Skip to content
  • Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 17 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Liġi Ewropea dwar il-klima

Il-Kunsill laħaq qbil dwar approċċ ġenerali dwar il-liġi Ewropea dwar il-klima, inkluż mira ġdida tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-1990, abbażi tal-gwida mogħtija mill-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta' Diċembru. L-għan ewlieni tal-liġi Ewropea dwar il-klima huwa li tistabbilixxi fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050.

Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja
Illum ilħaqna stadju importanti fir-rigward tal-proposta għal liġi Ewropea dwar il-klima. L-UE hija impenjata bis-sħiħ li jkollha impatt newtrali fuq il-klima sal-2050 u qed nibagħtu sinjal qawwi lid-dinja bil-mira msaħħa tagħna ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' mill-inqas 55% sal-2030.
Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja
Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja

L-approċċ ġenerali li ntlaħaq illum jikkompleta l-pożizzjoni ta' negozjar parzjali maqbula mill-Kunsill f'Ottubru u jagħti mandat lill-Presidenza tal-Kunsill għal aktar diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

Preżentazzjoni mill-NDC tal-UE u l-istati membri tagħha

Illum il-Kunsill adotta l-preżentazzjoni dwar il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-UE u l-istati membri tagħha. Il-preżentazzjoni fiha mira aġġornata u mtejba ta' tnaqqis ta' mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990, skont il-gwida tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020. Il-preżentazzjoni issa ser tintbagħat lis-Segretarjat tal-UNFCCC.

L-infografika tispjega kif l-UE twettaq il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika (Infografika)

Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika (Infografika)

Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

Il-Kunsill laħaq ftehim dwar approċċ ġenerali dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament ta' Aarhus. Ir-Regolament ta' Aarhus jistabbilixxi kif l-UE u l-istati membri tagħha għandhom jimplimentaw il-Konvenzjoni internazzjonali ta' Aarhus, li għandha l-għan li tiggarantixxi l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

Il-politiki ambjentali tagħna u l-mod kif jiġu implimentati jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. Ninsab kuntent li l-qbil milħuq illum dwar ir-Regolament ta' Aarhus ser jikkontribwixxi għat-titjib tad-demokrazija ambjentali. Dan ser iwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-atti li għalihom tista' tiġi introdotta talba għal rieżami u testendi l-iskadenzi għal tali talbiet. Neħtieġu sistema li tiffunzjona tajjeb għall-membri tal-pubbliku li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-ordni ġuridiku u s-sistema ġudizzjarja tal-UE. Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja

B'mod ġenerali l-Kunsill qabel li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament għal atti amministrattivi ta' portata ġenerali. Il-pożizzjoni tal-Kunsill testendi wkoll l-iskadenzi biex il-pubbliku jitlob rieżami u biex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jwieġbu, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess għall-dawk li jressqu l-ilmenti u tiġi żgurata kwalità aħjar tat-tweġibiet.

Nagħmlu l-irkupru mill-COVID-19 ċirkolari u ekoloġiku

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar li l-irkupru mill-COVID-19 isir ċirkolari u ekoloġiku bħala rispons għall-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għal Ekonomija Ċirkolari. Il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jagħtu gwida politika komprensiva dwar il-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet previsti fil-Pjan ta' Azzjoni. Għandhom l-għan li jilħqu bilanċ bejn approċċ ambizzjuż u il-firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet, inkluż il-punti tat-tluq ta' stati membri differenti.

Ninsab kuntent ħafna li llum ħadna pass ieħor lejn l-ekonomija ċirkolari. B'dawn il-konklużjonijiet aħna nagħtu direzzjoni lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bħad-dritt ta' tiswija, li huwa strument importanti biex jitnaqqas l-ammont ta' prodotti tal-ICT disponibbli sal-2025, li huwa indirizzat mill-konklużjonijiet għat-trasformazzjoni diġitali adottati llum ukoll. Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja

Diġitalizzazzjoni għall-benefiċċju tal-ambjent

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet li jindirizzaw l-isfida doppja tas-soċjetà tat-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, u jesplora modi biex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabtiet meħtieġa bejniethom.

Il-konklużjonijiet jagħtu gwida politika lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tippreżenta inizjattivi xierqa biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni għall-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika, u biex jiġu limitati l-impatti ambjentali negattivi tad-diġitalizzazzjoni.

Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà

Il-ministri għall-ambjent kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà - lejn ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi. Il-Kummissjoni adottat l-istrateġija fl-14 ta' Ottubru 2020, bħala komponent ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

L-istati membri taw appoġġ wiesa' lill-istrateġija u qiesu li l-livell ġenerali ta' ambizzjoni tal-istrateġija huwa xieraq. Id-delegazzjonijiet esprimew l-interess tagħhom li jkomplu jaħdmu fuq proposti futuri li huma parti mill-istrateġija u jibqgħu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni tagħha.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta l-ġdida tagħha dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji. Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar sejħa għal azzjoni urġenti rigward ir-ratifika ta' ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs). Il-Portugall ipprovda lid-delegazzjonijiet b'informazzjoni dwar il-Konferenza Ewropea "It-tibdil fil-klima u d-dimensjoni Ewropea tal-ilma - It-tisħiħ tar-reżiljenza" (4 u 5 ta' Novembru 2020). Spanja infurmat lill-Ministri dwar ir-Rapport dwar il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għall-konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) (27-30 ta' Ottubru 2020). Franza pprovdiet informazzjoni lid-delegazzjonijiet dwar l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni. Fl-aħħar nett, il-presidenza Portugiża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2021.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025