"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 17 ta' Marzu 2022

Riżultati ewlenin

Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%"

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-fajls fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li jaqgħu fil-kompetenza tal-Kunsill Ambjent. Il-pakkett għandu l-għan li jallinja l-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar il-klima u l-enerġija mal-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u mal-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tat-trasport bit-triq u tal-bini (ETS RTB) u, b'mod partikolari, dwar l-effettività tal-għodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet sabiex tintlaħaq il-mira ta' -55% fl-2030.

Il-ministri ppreżentaw opzjonijiet u parametri ewlenin li huma qiesu bħala l-aktar rilevanti biex tittejjeb l-aċċettazzjoni soċjali ta' skema bħal din filwaqt li tiġi garantita l-effettività tagħha, kif ukoll xi alternattivi possibbli għal din l-iskema.

Il-ministri ddiskutew il-parametri li għandhom jiġu stabbiliti għall-Fond Soċjali għall-Klima biex ikun jista' jappoġġa b'mod effettiv l-aktar gruppi vulnerabbli jekk tiġi stabbilita ETS RTB.

L-infografika tispjega l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, l-oqsma ewlenin ta' azzjoni biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-proposti jinbidlu f'liġi tal-UE.

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Il-batteriji u l-iskart ta' batteriji

Il-ministri adottaw approċċ ġenerali dwar proposta għal regolament li jaġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji.

Barbara Pompili - Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika ta' Franza
Il-batteriji huma element ewlieni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Ir-regoli l-ġodda ser jippromwovu l-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-ktajjen tal-produzzjoni u ser jagħmlu aktar batteriji disponibbli għall-bidla tagħna lejn mezzi ta' trasport b'żero emissjonijiet. Ir-regoli l-ġodda ser jiżguraw li l-batteriji fi tmiem il-ħajja tagħhom jinġabru kif xieraq u mhux jispiċċaw jintremew fl-ambjent. Dan ser jipprevjeni li s-sustanzi tossiċi li jinsabu fihom joħorġu fl-ambjent u jillimita drastikament il-ħela ta' materjal prezzjuż li jista' jiġi rkuprat fil-kuntest ta' ekonomija ċirkolari.
Barbara Pompili - Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika ta' Franza
Barbara Pompili - Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika ta' Franza

Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas l-impatti ambjentali u soċjali tal-batteriji matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji - mill-provvista tal-materjali sal-produzzjoni, l-użu u r-riċiklaġġ.

Il-proposta għandha l-għan ukoll li tindirizza d-diskrepanzi fis-suq intern minħabba regoli u informazzjoni mhux uniformi, billi toħloq kondizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi permezz ta' sett ta' regoli komuni aktar ċar.

Illustrazzjoni tal-katina tal-provvista tal-batteriji

Lejn katina ta' provvista sostenibbli, ċirkolari u Ewropea għall-batteriji (Infografika)

Deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqas kemm jista' jkun il-konsum ta' prodotti li ġejjin mill-ktajjen tal-provvista assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti.

Il-proposta ġiet ippubblikata fis-17 ta' Novembru 2021 u tistabbilixxi regoli obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta għall-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-UE prodotti bażiċi u prodotti derivati, bħall-ġilda, iċ-ċikkulata u l-għamara, assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif tiġi żgurata sistema ta' diliġenza dovuta effiċjenti u effettiva sabiex tinkiseb it-traċċabbiltà meħtieġa biex jiġi żgurat li l-prodotti inklużi fir-regolament ma kinux involuti fid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Il-ministri esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom u ppreżentaw suġġerimenti għal definizzjonijiet komuni ta' termini ewlenin għall-applikazzjoni operazzjonali tar-regolament.

Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew

Matul diskussjoni waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fiskali, soċjali u tax-xogħol fl-UE.

Il-ministri ffukaw id-diskussjoni tagħhom fuq kif is-Semestru Ewropew jista' jintegra aħjar l-isfidi ta' tranżizzjoni ekoloġika inklużiva u ġusta, filwaqt li jiżgura l-kisba tal-objettivi Ewropej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni tal-bijodiversità.

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-prinċipji ewlenin u l-prattiki tajba biex it-tranżizzjoni ġusta tiġi kkunsidrata fil-politiki ekonomiċi, b'mod partikolari f'termini tal-analiżi tad-distribuzzjoni tal-effetti, li għandha tissaħħaħ fis-Semestru Ewropew.

