"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 20 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%"

Il-ministri ħadu nota ta' rapport ta' progress u kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-fajls fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill Ambjent.

Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja
L-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li tnaqqas l-emissjonijiet netti tagħha tal-gassijiet serra b'55% sal-2030 u issa rridu nirriflettu dan l-objettiv fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-proposti tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" kienu prijorità ewlenija għall-Presidenza Slovena. Għamilna l-almu kollu tagħna biex nagħmlu kemm jista' jkun progress fuq il-pakkett filwaqt li niżguraw il-koerenza tiegħu.
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja

Il-ministri ddiskutew il-fajls li ġejjin tal-pakkett:

  • ir-reviżjoni tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (EU ETS)
  • ir-reviżjoni tar-regolament dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-istati membri (regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi)
  • ir-reviżjoni tar-regolament dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)
  • ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-istandards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda
  • ir-regolament li jistabbilixxi fond soċjali għall-klima

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-livell ta' ambizzjoni meħtieġ għal aktar progress fil-ħames fajls relatati mal-klima fix-xhur li ġejjin, b'kont meħud tad-diversi interkonnessjonijiet bejn il-proposti tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%". Il-ministri esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar dak li huma jqisu bħala l-aktar kwistjonijiet sensittivi fil-ħames fajls.

L-infografika tispjega l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, l-oqsma ewlenin ta' azzjoni biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-proposti jinbidlu f'liġi tal-UE.

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Il-batteriji u l-iskart ta' batteriji

Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet marbuta mal-leġiżlazzjoni dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji. Ir-rapport jippreżenta sommarju tad-diskussjonijiet li saru taħt il-presidenza Slovena u jidentifika l-aspetti u l-kwistjonijiet tekniċi li fadal li jeħtieġu aktar deliberazzjoni. Fid-diskussjonijiet tagħhom, il-ministri taw gwida għall-ħidma futura fuq din il-proposta.

Il-batteriji huma element ewlieni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-proposta tal-Kummissjoni, li ġiet ippreżentata sena ilu, għandha l-għan li tnaqqas l-impatti ambjentali u soċjali tal-batteriji matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom - mill-provvista tal-materjali għall-produzzjoni, l-użu, ir-riċiklaġġ u r-rimi.

Strateġija tal-UE għall-ħamrija għall-2030

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija tal-UE għall-ħamrija għall-2030, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2021.

L-istrateġija tipproponi li tistabbilixxi qafas b'miżuri konkreti għall-protezzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u tipproponi ġabra ta' miżuri volontarji u legalment vinkolanti. Hija għandha l-għan li żżid il-karbonju tal-ħamrija fl-art agrikola, tiġġieled id-deżertifikazzjoni, tirrestawra l-art u l-ħamrija degradati, u tiżgura li sal-2050, l-ekosistemi kollha tal-ħamrija jkunu f'kundizzjoni tajba. L-istrateġija tipprevedi wkoll proposta leġiżlattiva, sal-2023, għal liġi ġdida dwar is-saħħa tal-ħamrija.

Reżiljenza ta' entitajiet kritiċi

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar l-abbozz ta' direttiva dwar ir-reżiljenza ta' entitajiet kritiċi. Dan l-abbozz ta' strument għandu l-għan li jnaqqas il-vulnerabbiltajiet u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastrutturi li huma essenzjali għas-soċjetà, il-funzjonament tal-ekonomija u l-benesseri taċ-ċittadini.

Kwistjonijiet oħra

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar it-tnaqqis tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati mal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE u l-proposta tagħha dwar il-vjeġġi tal-iskart. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-ministri informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.

Il-presidenza tat informazzjoni dwar il-laqgħa informali tal-ministri responsabbli għal kwistjonijiet urbani – ir-rwol tal-bliet Ewropej fit-tranżizzjoni ekoloġika u fil-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku (li saret f'Ljubljana fis-26 ta' Novembru 2021). Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar workshop fuq ir-riforma tal-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' REACH (li sar f'Brdo fid-9 ta' Novembru 2021).

Il-presidenza u l-Kummissjoni rrappurtaw lill-ministri dwar laqgħat internazzjonali reċenti, inkluż is-summit COP26 dwar il-klima, l-ewwel parti tas-summit COP15 dwar il-bijodiversità, is-seba' sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u l-COP22 tal-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis.

L-Awstrija, appoġġata mill-Ungerija, Ċipru u l-Lussemburgu tat informazzjoni lill-ministri dwar azzjoni koordinata dwar ir-regolamentazzjoni ta' pjanti miksuba minn tekniki ġenomiċi ġodda.

Spanja infurmat lill-ministri dwar it-tielet forum dwar l-arja nadifa (li sar f'Madrid fit-18 u d-19 ta' Novembru 2021).

Il-Litwanja, appoġġata mill-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, Malta, il-Polonja u r-Rumanija u l-Ungerija, tat informazzjoni dwar il-pakkett dwar il-mobilità fil-kuntest tal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Franza ppreżentat il-programm ta' ħidma għall-presidenza tagħha li jmiss.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025