"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 06-07/12/2018, 6 u 7 ta' Diċembru 2018

Riżultati ewlenin

Kwistjonijiet ta' saħħa, 7 ta' Diċembru 2018

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

Ir-rati tat-tilqim ivarjaw ħafna madwar l-UE. Jeħtieġ li nitgħallmu minn xulxin u naħdmu flimkien biex niġġieldu kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim u nipprovdu liċ-ċittadini tagħna bl-informazzjoni preċiża dwar il-benefiċċji tat-tilqim. Beate Hartinger-Klein, Ministru Federali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Awstrija

Id-dokument jistipula għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-istati membri u l-Kummissjoni, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pjanijiet ta’ tilqim, il-ħolqien ta’ sistema Ewropea għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Tilqim, is-sorveljanza tal-benefiċċji u r-riskji tat-tilqim, u t-tisħiħ tal-provvista tat-tilqim, kif ukoll attivitajiet ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni relatati mal-benefiċċji tat-tilqim u mal-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim.

Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar l-Indirizzar tal-eżitazzjoni għat-tilqim fil-livell tal-UE u dak nazzjonali: Sfidi u possibiltajiet f'dinja diġitalizzata. Id-dibattitu kien ibbażat fuq nota ta’ gwida mill-presidenza li tistieden lill-ministri jaqsmu l-aħjar prattiki biex iżidu l-kopertura tat-tilqim, jikkunsidraw modi kif jiġġieldu d-diżinformazzjoni dwar il-vaċċini u t-tilqim b’mod partikolari fuq l-Internet u jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar ir-raġunijiet għall-varjazzjonijiet fl-eżitazzjoni għat-tilqim bejn l-istati membri.

Affarijiet oħra

Il-ministri ħadu nota ta’ rapport ta’ progress mill-Presidenza dwar ir-Regolament propost dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa. Il-proposta tal-Kummissjoni toħloq qafas għal valutazzjoni konġunta fil-livell tal-UE mill-korpi tal-istati membri tal-effettività klinika relattiva ta’ ċerti mediċini u apparat mediku.

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri s-sejbiet ewlenin tar-rapport tagħha “Health at a Glance: Europe 2018”. Fit-22 ta’ Novembru 2018 il-Kummissjoni nediet it-tieni ċiklu dwar L-Istat tas-Saħħa fl-UE bil-pubblikazzjoni tar-rapport “Health at a Glance: Europe 2018”. Ir-rapport jippreżenta analiżi komparattiva tal-istatus tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE u kif qed jaħdmu s-sistemi tas-saħħa tat-28 stat membru tal-UE, il-ħames pajjiżi kandidati u t-tliet pajjiżi tal-EFTA.

Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/62/UE dwar il-prodotti mediċinali falsifikati li għandha tibda fid-9 ta’ Frar 2019. Minn din id-data l-operaturi ekonomiċi tul il-katina tal-provvista, inkluż l-ispiżeriji u l-isptarijiet, ser ikollhom bżonn jiskennjaw il-pakketti tal-mediċini biex jivverifikaw l-awtentiċità tagħhom.

Il-Presidenza Rumena li kien imiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha fil-qasam tas-saħħa.

Kwistjonijiet ta' Impjiegi u Politika Soċjali, 6 ta' Diċembru 2018

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali (il-pożizzjoni tal-Kunsill) dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA). L-għan tar-regolament, propost mill-Kummissjoni f'Marzu, hu li joħloq korp ġdid li jappoġġa lill-istati membri fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-mobbiltà transkonfinali tal-forza tax-xogħol u tal-koordinazzjoni transkonfinali tas-sigurtà soċjali, inkluż il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-istazzjonar ta' ħaddiema u s-servizzi mobbli ħafna.

Nilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ġenerali li qbilna dwaru llum għall-ELA. Il-proposta tirrappreżenta bilanċ tajjeb bejn il-ħolqien ta’ korp effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-mobbiltà transkonfinali tal-forza tax-xogħol u tal-koordinazzjoni transkonfinali tas-sigurtà soċjali, u r-rispett tal-kompetenzi nazzjonali. Beate Hartinger-Klein, Ministru Federali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Awstrija

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew 2019, abbażi ta’ nota ta’ gwida mill-Presidenza.

B'rabta mad-dibattitu l-Kummissjoni ppreżentat:

Il-Kunsill approva l-kontribut tiegħu għall-aspetti relatati mal-impjiegi u l-politika soċjali tar-Rakkomandazzjoni

Il-ministri approvaw il-messaġġi ewlenin imħejjija mill-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) wara l-eżamijiet tematiċi dwar “Aspetti Soċjali tad-Diġitalizzazzjoni” u “Diġitalizzazzjoni u Robotizzazzjoni tax-Xogħol”.

Approvaw ukoll il-messaġġi ewlenin tal-EMCO dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-qgħad fit-tul.

Il-Kunsill laħaq il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

Il-proposta li ntlaħaq qbil dwarha llum hija pass deċiżiv ieħor lejn il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fl-UE. Din id-direttiva ser ittejjeb b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol għal miljuni ta’ ċittadini tagħna u ser tevita għexieren ta’ eluf ta’ każijiet ta’ mard. Beate Hartinger-Klein, Ministru Federali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Awstrija

Il-ministri laħqu qbil politiku dwar proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar il-ministri kellhom dibattitu dwar is-suġġett li ġej: "Investiment tal-QFP fin-nies: kontribuzzjoni ta’ fondi u programmi tal-UE għal konverġenza, ġustizzja u kompetittività." Id-dibattitu kien ibbażat fuq nota ta' gwida tal-presidenza.

Il-Kunsill ħa nota wkoll ta’ rapport ta’ progress dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-FEG ikompli jopera wara l-2020.

Il-ministri eżaminaw sett ta’ konklużjonijiet dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, iż-Żgħażagħ u d-Diġitalizzazzjoni.

Il-Presidenza kkonkludiet li t-test kien appoġġat minn 26 delegazzjoni inkluż il-Presidenza.

Il-konklużjonijiet tħejjew bħala parti mir-reviżjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

Il-ministri ħadu wkoll nota ta’ rapport ta’ progress dwar il-proposta għal Direttiva dwar it-trattament ugwali. Il-proposta tkopri r-reliġjon u t-twemmin, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. Din tfittex li timla lakuna fil-leġislazzjoni tal-UE, billi testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni lil hinn mill-impjiegi, għal oqsma bħall-aċċess għall-prodotti u s-servizzi.

Affarijiet oħra

Il-ministri ngħataw informazzjoni mill-Presidenza u mill-Kummissjoni dwar ir-riżultat tas-Summit Soċjali Tripartitiku (16 ta’ Ottubru 2018, Brussell).

Il-Presidenza pprovdiet ukoll informazzjoni dwar il-progress f’għadd ta’ proposti leġislattivi li għaddejjin bħalisssa, kif ukoll dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala Prijorità tal-Unjoni Ewropea llum u fil-futur”.

Il-presidenza Rumena li kien jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha fil-qasam tal-Impjiegi u l-Politika Soċjali.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025