"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 24 ta' Ottubru 2022

Riżultati ewlenin

Summit dwar il-Klima COP 27

Il-ministri għall-ambjent tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li ser iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta’ negozjar tal-UE għas-27 konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 27) tan-Nazzjonijiet Uniti.

Anna Hubáčková, Ministru għall-Ambjent taċ-Ċekja.
Ħarset kulħadd ser tkun fuqna f'Sharm El-Sheikh. L-UE minn dejjem kienet fuq quddiem nett tal-azzjoni klimatika u ser inkomplu mmexxu bl-eżempju. Il-protezzjoni tal-pjaneta tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri teħtieġ azzjoni dinjija komuni b'saħħitha. Ninsab kuntent li llum l-UE wriet li hija serja fl-ambizzjonijiet tagħha.
Anna Hubáčková, Ministru għall-Ambjent taċ-Ċekja.
Anna Hubáčková, Ministru għall-Ambjent taċ-Ċekja.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill enfasizza li l-ambizzjoni globali trid tiżdied sostanzjalment biex ikun jista' jintlaħaq l-objettiv ta' 1.5°C, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, u jappella lill-pajjiżi kollha, lill-ekonomiji ewlenin b'mod partikolari, biex iressqu miri u politiki ambizzjużi biex jilħqu jirrevedu u jsaħħu l-NDCs tagħhom sal-COP 27.

Il-Kunsill ġedded ukoll l-impenn qawwi li sar mill-UE u l-istati membri tagħha biex ikomplu jżidu l-finanzjament internazzjonali tagħhom għall-klima u jappella lill-pajjiżi kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw finanzjament mis-sorsi kollha biex jappoġġaw l-azzjoni klimatika u jintegraw il-klima fil-flussi finanzjarji kollha.

Summit dwar il-Bijodiversità COP 15

Il-Kunsill approva il-konklużjonijiet li ser iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta' negozjar tal-UE għall-15-il Konferenza dwar il-Bijodiversità (COP 15) tan-Nazzjonijiet Uniti.

Din ser tkun konferenza rivoluzzjonarja. Il-mexxejja dinjija ser jiltaqgħu biex jaqblu dwar il-protezzjoni globali tal-bijodiversità tagħna. Diġà qed naraw tnaqqis serju ta' speċijiet differenti u wasal iż-żmien li naġixxu. Ninsab kuntenta li l-UE qablet dwar pożizzjoni b'saħħitha għas-summit dwar il-bijodiversità. Il-protezzjoni tal-ekosistemi tagħna hija obbligu komuni għalina bħala umanità. Anna Hubáčková, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika Ċeka

L-intenzjoni wara l-konferenza hija l-adozzjoni ta' qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020, li jistabbilixxi għanijiet li jiggwidaw l-azzjonijiet globali għall-protezzjoni u r-restawr tan-natura fid-deċennju li jmiss.

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill appella għall-adozzjoni ta' qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 li jkun ambizzjuż, komprensiv u trasformattiv u jinkludi għanijiet fit-tul għall-2050, eżiti intermedji għall-2030 u miri orjentati lejn l-azzjoni għall-2030 li jindirizzaw b'mod effettiv u simultanju l-ixpruni diretti u indiretti tat-telf tal-bijodiversità.

Emissjonijiet industrijali

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Il-proposta għandha l-għan li tiggwida l-investimenti f'installazzjonijiet industrijali fuq skala kbira biex jintlaħaq l-għan ta' ekonomija ta' tniġġis żero u li tkun kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva biex tinkludi tipi addizzjonali ta' rziezet għat-trobbija tal-bhejjem u l-mekkaniżmu għal penali u kumpens għal danni għas-saħħa fil-livell tal-UE.

Il-ministri ssottolinjaw l-importanza tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u r-rwol importanti li qdiet fit-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali u t-tniġġis tal-arja b'mod ġenerali. Fir-rigward tal-aspetti agrikoli tal-proposta, id-dibattitu wera rikonoxximent wiesa' li dawn l-elementi l-ġodda jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tniġġis. Fl-istess ħin, diversi stati membri esprimew tħassib li d-direttiva tapplika għall-irziezet żgħar u ta' daqs medju għat-trobbija tal-bhejjem. Fir-rigward tal-pieni u l-kumpens, ħafna stati membri appoġġaw ir-regolamentazzjoni tal-aspetti relatati mal-kumpens fil-livell tal-istati membri.

