il-ftehim globali G20/OECD.

L-istati membri ser ikollhom jimplimentaw ir-regoli l-ġodda sal-31 ta' Diċembru 2025.

Il-Kunsill bħala l-uniku leġiżlatur tal-UE

Il-leġiżlazzjoni tat-taxxa fil-livell tal-UE tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi bħala l-uniku leġiżlatur, kif stipulat fit-trattati tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat, iżda m'għandu ebda setgħa leġiżlattiva f'dan il-qasam. Din tissejjaħ proċedura leġiżlattiva speċjali.

Id-direttivi jew ir-regolamenti jiġu adottati permezz ta' voti unanimi fil-Kunsill. Ma jista' jkun hemm ebda vot "kontra" biex il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam tiġi adottata mill-Kunsill.

Il-proċess leġiżlattiv jibda bil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar it-taxxa jew bidliet għal-liġijiet eżistenti.

Ara wkoll

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE

Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-UE

Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-UE

Tassazzjoni diġitali

Tassazzjoni diġitali

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Novembru 2025