Konvenzjoni dwar il-merkurju

Il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-pożizzjoni tal-UE fil-Konferenza tal-Partijiet 4.2 tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju. Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas għall-kontroll u l-limitazzjoni tal-użu tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju, u tal-emissjonijiet u r-rilaxxi antropoġeniċi tagħhom fl-arja, fl-ilma u fuq l-art, bil-għan li jitħarsu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

L-ewwel deċiżjoni tikkonċerna l-emenda tal-Anness A għall-Konvenzjoni biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għal prodotti addizzjonali miżjudin bil-merkurju, inkluż ċerti tipi ta' lampi. Tikkonċerna wkoll l-emenda tal-Anness B biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu billi tiġi stabbilita data finali ta' eliminazzjoni definittiva għal proċess tal-merkurju kopert minn dak l-Anness.

It-tieni deċiżjoni għandha l-għan li tiddefinixxi b'mod aktar preċiż il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-iskart, u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) dwar l-obbligu li l-iskart tal-merkurju kkonċernat jiġi ttrattat skont il-prinċipju ta' mmaniġġjar ambjentalment korrett.

It-tieni segment tar-raba' konferenza tal-partijiet (COP) għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju ser isir mill-21 sal-25 ta' Marzu 2022 f'Bali, l-Indoneżja.

Il-Kunsill adotta wkoll id-dikjarazzjoni tal-ftuħ mill-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha fil-konferenza tal-partijiet għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju. Id-dikjarazzjoni tal-ftuħ ġiet adattata b'mod partikolari biex tirrifletti l-pożizzjoni tal-UE u l-istati membri tagħha dwar l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Pollutanti organiċi persistenti

Il-presidenza Franċiża għarrfet lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposta għal regolament dwar pollutanti organiċi persistenti (POP). Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu fil-livell tal-ambaxxaturi fil-11 ta' Marzu bil-ħsieb ta' negozjati tat-trilogu futuri mal-Parlament Ewropew.

Il-proposta temenda l-annessi għar-regolament attwali, bil-għan li jiġu eliminati jew minimizzati l-emissjonijiet ta' dawn is-sustanzi kimiċi mill-iskart.

Għalkemm il-pollutanti organiċi persistenti ġeneralment ma jibqgħux jintużaw fi prodotti ġodda, xorta waħda jistgħu jinstabu fi skart li ġej minn xi prodotti għall-konsumatur bħal tessuti reżistenti għall-ilma, għamara, plastik u tagħmir elettroniku. Il-proposta tintroduċi limiti stretti għat-tliet sustanzi li ġejjin, jew gruppi ta' sustanzi, fl-iskart:

  • aċidu perfluworoottanojku (PFOA) u l-imlieħ tiegħu u komposti relatati – li jinstabu f'tessuti reżistenti għall-ilma u ragħwa tat-tifi tan-nar;
  • dikofol – pestiċida, li qabel kien jintuża fl-agrikoltura;
  • pentaklorofenol, l-imlieħ u l-esteri tiegħu – li jinstabu fl-injam u t-tessuti ttrattati.

Tistabbilixxi wkoll valuri ta' limitu aktar stretti għal għadd ta' sustanzi oħra diġà elenkati fl-annessi, bħad-diossini u l-furani, li huma preżenti bħala impuritajiet fl-irmied u fin-nugrufun. Skart b'kontenut ta' POP ogħla minn dawk il-valuri limitu jrid jiġi ttrattat b'modi speċifiċi biex jiġi żgurat li l-kontenut ta' POP jinqered jew jiġi ttrasformat b'mod irreversibbli.

Programm dwar it-Tranżizzjonijiet lejn Enerġija Nadifa

Il-Kunsill approva l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tingħaqad ma' impenn konġunt mhux vinkolanti biex taċċellera t-trasformazzjoni lejn sistema ta' enerġija netta żero permezz tal-Programm ta' Tranżizzjonijiet għal Enerġija Nadifa tal-AIE (Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija).

Affarijiet oħra

Il-Presidenza u l-Kummissjoni taw informazzjoni dwar it-tieni segment tal-ħames sessjoni tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA-5), li saret mit-28 ta' Frar sat-2 ta' Marzu f'Nairobi, il-Kenja. It-tema ġenerali tas-sessjoni kienet "It-Tisħiħ tal-Azzjonijiet għan-Natura biex Jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli".

Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar proposta ġdida għal direttiva dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, li tiddefinixxi reati kriminali ambjentali ġodda u tintroduċi dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar sanzjonijiet, regoli biex jissaħħaħ l-infurzar u miżuri li jassistu lill-persuni li jirrappurtaw reati u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-infurzar.

Il-Kummissjoni appellat lill-istati membri biex jieħdu azzjoni urġenti rigward ir-ratifika ta' ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs).

Id-delegazzjoni Estonjana u dik Finlandiża taw informazzjoni dwar iċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali (Konvenzjoni dwar l-Ilma). Il-Konvenzjoni dwar l-Ilma ġiet adottata f'Helsinki fl-1992. Hija strument legalment vinkolanti li jippromwovi l-kooperazzjoni fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi transkonfinali tal-ilma.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025