Punti oħra fuq l-aġenda

Il-Kunsill adotta formalment regolament dwar pollutanti organiċi persistenti, li huma sustanzi partikolarment ta' ħsara. Ir-regolament il-ġdid jirrevedi l-annessi għar-regolament dwar il-pollutanti organiċi persistenti, filwaqt li jintroduċi sustanzi kimiċi ġodda fil-lista ta' dawn is-sustanzi u jirrestrinġi l-preżenza tagħhom fl-iskart billi jsaħħaħ il-valuri ta' limitu tal-konċentrazzjoni ta' ċerti sustanzi. Il-valuri l-ġodda ta' limitu tal-konċentrazzjoni ser jiżguraw protezzjoni ogħla tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, ftehim internazzjonali biex jintemm it-tniġġis tal-plastik.

Il-Kunsill ta wkoll l-approvazzjoni finali tiegħu għad-direttiva dwar iċ-ċarġers komuni. Dan ifisser li fl-2024, ser isir mandatorju li jkun hemm port USB-C għal firxa sħiħa ta' apparat elettroniku, bħall-mobiles, tablets u headphones. Mhux ser ikun aktar meħtieġ li tixtri ċarġer differenti kull darba li tixtri mobile ġdid jew apparat simili: kollha kemm huma jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid bl-użu tal-istess ċarġer.

Il-ministri adottaw liġi ġdida tal-UE li tiffaċilita x-xiri f'waqtu ta' mediċini, vaċċini u materja prima u l-aċċess għalihom, tattiva finanzjament ta' emerġenza u tippermetti l-monitoraġġ tal-faċilitajiet tal-produzzjoni meta tfaqqa' kriżi oħra tas-saħħa. Dan ir-regolament tal-Kunsill dwar il-provvista ta' kontromiżuri mediċi jikkostitwixxi wieħed mill-elementi kostitwenti tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa.

Żewġ regolamenti oħra - adottati wkoll fil-laqgħa - jiffurmaw parti mill-Unjoni tas-Saħħa: liġi riveduta dwar theddid transkonfinali għas-saħħa u Ċentru msaħħaħ Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Huma jtejbu l-kapaċitajiet tal-UE li tirrispondi għal pandemiji futuri u kriżijiet tas-saħħa transkonfinali oħra.

Il-Kunsill adotta regolament, li ser jistabbilixxi tieqa unika għad-dwana. Ir-regoli l-ġodda ser jistabbilixxu l-kondizzjonijiet xierqa għall-kollaborazzjoni diġitali bejn id-dwana u l-awtoritajiet kompetenti sħab fil-fruntieri esterni tal-UE. Dan mistenni jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali, iqassar il-ħinijiet għall-iżdoganar tal-merkanzija u jnaqqas ir-riskju ta' frodi.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti l-oħra li jidhru fil-lista ta' "punti A".

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra l-presidenza spjegat is-sitwazzjoni attwali dwar id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali. Il-proposta hija diskussa fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni. Il-presidenza u l-Kummissjoni aġġornaw lill-ministri dwar il-laqgħat internazzjonali reċenti ewlenin. Il-Belġju, appoġġat minn Spanja, ġibed l-attenzjoni tal-ministri għad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta. Il-Belġju pprovda informazzjoni lill-ministri dwar it-tniġġis minn sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFASs). Is-Slovenja, appoġġata mill-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Ċipru, l-Awstrija u l-Portugall, infurmat lill-ministri dwar il-ġestjoni tan-nixfa fil-livell tal-UE. Spanja pprovdiet informazzjoni dwar it-tnedija ta' Alleanza Internazzjonali għar-Reżiljenza għan-Nixfa. Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar Konferenza dwar l-Ippjanar ta' Pajsaġġi Reżiljenti għall-Klima.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni informali dwar il-perspettivi tal-OECD fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u dwar il-kriżi attwali tal-enerġija fl-Ewropa, fil-preżenza ta' Jo Tyndall, Direttur għall-Ambjent fl-OECD.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025