"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 10 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Strateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima".

L-istrateġija l-ġdida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima tiddeskrivi viżjoni fit-tul kif l-UE tista' ssir soċjetà reżiljenti għat-tibdil fil-klima li tkun kompletament adattata għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima sal-2050.

João Pedro Matos Fernandes, Ministru għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika tal-Portugall
It-tibdil fil-klima mhuwiex biss theddida futura - qed jiġri issa. Jeħtieġ li nkunu ppreparati aħjar għall-konsegwenzi tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem, in-natura u l-ekonomija. Il-konklużjonijiet tal-lum wasslu għal azzjoni ta' adattament msaħħa. L-istrateġija l-ġdida tiffoka fuq data aħjar u użu aħjar tad-data eżistenti, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi u t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell internazzjonali. Il-klima kienet prijorità ewlenija għall-Presidenza Portugiża u ninsabu kuntenti li l-Kunsill illum approva l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-adattament għall-klima li, flimkien mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li ntlaħaq qbil dwarha reċentement, ser tgħin lill-UE ssir reżiljenti għall-klima u newtrali għall-klima fid-deċennji li ġejjin.
João Pedro Matos Fernandes, Ministru għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika tal-Portugall
João Pedro Matos Fernandes, Ministru għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika tal-Portugall

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill japprovaw l-għanijiet tal-istrateġija li tapprofondixxi u tespandi l-azzjonijiet ta' adattament, b'enfasi msaħħa fuq l-għarfien, il-konsiderazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, id-dimensjoni internazzjonali u rwol għall-assigurazzjoni.

Il-batteriji u l-iskart ta' batteriji

Il-ministri tal-UE evalwaw il-progress fir-rigward tal-proposta għal regolament dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Diċembru 2020.

Il-batteriji huma element ewlieni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-proposta biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji għandha l-għan li tnaqqas l-impatti ambjentali u soċjali tal-batteriji matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji - mill-provvista tal-materjali għall-produzzjoni, l-użu, ir-riċiklaġġ u r-rimi.

Il-proposta tallinja l-leġiżlazzjoni attwali mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tippromwovi l-ekonomija ċirkolari u għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Għandha l-għan ukoll li tindirizza d-diskrepanzi fis-suq intern minħabba regoli u informazzjoni mhux uniformi, billi toħloq kondizzjonijiet ekwi għall-batteriji permezz ta' sett ta' regoli komuni u aktar ċar.

Tniġġis żero

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar tniġġis żero.

Bħala element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi viżjoni għal tniġġis żero fl-UE sal-2050. Għandu l-għan li jnaqqas it-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u li joħloq ambjent ħieles mit-tossiċità. Il-pjan ta' azzjoni jiddeskrivi l-miri ewlenin għall-2030 għal diversi tipi ta' tniġġis u jiddefinixxi għadd ta' azzjonijiet u inizjattivi ewlenin biex tinkiseb l-ambizzjoni ta' tniġġis żero, inkluż diversi proposti leġiżlattivi attwali u ppjanati.

Kwistjonijiet oħrajn

Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet dwar ir-regolament ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta fis-17 ta' Diċembru 2020. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus ħareġ il-parir tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni u adotta s-sejbiet tiegħu dwar każ ġdid li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat. In-negozjati tat-trilogu politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament bdew fl-4 ta' Ġunju 2021.

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet dwar il-proposta għal deċiżjoni dwar it-tmien programm ta' azzjoni ambjentali. Il-programm ta' azzjoni ser iservi bħala gwida ġenerali għall-politika ambjentali Ewropea sal-2030. Il-proposta għal deċiżjoni tibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-lista ta' azzjonijiet dettaljati fih. Il-Kunsill adotta l-mandat tiegħu għan-negozjati fis-17 ta' Marzu 2021. Wara li l-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill u l-Parlament ser jibdew negozjati ta' trilogu biex jintlaħaq qbil politiku dwar il-fajl.

Id-delegazzjoni Netherlandiża, appoġġata mill-Belġju u l-Lussemburgu, ġibdet l-attenzjoni tal-ministri għall-prevenzjoni tal-frodi fis-settur tal-bijokarburanti. Id-delegazzjoni Netherlandiża infurmat lill-ministri dwar l-Alleanza għad-Dekarbonizzazzjoni tat-Trasport. Id-delegazzjoni Estonjana ppreżentat informazzjoni dwar laqgħa tal-konvenzjoni internazzjonali dwar l-ilma. Id-delegazzjoni Ċeka, appoġġata mill-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja, ġibdet l-attenzjoni tal-ministri għall-implikazzjonijiet tat-tassonomija tal-UE għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. Id-delegazzjoni Żvediża, appoġġata minn Franza u l-Lussemburgu, ġibdet l-attenzjoni tal-ministri għall-kwistjoni li jitreġġa' lura t-tnaqqis tad-dakkara.

Fl-aħħar nett, id-delegazzjoni Slovena ppreżentat il-programm ta' ħidma għall-presidenza tagħha li jmiss.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025